Legislature:
Category:
Reset
Active:

EASO – inizjattivi u programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi u programmi għaddejjin preżentement ma’ pajjiżna fi ħdan l-EASO? Jista’ jindika jekk kemm-il darba hemmx il-possibilità li ssir talba għall-iktar assistenza minħabba l-pożizzjoni preżenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Bejn Malta u l-EASO hemm fis-seħħ pjan operazzjonali u ta’ assistenza teknika. Fl-aħħar ġimgħat, l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat kompliet tissaħħaħ inkluż b’aktar riżorsi umani.

Ftuħ ta’ High Commission fil-Kanada

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li tul din is-sena hiex ser tinfetaħ High Commission ta’ pajjiżna fil-Kanada in vista tad-diversi Maltin li hemm jgħixu hemm u li diġà ġie identifikat post fejn din ser tiġi stabbilita?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalissa ma hemmx ħsieb li tinfetaħ Kummissjoni Għolja ġewwa l-Kanada.

High Commision ġewwa l-Ghana – Infiq u Dħul

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13829, jista’ l-Ministru jgħid għala l-proġett qed jinżamm on hold? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-infiq u d-dħul li kien hemm tul is-sena li għaddiet mill-imsemmija High Commission?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru informa lill-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin fejn jiġi organizzat il-Program Consul-on-the-Move kull sena biex il-projezzjonijiet ta’ żjarat għal din is-sena jkun sospiżi minħabba l-pandemija COVID-19. Dettalji dwar meta l-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jippjanaw għal skeda ġdid ta’ żjarat tiġi kkomunikata lilhom fi żmien opportun. Sandanittant il-Ministeru jixtieq jinforma li għal din is-sena ma sarux talbiet għal iktar fondi biex isostnu dan il-Program permess li sa issa ma tinħassx il-ħtieġa għal dan.

Consul on The Move — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed jingħataw taħt l-iskema Consul on The Move kif ukoll f’liema pajjiżi u jekk kemm-il darba sarux talbiet għall-iktar fondi sabiex dan jibqa’ jiġi sostnut tul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru informa lill-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin fejn jiġi organizzat il-Program Consul-on-the-Move kull sena biex il-projezzjonijiet ta’ żjarat għal din is-sena jkun sospiżi minħabba l-pandemija COVID-19. Dettalji dwar meta l-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jippjanaw għal skeda ġdid ta’ żjarat tiġi kkomunikata lilhom fi żmien opportun. Sandanittant il-Ministeru jixtieq jinforma li għal din is-sena ma sarux talbiet għal iktar fondi biex isostnu dan il-Program permess li sa issa ma tinħassx il-ħtieġa għal dan.

Persuni reġistrati volontarjament bħala residenti barra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13775, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jittieħdu xi passi sabiex iktar persuni li huma residenti barra jiġu infurmati li jistgħu jirreġistraw taħt in-Notifika D?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-waqt li r-reġistrazzjoni taħt in-Notifka D intiża għal dawk il-Maltin li jgħixu barra minn Malta hija fuq bażi volontarja, il-Ministeru qed jaħseb dwar modi kif din in-Notifika tista’ tkun iżjed magħrufa permezz ta’ iżjed pubbliċita’ u metodi aktar moderni kif wieħed ikun jista’ jaċċessaha biex jimliha u jibgħatha minnufih. Dan u aktar impenn minn naħa tal-Ambaxxati Maltin biex jippromwovu din ir-reġistrazzjoni voluntarja għandu jgħin biex in-numri ta’ dawk li jitħajjru jimlew u jibgħatu din in-notifika jiżdied.

Ambaxxati – mod ta’ kif jitmexxew

Question

B’referenza għall-aħbar li ġiet imxandra f’Novembru 2017 li hemm “Ħsieb biex ambaxxati jiġu mmexxijien aħjar”, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u x’kienu r-riżultati? Jista’ jindika x’miżuri medium u long term ġew identifikati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Novembru 2017, ġew segwiti numru ta' miżuri sabiex jitjieb l-operat tal-Ambaxxati ta' Malta sabiex jirrappreżentaw u jmexxu aħjar l-interessi tagħna kif ukoll biex iservu aħjar liċ-ċittadini Maltin li jgħixu jew jinsabu barra l-pajjiż. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-miżuri.

Maltin li jinsabu f’ħabsijiet barra mill-pajjiiż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin li jinsabu preżentement f’ħabsijiet barra minn pajjiżna? Jista’ jindika kemm ġew rilaxxati tul is-sena li għaddiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Maltin li jinsabu f’ħabsijiet barra mill-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Maltin li preżentement jinsabu f’ħabsijiet barra minn pajjiżna? Jista’ jindika kemm ġew rilaxxati tul is-sena li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa hemm ħdax (11)-il persuna ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta. Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt: L-Awstralja (8), l-Italja (1), il-Polonja (1), u Spanja (1). Matul is-sena li għaddiet inħelsu żewġ (2) persuni: wieħed (1) mill- Emirati Għarab Magħquda u ieħor (1) mir-Renju Unit. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din iċ- ċifra tikkorrispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.

Persuni li jinsabu f’ħabsijiet barra mill-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hiex qiegħda tingħata għajnuna soċjali lill-persuni li preżentement jinsabu f’ħabsijiet barra minn pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jħallas l-ebda Għajnuna Soċjali lil persuni li qegħdin il-ħabs, la f’Malta u lanqas barra minn Malta.

Organizzazzjonijiet mhux governattivi — applikazzjoni għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12205, jista’ l-Ministru jgħid jekk waħda mill-ħames organizzazzjonijiet mhux governattivi reġistrati ai termini tal-artikolu 10 tal-Kapitolu 515 tal-Liġijiet ta’ Malta humiex eleġibbli sabiex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, liema u jekk le x’diffikultajiet hemm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi l-organizzazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, ma jikkwalifikawx ai termini tal-artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

Ħal Tarxien – Triq il-Kurunell Mas – Open Air Gym – fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi li ġew allokati mid-Dipartiment lill-Kunsill Lokali Tarxien biex kif kien ġie debitament imħabbar isir Open Air Gym fi Triq il-Kurunell Mas, Ħal Tarxien? Jista’ jiġi indikat ukoll min kienu l-kuntratturi/suppliers li ġew inkarigati biex jaħdmu fuq dan il-proġett u jekk tħallsu meta tħallsu? Jista’ jiġi indikat jekk kemm-il darba ġewx utilizzati fondi oħra apparti dawk mgħoddija speċifikament għall-proġett? Jekk iva, jista’ jindika minn liema vot u meta tħallsu dawn il-pagamenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-fondi allokati lill-Kunsill biex isir Open Air Gym fi Triq il-Kurunell Mas jammonta għal € 250,000. Il-Kuntrattur inkarigat biex jaħdem fuq dan il-proġett kien Catbros Ltd. II-proġett attwalment ġie jiswa € 335,791.80 u sal-aħħar ta’ Ġunju 2019 kien tħallas l-ammont ta’ €95,172.71. Bejn Lulju 2019 u April 2020 l-ammont li tħallas kien dak ta’ € 295,285.80. Il-bilanċ pendenti jitħallas meta ssir iċ-ċertifikazzjoni mill-perit fuq ix-xogħlijiet. Il-fondi in eċċess qed jitħallsu mill-fondi tal-Kunsill.

Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta – mużew/ċentru ta’ informazzjoni fuq l-istorja tal-immigrazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin lejn pajjiżi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proposta li tresqet fi ħdan il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta li jkun hemm mużew jew ċentru ta’ informazzjoni flimkien mal-Università ta’ Malta sabiex l-istorja tal-immigrazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin lejn pajjiżi oħra, tiġi miġbura u ppreservata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-inizjattiva msemmija kienet preżentata fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta fl-2011 u li kienet issemmiet fil-Konvenzjonijiet tal-Maltin li Jgħixu barra minn Malta ta’ bejn 1969 u l-2000. Madankollu minħabba nuqqaas ta’ finanzi baqa’ qatt ma sar xejn. Sadanittant tajjeb wieħed ifakkar li l-Kummissjoni Emigranti kienet waqqfet il-Mużew tal-Emigrazzjoni f’Dar l-Emigrant li t-tieni fażi tiegħu tnediet fl-2012. F’dan is-sens il-gvern iqis li Mużew ieħor ddedikat għall-Emigranti Maltin ikun qed jidduplika x-xogħol tajjeb li diġa’ sar mill-Kummissjoni Emigranti, u minflok qed jaħseb biex isaħħaħ l-infrastruttura diġitali tiegħu biex fuq medda ta’ żmien il-Maltin li jgħixu barra minn Malta jkollhom sit elettroniku ddedikat għalihom.

Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta – informazzjoni dwar il-ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-assoċjazzjonijiet tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta humiex isibu diffikultà sabiex jinformaw il-membri tagħhom dwar ħidmet il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta u jistgħux jingħataw għajnuna finanzjarja u loġistika sabiex iwettqu dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li waħda mill-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu barra minn Malta hi li jżomm lill-assoċjazzjonijiet tal-Maltin infurmati bl-inizjattivi li jkunu qed isiru, kif ukoll jgħaddilhom informazzjoni oħra utli li fil-fehma tal-Kunsill tinteressahom mill-qrib. Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru, l-assoċjazzjonijiet Maltin attivi barra minn Malta m’għandhomx diffikultajiet biex din l-informazzjoni jgħadduha lill-membri rispettivi tagħhom u jqis il-kuntatt tal-membri tal-Kunsill ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet bħala fundamentali biex jinżamm kuntatt ħaj bejn iż-żewġ naħat. Dwar għajnuna finanzjarja u loġistika lill-assoċjazzjonijiet imsemmija, f’dan l-istadju l-Ministru ma jħossx li għandu jikkonsidraha, anki għaliex fil-ħidma pjanata tal-Kunsill, hemm diġa’ maħsubin miżuri bie jindirizzaw xi lakuni li jista’ jkun hemm bl-użu aktar effiċjenti tal-informatika.

Home Equity Release for Pensioners

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13778, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni li l-Awtorità rċeviet sabiex jiġi offrut l-Equity Release for Pensioners ġietx approvata u jekk fl-affermattiv liema huwa l-bank applikanti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni li l-Awtorità rċeviet sabiex jiġi offrut l-Equity Release for Pensioners għadha qed tiġi proċessata. Meta applikazzjoni tiġi approvata mill-Awtorità informazzjoni fuq l-entità li ġiet liċenzjata titpoġġa fuq il-website tal-Awtorità.

Kunsill Interministerjali dwar it-Tagħlim tal-Lingwa Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jindika minn min huwa kompost il-kunsill interministerjali dwar it-tagħlim tal-Lingwa Maltija ai termini tal-ħidma li għandha ssir taħt il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta? Jista’ jiġi indikat jekk kemm-il darba l-applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea ġietx milqugħa jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmi Kunsill kien fil-verità Kumitat li twaqqaf fl-2015 mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, bil-għan li jsegwi mill-qrib l-idea oriġinali li titwaqqaf pjattaforma diġitali għat-tagħlim tal-ilsien Malti. Fil-perjodu li fih kien attiv il-Kumitat saret ħidma flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jinkisbu fondi Ewropej mill-Integra-LLAPSI+ (Language Learning and Parental Support for Integration Plus) għal dan il-proġett. Il-Kumitat baqa’ jiffunzjona sal-2017 meta l-fondi ġew allokati lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex tkun tista’ tibda l-ħidma fuq dan il-proġett. Il-Kumitat imsemmi kien kompost mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Politiċi u Ewropej, id-Direttur responsabbli għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, is-Segretarju tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, id-Direttur tal-Akkademja Mediterranja għall-iStudji Diplomatiċi (MEDAC), u rappreżentanti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol rispetttivament. Tajjeb wieħed ifakkar li fl-aħħar laqgħa ġeneral tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, id-Direttur Ġenerali responsabbli minn dan il-proġett fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol informa l-membri tal-Kunsill li l-proġett imsemmi beħsiebu jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Fgura u Ħal Tarxien – għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu favur u sabiex jgħinu numru ta’ bdiewa u raħħala li hemm fil-Fgura u Ħal Tarxien invista tal-kriżi preżenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet għall-Annimali jaħdem sabiex imexxi ‘l quddiem l-agrikoltura Maltija u Għawdxija u ma jagħmilx distinzjoni bejn raħal u ieħor. Sabiex jixpruna s-settur agrikolu, il-gvern fassal politika agrikola nazzjonali illi tagħti direzzjoni lis-settur għas-snin li ġejjin. Din il-politika fiha numru ta’ miżuri li jħarsu lejn varji aspetti bħal dawk ekonomiċi, soċjali, ta’ governanza, kif ukoll immaniġġjar ta’ riżorsi. Wieħed mill-aspetti ta’ din il-politika li jindirizza l-sfidi ta’ dan is-settur huwa l-promozzjoni ta’ prodotti ta’ kwalita’. Il-passi li ttieħdu minn meta tnedhiet l-Istrategija Nazzjonali jinkludu il-Kampanja Wines of Distinction immirata lejn promozzjoni ta’ inbejjed ta’ kwalità u l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ skema ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli f’Malta. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, il-Ministeru nhieda kampanja mmirata lejn l-apprezzament tax-xogħol tal-bidwi u r-raħhal Malti permezz tal-Kampanja ‘Agħżel il-frisk, Agħżel il-bnin’. Il-Ministeru qed jagħmel studju sabiex jiġi eżaminat l-impatt ekonomiku ta’ COVID-19 fuq is-settur sabiex ikun jista’ jfassal skemi ta’ għajnuna.

Ix-Xgħajra – manutenzjoni tax-Xatt

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11910, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu mill-Ministeru sabiex ikun hemm rijabilitazzjoni tax-Xatt tax-Xgħajra senjatament il-ħadid li huwa msaddad sew? Jista’ jgħid jekk il-public convenience hiex ser titlesta kollha qabel is-sajf jew le?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ix-Xgħajra – manutenzjoni tax-Xatt

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11910, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu mill-Ministeru sabiex ikun hemm rijabilitazzjoni tax-Xatt tax-Xgħajra senjatament il-ħadid li huwa msaddad sew? Jista’ jgħid jekk il-public convenience hiex ser titlesta kollha qabel is-sajf jew le?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li bħalissa għaddej xogħol ta' manutenzjoni tal-bankijiet kif ukoll tal-latrina pubblika li maħsuba tkun lesta sal-aħħar ta' Mejju. Apparti minn hekk, fix-Xatt tax-Xgħajra sar ukoll xogħol ta' railing fit-turġien li jagħtu għal fuq il-blat u tindif u qtugħ ta' ħaxix. Il-Kunsill qed jaħdem sabiex jinbidel ir-railing tax-xatt kollhu minħabba li qiegħed fi stat ħażin ħafna.

Masġar bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar — rijabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex jiġi riabilitat il-masġar li hemm bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar li qiegħed fuq ix-xellug li jibda minn Triq Kottoner fil-Fgura u jieħu għal Triq il-Kunsill tal-Ewropa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-masġar bħalissa qiegħed jiġi rijabilitat. Dan il-masġar jikkonsisti primarjament minn siġar maturi taż-żebbuġ li kollha ġew miżbura. Sar ukoll twittija ta’ ħamrija madwar is-siġar u tul il-masġar kollu sabiex l-art tkun aktar stabbli u sigura. Dan in vista li dan il-Park ikun jista’ jilqa’ familji fih meta jinfetaħ għal pubbliku. Sar ukoll tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni u mistenni li jsir aktar tħawwil fil-planting season ta’ Settembru/Ottubru. Matul il-masġar tqiegħdu picnic benches u bins flimkien ma' sistema ta’ dawl baxx matul il-passaġġi f’nofs il-masġar. Inbnew faċilitajiet sanitarji u inxtara logħob għat-tfal li ser ikun qiegħed jiġi installat fil-jiem li gejjin. Saret ukoll installazzjoni tal-ewwel parti ta’ sistema ta’ CCTV sabiex timmoniterja l-attivita fil-Park.

Ħal Tarxien – qagħda finanzjarja tal-kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni finanzjarja kien jinsab il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien fl-aħħar ta’ Ġunju 2019? Jista’ jgħid jekk kienx hemm deficit u jekk iva kemm kien? Jista’ jiġi indikat ukoll x’kienet il-pożizzjoni finanzjarja sal-aħħar ta’ April 2020?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi sal-aħħar ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill kellu deficit ta’ €244,373 skont il-Mid-Term Financial Audit għas-sena finanzjarja bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u t-30 ta’ Ġunju 2019. Skont ir-Rapport Finanzjarju tal-ewwel kwart tas-sena, il-Kunsill kellu deficit ta’ €135,646.