Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra x’passi ttieħdu sabiex ikun hemm iktar sigurtà fis-sub-station tal-elettriku li tinsab fil-Gudja u li reċentement kien hemm nar jaqbad fuq barra tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-investigazzjoni li għamlet Enemalta, irriżulta li xi persuna/persuni mhux magħrufa taw in-nar lil xi oġġett quddiem is-substation Gudja Olive. Madanakollu, din ma affettwatx l-operat tal-Enemalta u lanqas internament ma kien hemm xi ħsarat fuq l-apparat tas-substation.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’passi qed jittieħdu sabiex il-Batterija ta’ Rihama ġewwa l-Bajja ta’ San Tumas Wied il-Għajn tiġi restawrata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-imsemmija Batterija hi propjetà tal-Awtorità tal-Artijiet u l-amministrazzjoni tagħha mhix delegata lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala. Għalhekk din il-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’tip ta’ xogħol qiegħed isir fil-Bajja ta’ San Tumas Wied il-Għajn kemm ilu għaddej u meta huwa previst li jispiċċa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid tnejn mit-tliet mollijiet twal tal-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn, wara li partijiet minnhom inqerdu bit-tgħawwir tal-baħar u l-maltemp matul is-snin. L-aġenzija qed tibnihom mill-ġdid permezz ta’ proġett ta’ €3 miljun bħala parti mill-impenn tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura fil-portijiet u f’żoni oħrajn mal-kosta f’Malta u Għawdex.
Iż-żewġ mollijiet twal mal-50 metru ‘l wieħed tant kienu fi stat imwiegħer li kienu qed jipperikolaw saħħet l-għawwiema, d-dilettanti tas-sajd u tad-dgħajjes u persuni oħrajn li jżuru din il-bajja popolari. Il-periti ta’ Infrastructure Malta ddisinjaw il-mollijiet il-ġodda b’mod li jkunu aktar siguri, b’materjali ta’ kwalità ogħla biex iservu aktar fit-tul.
Ix-xogħlijiet bdew f’nofs Awwissu u l-kuntratturi tal-aġenzija bħalissa qegħdin jibnu dawn il-mollijiet bi blokki tal-konkos maħduma minn qabel u strutturi oħra tal-konkos imsaħħaħ bl-azzar li jiffurmaw fuq il-post stess. Bħalma huwa l-każ ta’ kull proġett marittimu ieħor dawn ix-xogħlijiet jiddependu ħafna mit-temp u jkun hemm ġranet fejn il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar ma jippermettux li x-xogħol ikompli. F’dawn is-sitwazzjonijiet ix-xogħol ikollu jitwaqqaf sabiex tiġi mħarsa saħħet il-ħaddiema u l-ambjent marittimu tal-inħawi. Kemm-il darba t-temp jippermetti, x-xogħlijiet kollha huma skedati li jitlestew sas-sajf. Aktar tard din is-sena, wara li jitlesta x-xogħol attwali, Infrastructur Malta ser ittejjeb ukoll it-tielet moll li tħalla miftuħ għall-użu tas-sajjieda u nies oħrajn Ii jagħmlu użu miż-żona kif ukoll strutturi oħrajn fl-istess bajja, fosthom il-mollijiet u l-iskali li hemm biswit il-mollijiet il-ġodda, li wkoll jeħtieġu tiswijiet kbar.
Infrastructure Malta bħalissa qed tlesti wkoll proġett ieħor ta’ €840,000 biex tibni mill-ġdid żewġ mollijiet fiż-żona taż-Żonqor fil-Bajja ta’ Wied il-Għajn, fl-istess lokalità. Partijiet minn dawn il-mollijiet u l-mogħdijiet għall-aċċess tagħhom kienu ċedew wara li ttieklu mill-elementi u tħallew mitluqin għal żmien twil.
It-taqsima marittima ta’ Infrastructure Malta għadha kemm lestiet il-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten, investiment ta’ €4 miljun biex ikennen il-Port ta’ Marsaxlokk u x-xtajtiet tal-madwar. Bħalissa qed twettaq investimenti oħrajn kbar madwar il-kosta f’Malta u Għawdex. Fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Port ta’ Marsaxlokk, l-aġenzija qed ittejjeb il-puntuni fl-inħawi tal-Magħluq. Qed tagħmel ukoll studji preliminari biex tagħraf l-aħjar post u t-tip ta’ struttura li tista’ ssir fl-inħawi taħt Delimara, biex tkennen din in naħa tax-xatt ta’ Marsaxlokk ukoll.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun lest ukoll il-proġett ta’ €6 miljun għall-bini mill-ġdid tal-mollijiet, l-iskali u l-puntuni li jużaw is-sajjieda fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr, Għawdex. Proġett ieħor li għaddej bħalissa huwa l-faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri tat-trasport bil-lanċa f’Tas-Sliema u f’Bormla. Infrastructure Malta qed tagħmel ukoll tiswijiet u tibni mill-ġdid ta’ mollijiet oħrajn f’Delimara u ċ-Ċirkewwa.
Lejn l-aħħar tal-2020, l-aġenzija bdiet ukoll il-Grand Harbour Clean Air Project, investiment ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex twassal is-servizz tal-elettriku lill-vapuri tal-passiġġieri (cruise liners) u dawk li jġorru merkanzija (Ro-Ro vessels) waqt li jkunu ankrati fil-port. Dan l-investiment se jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja li jikkaġunaw dawn il-bastimenti f’Malta.
Proġetti marittimi oħrajn jinkludu l-bini mill-ġdid tal-mollijiet fl-inħawi tat-Toqba (Sally Port), il-Birgu, kif ukoll l-introduzzjoni t’aktar faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri tat-trasport bil-lanċa biex testendi dan il-mezz alternattiv ta’ vjaġġar lejn lokalitajiet oħrajn mal-kosta f’Malta.
Artikolu 166a – preżentazzjoni ta’ ittri uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali fil-Qrati ta’ pajjiżna tul is-sena li għaddiet 2020 u jista’ jindika kemm kienu taħt l-Artikolu 166a?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li matul is-sena 2020:
Fil-Qorti ta’ Malta ġew ippreżentati 10,898 ittra uffiċjali. Minn dawn l-ittri uffiċjali, 3,353 kienu maħruġa taħt l-Artikolu 166A tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Fil-Qorti ta’ Għawdex ġew ippreżentati 567 ittra uffiċjali. Minn dawn l-ittri uffiċjali, 208 kienu maħruġa taħt l-Artikolu 166A tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati mandati ta’ sekwestru tul is-sena li għaddiet fil-Qrati ta’ pajjiżna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2020 fil-Qorti ta’ Malta ġew preżentati 1,871 mandat ta’ sekwestru u fil-Qorti ta’ Għawdex ġew preżentati 74 mandat ta’ sekwestru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati kontro-mandati tul is-sena li għaddiet fil-Qrati ta’ pajjiżna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020 fil-Qorti ta’ Malta ġew ippreżentati 1,511-il kontro-manda, waqt li fil-Qorti ta’Għawdex gew ippreżentati 58 kontro-mandat.
Artikolu 166a – preżentazzjonijiet ta’ ittri uffiċjali eżekuttivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali eżekuttivi taħt l-Artikolu 166a fil-Qrati ta’ pajjiżna minn meta din ġiet fis-seħħ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li minn meta daħal fis-seħħ l-Artikolu 166A tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta daħlu 52,140 ittra uffiċjali ezekuttivi ai termini tal-istess artikolu fil-qrati ta’ Malta.
Fil-Qorti ta’ Għawdex, ġew preżentati 2,485 ittri uffiċjali eżekuttivi taħt l-Artikolu 166A.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kumpilazzjonijiet kriminali ġodda s-sena li għaddiet 2020 fil-Qrati ta’ pajjiżna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2020 fil-Qorti ta Malta ġew reġistrati 726 il-kumpilazzjoni kriminali. Waqt li fil-Qorti ta’ Għawdex ġew reġistrati 48 il-kumpilazzjoni kriminali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi u terminanti kumpilazzjoni kriminali mill-Qrati ta’ pajjiżna tul is-sena li għaddiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2020 fil-Qorti ta’ Malta ġew deċi¿i u terminati 520 il- kumpilazzjoni kriminali. Waqt li fil-Qorti ta’ Għawdex ġew deċiżi u terminati 54 kumpilazzjoni kriminali.
Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra kemm kien hemm studenti reġistrati mal-MCAST għas-sena akkademika 2019/2020 u kemm minnhom ma komplewx l-istudji tagħhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li matul is-sena akkademika 2019/2020 fl-MCAST kien hemm 5,837 studenti reġistrati li minnhom 325 student irriżenjaw.
MCAST – skemi ta’ apprendista offruti lill-istudenti
Question
Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra xi skemi ta’ apprendista ġew offruti u f’liema korsijiet tul is-sena akkademika li għaddiet 2019/2020 u din is-sena 2020/2021 lill-istudenti tal-MCAST?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 51 kors offruti tul is-sena akkademika 2019/2020 u 54 kors offruti tul is-sena 2020/2021 bi skemi ta’ apprendistat. Dettalji ta’ dawn il-korsijiet qed jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 18187 - MCAST – skemi ta’ apprendistat offruti lill-istudenti.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati arbitraġġi s-sena li għaddiet 2020 ġewwa ċ-Ċentru tal-Arbitraġġ u jista’ jindika n-natura tagħhom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020 ġew reġistrati 245 każ li minnhom 191 huma arbitraġġi mandatorji, 42 huma arbitraġġi volontarji u 12-il każ ta’ arbitraġġ internazzjonali
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi jew ċeduti arbitraġġi s-sena li għaddiet 2020 ġewwa ċ-Ċentru tal-Arbitraġġ u jista’ jindika n-natura tagħhom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020 ġew mogħtija 228 deċiżjoni;
- 4 f’arbitraġġi internazzjonali
- 25 f’arbitraġġi volontarji
- 199 f’arbitraġġi mandatorji.
In oltre, mill-każijiet li ġew ipprezentati fl-2020 kien hemm 42 każ li l-proċeduri tagħhom ġew ċeduti. Dawn kienu;
- 40 f’arbitraġġi mandatorji
- 2 f’arbitraġġi volontarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm arbitraġġi pendenti fl-aħħar tas-sena li għaddiet 2020 ġewwa ċ-Ċentru tal-Arbitraġġ u jista’ jindika n-natura tagħhom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-31 ta’ Diċembru 2020, kien hemm 602 każ i li għadhom pendenti li minnhom 414 huma arbitraġġi mandatorji, 158 huma arbitraġġi volontarji u 30 huma arbitraġġi internazzjonali – dan minn total ta’ 6,113 każ li ġie ppreżentat minn meta beda jopera ċ-Ċentru u ċjoè minn Marzu 2000.
Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li rriżenjaw jew irtiraw mill-MCAST tul is-sena li għaddiet u jekk kienx hemm sejħiet relattivi sabiex il-post jiġi mimli?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li mill-MCAST matul is-sena li għaddiet kien hemm ħames (5) persuni li rriżenjaw li minnhom erba’ (4) postijiet ġew mimlija filwaqt li hemm sejħa għall-vakanza l-oħra. Matul is-sena li għaddiet kien hemm sitt (6) persuni li rtiraw li minnhom tliet (3) postijiet ġew mimlija filwaqt li għaddej il-proċess sabiex jimtlew it-3 vakanzi l-oħra.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Oratorju f’Bormla, meta ser ikunu konklużi u kemm ser jintefaq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit ¿mien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Bormla diġà bniet mill-ġdid Triq Alessandra, Triq San Ġorġ, Triq il-Pellegrinaġġ u Triq l-Iljun. Waqt li bħalissa qed issir Triq l-Oratorju, diġà hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew ukoll Triq San Franġisk, Triq Santa Margerita, Triq Ċetta Mintoff u Triq Wiġi Rosato.
L-istima preliminari tax-xogħlijiet fit-triq indikata hija ta’ €403,888 bla VAT u dawn jikkonsistu fi bdil tas-servizzi taħt l-art partikolarment dak tal-ilma, bini mill-ġdid ta’ partijiet mill-bankini, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid lit-triq b’diversi kisjiet t’asfalt.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba skont il-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ġiex introdott il-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni ta’ kotba?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq nota ġenerali tajjeb wieħed jifhem li dan il-ftehim li ġie ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ħoloq żona ta’ kummerċ ħieles, bla tariffi u kwoti fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Għaldaqstant fil-każ ta’ prodotti mmanifatturati fir-Renju Unit, l-ebda ħlas ta’ dazju m’hu dovut. Il-ħlas ta’ dazju jkun dovut biss meta prodott ma jirrispettax ir-regoli tal-oriġini. Dan japplika b’mod uniformi għal kull prodott li jiġi impurtat, inkluż kotba. Tajjeb wieħed jinnota wkollb’mod partikolari, li fil-każ ta’ kotba stampati, qatt ma jitħallas dazju, anke jekk joriġinaw minn pajjiż terz.
Importazzjoni ta’ prodotti essenzjali – rati għal ħlas ta’ dazju
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba skont l-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea kemm huma r-rati relattivi li ġew introdotti għal ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni ta’ prodotti essenzjali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas ta’ dazju ser ikun dovut biss fuq prodotti li ma jkunux qegħdin joriġinaw mir-Renju Unit, iġifieri, kwalunkwe prodott immanifatturat fir-Renju Unit u li ser ikun akkumpanjat minn dokumenti li jixhdu dan, mhux ser ikun suġġett għad-dazju. Id-dazju huwa dovut biss meta l-prodott li jkun qed jiġi impurtat ġewwa Malta mir-Renju Unit ma jissodisfax ir-regoli tal-oriġini, bħal meta per eżempju l-prodott ikun immanifatturat f’pajjiż ieħor terz. Ir-rati ta’ dazju applikabbli huma dawk li japplikaw b’mod orizzontali għall-Unjoni
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba skont il-ftehim bejn ir-Renju Unit u ll-Unjoni Ewropea ġietx introdotta l-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni ta’ kotba?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Paralmentari lill-Ministru kkonċernat