Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Luċija – In work benefits

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni f’Santa Luċija bbenefikaw mill-in work benefit tul l-2020? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif indikata f’din it-tabella t’hawn taħt. Santa Luċija Sena 2020 Benefiċjarji Nefqa Nisa 14 € 18,097.88 Irġiel 11 € 9,043.26 Total 25 € 27,141.14

Korp Diplomatiku – ftehim kollettiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat mal-Korp Diplomatiku fis-sena 2019 huwiex jiġi implimentat fis-sħiħ jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi l-ftehim kollettiv li ġie iffirmat mal-Korp Diplomatiku fl-2019 qed jiġi implementat fis-sħiħ.

Il-Gudja – in work benefit

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni fil-Gudja bbenefikaw mill-In work benefit tul l-2020? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif indikata f’din it-tabella t’hawn taħt. Gudja Sena 2020 Benefiċċjarji Nefqa Nisa 12 € 2,504.73 Irġiel 16 € 8,978.68 Total 28 € 11,483.41

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – Second Secretary

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħa riċenti għall-pożizzjoni ta’ Second Secretary fi ħdan il-Ministeru hiex differenti minn dawk preċedenti u jekk iva f’liema partijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi l-uniċi partijiet li huma differenti f’din is-sejħa meta mqabbla ma dawk preċedenti huma fit-Termini u Kundizzjonijiet, u fir-Rekwiżiti tal-Eliġibbilita’

Ħal Tarxien – Triq Paola — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se ddum biex titlesta Triq Paola, Ħal Tarxien? X’xogħlijiet se jsiru?

Response (BORG, IAN)

Fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700 miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajjiż, l-aġenzija bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq Paola f’Ħal Tarxien li hi twila mhux ħażin, tant li din tibda minn ħdejn il-Knisja Parrokkjali u tmiss ma’ Triq Ħal Tarxien fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid. Ix-xogħlijiet f’din it-triq bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar u jinkludu bdil tal-pajpijiet tal-ilma, servizzi ġodda għall-ilma u telekomunikazzjoni, bini ta’ bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq qabel ma jissaħħew il-pedamenti u jsir wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Fl-istess triq bħalissa għaddej ukoll xogħol minn entità oħra, li qed jiġi kkordinat biex isir waqt il-bini mill-ġdid tat-triq biex jonqos l-inkonvenjent lir-resident. Ix-xogħol kollu mistenni li jkun lest fix-xhur li ġejjin. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Santa Marija, Triq iż-Żejtun, Triq is-Sorijiet u Triq Marjanu Gerada waqt li diġà hemm ippjanati biex isiru toroq residenzjali oħrajn. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq residenzjali se jissokta fis-sitt snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta. Fis-sentjen li għaddew, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali. Għaldaqstant, fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq mifruxin fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, u dan apparti xogħlijet ta’ tiswijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn u l-bini ta’ proġetti kbar li qegħdin jinbnew fit-toroq arterjali.

Ħal Tarxien – Triq Paola — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se ddum biex titlesta Triq Paola, Ħal Tarxien? X’xogħlijiet se jsiru?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat miIl-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li dawn ix-xogħlijiet qed isiru minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Tarxien – Triq Birżebbuġia — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet se jsiru fi Triq Birżebbuġia, Ħal Tarxien?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat miIl-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li dawn ix-xogħlijiet ser isiru minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Gudja – sub-station tal-elettriku — sigurtà

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 18315, invista tal-fatt li kien hemm inċidenti simili fis-substation Gudja Olive fil-passat reċenti, tista’ l-Ministru tikkonsidra li din is-substation tiġi rilokata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda inċidenti oħra simili fis-substation Gudja Olive.

Wied il-Għajn – Batterija ta’ Rihana — restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18316, jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi biex il-batterija Rihana tiġi f’idejn il-Kunsill Lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat miIl-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li kien il-Kunsill stess li ħa d-deċiżjoni li ma japplikax għad-devoluzzjoni tal-Batterija.

Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja, Santa Luċija u l-Fgura — persuni li jirċievu l-għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17547 u jgħid kemm kien hemm persuni li qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali sal-aħħar ta’ Ottubru 2020 li huma reġistrati li jgħixu Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Santa Luċija, u l-Fgura, kif ukoll kemm applikaw u kemm ma baqgħux jirċievu dan? Jista’ jindika dan kollettivament u skont il-lokalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali sal-aħħar ta’ Ottubru 2020 u li huma reġistrati li jgħixu Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Santa Luċija, u l-Fgura huwa kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt: Lokalita' Benefiċċjarji - Ottubru 2020 Total SA SUP UA Raħal Ġdid 111 59 22 192 Tarxien 70 45 10 125 Gudja 11 10 4 25 Santa Luċija 40 33 3 76 Fgura 110 66 8 184 Mhux possibli li tingħata statistika ta’ kemm applikaw u kemm ma’ baqgħux jirċievu benefiċċji, sakemm ma jingħatax perjodu stabbilit.

Wied il-Għajn – Bajja ta’ San Tumas – open air gym

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra meta l-open air gym li hemm fil-bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn ser jingħata l-attenzjoni meħtieġa sabiex isiru t-tiswijiet neċessarji?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn, li l-apparat kollu li preżentament ma jistax jintuża ser jingħalaq, u ser jinġabru stimi sabiex jiġi rranġat.

Wied il-Għajn – Triq il-Gardiel — tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra meta Triq il-Gardiel Wied il-Għajn ser tkun lesta u jistax jindika x’tiswijiet qegħdin isiru fil-post?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Buttar, Triq ġdida fi Triq il-Buttar, Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola u Triq Btieti. Bħalissa qegħġdin isiru Triq il-Gardiel, Triq il-Qaliet u Triq La Sengle, waqt li diġà hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew Triq San Ġwakkin u Triq ir-Ridott. Ix-xogħljiet biex Triq il-Gardiel tinbena mill-ġdid bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar. Din it-triq fiha kważi kilometru, minn ħdejn il-Magħluq u twassal sal-Bajja ta’ San Tumas, u se jsirulha xogħlijiet estensivi biex jinbidulu s-servizzi taħt l-art qabel ma t-triq jissaħħulha l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt. Dawn jinkludu tqegħid ta’ katusi u pajpijiet għas-servizzi tal-ilma, drenaġġ, ilqugħ għall-ilma tax-xita, servizzi tat-telekomunikazzjoni u bankni. Għaldaqstant, ix-xogħol mistenni jieħu numru ta’ xhur biex it-triq titlesta u dan se jsir f’fażijiet biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Xatt tal-Birgu – tneħħija ta’ materjal

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17990, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk intbagħtux uffiċjali tal-Ministeru fix-Xatt tal-Birgu biex jaraw kif ser ineħħu l-ammont ta’ ħadid imsaddad u abbandunat li hemm fl-aħħar nett tax-xatt, viċin fejn hemm slip way?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni miġbura wara żjara fuq il-post, ma jeżisti ebda materjal depositat jew restawr meħtieg, fiż-żona fdata lil dan il-Ministeru.

Birgu – Sant’Anġlu – tindif u restawr

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17991, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk intbagħtux uffiċjali tal-Ministeru biex jaraw l-istat tal-affarijiet fl-aħħar parti tal-pont tal-Birgu taħt il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu sabiex il-post jiġi rijabilitat u mnaddaf?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18320 tal-istess Seduta.

Applikazzjoni għal Hotel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17989 li oriġinarjament saret lill-Ministru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra x’passi qed jittieħdu sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni pendenti fix-Xatt tal-Birgu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat illi l-Awtoritá ta' l-Ippjanar m’għandha l-ebda applikazzjoni quddiemha biex tiproċessa proposta hekk kif indikata mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija parlamentari numru 16374 li tinvolvi bini ta' lukanda fix-Xatt tal-Birgu fejn dak li kien Casino di Venezia.

Marsaxlokk – Triq Xrobb l-Għaġin — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jdum ix-xogħol li preżentement għaddej fi Triq Xrobb l-Għaġin Marsaxlokk u kemm se jiġi jiswa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi ninsab infurmat li dan ix-xogħol mhux qiegħed isir mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Enerġija

Sentenzi ta’ probation jew sentenzi sospiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sentenza ta’ probation, jew sentenza sospiża jew b’superviżjoni ġiet mogħtija tul is-sena li għaddiet fil-Qrati ta’ pajjiżna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qorti ta’ Malta fl-2020 kien hemm 153 sentenza sospiza mogħtija mill-Qrati tal-Maġistrati u 45 sentenzi sospiza mogħtija mill-qrati superjuri. Ma tinzammx statistika fir-rigward ta’ probation jew supervizjoni. Fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm 4 sentenzi ta’ ħabs sospizi, 3 sentenzi ta’ Probation Order u sentenza ta supervizjoni.

Community Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi li fihom kien hemm ordni ta’ Community Order tul is-sena li għaddiet fil-Qrati tagħna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2020 fil-Qorti ta’ Malta kien hemm tmien (8) sentenzi ta’ Community Order u fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm sentenza waħda (1) ta’ Community Order.

Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri – Każijiet u persuni reġistrati fir-Reġistru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet u persuni reġistrati fir-reġistru taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri fil-Qorti tagħna fl-aħħar tas-sena 2020?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar tas-sena 2020 kien hemm 85 persuna reġistrata fir-Reġistru tal-Protezzjoni tal-Minuri fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni Ġurisdizzjoni Volontarja), għalkemm hemm 86 reġistrazzjoni mniżżla fl-istess Reġistru. Dan minħabba l-fatt li persuna waħda hija reġistrata darbtejn b’żewġ sentenzi separati.