Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xatt ta’ Marsaxlokk — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fix-Xatt ta’ Marsaxlokk ?

Response (BORG, IAN)

Minn meta ġiet fdata bl-iżvilupp tal-infrastruttura marittima f’Malta sentejn ilu, Infrastructure Malta wettqet diversi proġetti ta’ titjib fil-faċilitajiet u l-postijiet li jużaw is-sajjieda f’Marsaxlokk. Fost oħrajn, għadha kif lestiet il-bini ta’ breakwater ġdid ta’ 110 metri fil-Ponta tal-Qrejten, sabiex ikennen din ix-xaqliba tal-port mill-mewġ qawwi li kien jagħmel ħafna ħsara lill-bastimenti tas-sajjieda u attivitajiet u faċilitajiet oħrajn max-xatt. It-taqsima marittima ta’ Infrastructure Malta bħalissa qed tagħmel ukoll studji preliminari biex tagħraf l-aħjar post u t-tip ta’ struttura li tista’ ssir fl-inħawi taħt Delimara, biex tkennen din in-naħa tax-xatt ta’ Marsaxlokk ukoll. Fl-2019, l-aġenzija bniet mill-ġdid ukoll l-10 skali ta’ daqsijiet differenti li minnhom is-sajjieda u persuni oħra dilettanti tal-baħar f’Marsaxlokk iniżżlu d-dgħajjes tagħhom. Bħalissa għaddejjin ukoll xogħlijiet ta’ tiswijiet f’parti mill-moll biswit Triq il-Power Station, li jużawh mhux biss id-dilettanti tas-sajd bil-qasba, iżda ħafna oħrajn li jmorru għall-passiġġati f’dawn l-inħawi. Is-sena li għaddiet l-aġenzija tat bidu wkoll għal proġett ta’ madwar €1.9 miljun parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, sabiex ittejjeb l-aċċess u s-sigurezza tal-puntuni tal-inħawi tal-Magħluq, fin-naħa ta’ ġewwa tal-Port ta’ Marsaxlokk. Permezz ta’ dan l-investiment, Infrastructure Malta qed tibdel it-tliet puntuni li jużaw ħafna sajjieda biex jorbtu d-dgħajjes tagħhom magħhom filwaqt li tagħmel xogħlijiet ta’ tħammil biex tfannad qiegħ il-baħar u tagħmel din iz-zona aktar sigura u aċċessibbli għat-tbaħħir. Fix-xhur li għaddew Infrastructure Malta poġġiet f’posthom il-puntuni l-ġodda, li jinkludu tnejn ta’ madwar 48 metru u ieħor ta’ 60 metru. Dawn se jkun attrezzati b’rampi u faċilitajiet aktar aċċessibbli u siguri. Sadanittant, wara li qieset id-diffikultajiet li s-sajjieda ilhom jesperjenzaw għal snin twal minħabba ċ-ċaqlieq tar-ramel f’qiegħ il-baħar bil-maltemp, Infrastructure Malta qed twettaq studji sabiex tidentifika soluzzjoni dejjiema. Fil-fatt, filwaqt li għaddej it-tħammil ta’ qiegħ il-baħar fiz-zona tal-Magħluq sabiex sas-sajf li ġej il-puntuni ġodda jkunu aċċessibbli b’mod sħiħ, l-aġenzija ser titlob ukoll lill-awtoritajiet sabiex tikseb il-permessi ħalli testendi dan ix-xogħol f’partijiet oħra aktar ‘il barra fil-Port ta’ Marsaxlokk, fosthom ir-rotta li minnha l-bastimenti jidħlu fil-port (fairway). B’mod immedjat, qed isir ukoll intervent temporanju li jwaqqaf il-maltemp milli jerġa’ jqabbe¿ ir-ramel fuq is-sieq tal-Magħluq u jimblokka l-aċċess għall-bastimenti. Infrastructure Malta bħalissa għaddejja b’xogħlijiet fiz-zona tal-Magħluq fejn qed jitmexxa r-ramel li jinġarr permezz tal-kurrenti, kif ukoll waqt xi maltempata. Ser ikun qed jinbena ħajt għall-ilqugħ tar-ramel waqt il-maltemp, jiġi mgħolli l-moll eżistenti peress li qed jogħla l-livell tal-baħar u jitlestew ‘sleeves’ biex jiddaħħlu s-servizzi fiz-zona. Kif spjegajt, Infrastructure Malta qed tippjana li tibni strutturi ġodda bħalma wettqet fil-Qrejten jew li ttejjeb u testendi strutturi eżistenti, sabiex toffri aktar serħan il-moħħ lis-sajjieda u l-baħħara f’din iz-zona billi ttaffilhom id-diffikultajiet tal-maltemp li jiffaċċjaw bħalissa.

Il-Fgura – Triq Anġlu u Marianna Camilleri — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru f’Triq Anġlu u Marianna Camilleri fil-Fgura? Jista’ jindika kemm ser idum dan ix-xogħol, billi hija triq użata sew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li fi Triq Anġlu u Marianna Camilleri saru xogħlijiet marbuta ma’ servizzi ġodda, ġew irranġati l-bankini fuq iż-żewġ naħat u qed isir tarmak ġdid. Dan ix-xogħol ser ikun lest għal tmiem ix-xahar ta’ Marzu.

Xatt ta’ Marsaxlokk — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fix-Xatt ta’ Marsaxlokk?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li l-proġetti f’Xatt is-Sajjieda u l-Magħluq qegħdin isiru mill-Grand Harbour Regeneration Corporation; għaldaqstant l-Onor. Interpellant mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Xatt tal-Birgu – tneħħija ta’ materjal

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 17990 u 18320, jista’ l-Ministru jgħid jekk marrux uffiċjali mill-Ministeru sabiex jaċċedu fuq il-post u jaraw jekk il-materjal li hemm fir-ritratti li qed jingħataw separatament effettivament tneħħa għax huwa ta' perikolu u ta’ ostaklu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-uffiċjali tal-MITP fl-20 ta’ Jannar 2021 għamlu inspection fuq il-post msemmi, nikkonfermaw li ma je¿isti l-ebda materjal depositat jew restawr meħtieg, fiż-żona fdata lil dan il-Ministeru.

Air Malta – Destinazzjoni lejn Lourdes u lura

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19358, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt ir-ristrutturazzjoni tat-titjiriet tal-linja nazzjonali l-Air Malta għal din is-sena, tinkludiex titjiriet chartered jew bl-iskeda għal Lourdes u lura, u jekk fl-affermattiv meta hu maħsub li dawn it-titjiriet isiru?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta qatt ma kellha titjiriet purament bi skeda għal Lourdes. Kien hemm perjodu fejn kien hemm xi titjiriet li kienu ‘ part charter’ u ‘part schedule’ (charter/schedule). Bħalissa ma hemmx il-ħsieb li jkun hemm titjiriet lejn Lourdes la bi skeda u l-anqas b’charter. Ma hux esklus li jkun hemm xi titjiriet jekk ikun hemm id-domanda jew jekk ic-cirkostanzi jippermettu.

Air Malta – Titjiriet lejn Lourdes

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19359, mill-informazzjoni li għandha l-Air Malta ta’ dawn l-aħħar 13-il sena, jista’ l-Ministru jgħid kemm, kull sena finanzjarja, il-linja nazzjonali ġarret passiġġieri għal Lourdes u lura?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt: MALTA-LOURDES-MALTA Financial yearsOne way passengers FY2019/207,065 FY2018/196,945 FY 2017/184,793 FY 2016/174,584 FY 2015/165,890 FY 2014/156,300 FY 2013/146,278 FY 2012/137,577 FY 2011/127,362 FY2010/117,177 FY 2009/105,762 FY 2008/0913,197 FY 2007/089,364

Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi

Question

B’referenza għall-artikolu 9 tal-Att Dwar Dipendenza Fuq Id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija) Kapitolu 537 tal-liġijiet ta’ pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Bord Konsulttativ għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi? Jista’ jgħid minn min huwa kompost? Kif ukoll jekk kienx hemm proposti għall-estenzjoni taħt is-sub-artikolu tlieta tal-istess?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-sentenzi ser jiħi kompost fi żmien qasir

Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi

Question

B’referenza għall-artikolu 9 tal-Att Dwar Dipendenza Fuq Id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija) Kapitolu 537 tal-Liġijiet ta’ Pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Bord Konsulttativ għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi? Jista’ jgħid minn min huwa kompost? Kif ukoll jekk kienx hemm proposti għall-estenzjoni taħt is-sub-artikolu tlieta tal-istess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-droga — ħidma

Question

B’referenza għall-Att Dwar Dipendenza Fuq Id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija) Kapitolu 537 tal-liġijiet ta’ pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret tul is-sena li għaddiet mill-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-droga?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena l-oħra l-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-droga kellu 65 każ ġdid, fejn 47 każ ġew riferiti mill-Qorti u 18-il każ ġew riferiti mill-Kummissarju għall-Ġustizzja. Intant matul is-sena 2020, 39 każ ġew magħluqa b’suċċess. Il-Bord iltaqgħa’ 11 -il darba. L-għan ta’ dan il-bord huwa biex jgħin lil persuni li nqabdu bid-droga fir-rijabilitazzjoni tagħhom. Persuni riċedivi jiġu riferuti lill-bord għal pjanijiet ta’ rijabilitazzjoni u follow-up . Ta’ min jgħid ukoll li dan il-bord jaħdem fil-qrib mal-Qorti kif ukoll tribunali u entitatjiet li jipprovdu servizzi ta’ rijabilitazzjoni sabiex jingħata servizz lill-klijenti sodisfaċenti u b’approach ħolistiku. Il-każijiet jiġu trattati b’mod individwali u skont il-bżonnijiet tal-persuna. Ir-rijabilitazzjoni ta’ dawn il-klijenti tiġi segwita mill-qrib mill-koordinatur li jagħti rapporti regolari lill-Bord u lill-Qrati kif ikun mitlub.

Att dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja – petizzjonijiet reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati petizzjonijiet taħt l-Att Dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja Kap 291 tul 2020 kemm intlaqu u kemm ġew rifjutati u kemm hemm pendenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Protezzjoni Ċivili – rapport ta’ każijiet ta’ ħruq ta’ proprjetà u ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati rapporti mal-Protezzjoni Ċivili ta’ każijiet ta’ ħruq ta’ proprjetà u ta’ siġar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant , li fis-sena’ 2020 kellna 303 nirien ġewwa propretajiet, li jvarjaw fit-tip ta’ ħruq tagħhom kif ukoll il-post, jinkludi bini abbandunat u sub station. Rigward is-siġar kellna 31 sejħa speċifikata fuq siġar jaqbdu, imma tajjeb li wieħed ikun jaf li kellna 888 każ ta’ grass fires li jista’ jkun fihom xi siġar ukoll.

Raħal Ġdid – Inċidenti u delitti marbuta ma’ ħruq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati inċidenti u delitti marbuta ma’ ħruq f’Raħal Ġdid fl-Għassa tal-Pulizija tul dawn l-aħħar ħames snin u jistax jindika jekk fosthom kienx hemm proprjetà tal-Gvern jew korporazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Dicembru 2020, in-numru ta’ kazijiet dwar incidenti u/jew delitti (arson) marbuta ma’ ħruq f’Rahal Gdid, irrapportati lill-Pulizija, kien ta’ disgħa u tmenin (89). Seba’ (7) kazi kienu jinvolvu propjeta tal-gvern li erba’ (4) minnhom kienu nirien imqabbda apposta (arson) . Sena Delitti ta’ ħ ruq (arson) Incidenti ta’ ħ ruq (fire) Total 2015 6 14 20 2016 3 14 17 2017 5 16 21 2018 1 7 8 2019 1 11 12 2020 4 7 11 Total 20 69 89

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kunsill tal-Ewropa – traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jiġu installati traffic lights fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħaż-Żabbar invista tal-fatt li qed jkun hemm numru ta’ persuni li jaqsmu għal ġewwa l-ġnien?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta diġa approvat pelican crossing f’din i-żona kif mitlub mill-Ministeru għat-Turiżmu.

Ħal Tarxien – Triq Paola — Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19005, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jkun lest ix-xogħol fit-triq għax hija kaġun ta’ hafna diffikultajiet għar-residenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegat fit-tweġiba preċedenti, Triq Paola f’Ħal Tarxien hija fost 50 triq residenzjali li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid bħalissa. Din hi twila madwar nofs kilometru, tant li tibda minn ħdejn il-Knisja Parrokkjali u tmiss ma’ Triq Ħal Tarxien fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid. Ix-xogħlijiet f’din it-triq li bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar huma kumplessi u mhux sempliċiment kisja asfalt. Dawn jinkludu fost oħrajn bdil tal-pajpijiet tal-ilma u servizzi ġodda għall-ilma. Fil-każ ta’ din it-triq, is-servizz tad-distribuzzjoni tal-ilma ntsab li kien pożizzjonat eżatt taħt il-wheel path u dan kien qed joħloq inkonvenjent kbir meta jkun hemm ħsarat. Għaldaqstant, ġie mċaqlaq għal taħt il-parking bay. Barra minn hekk, qegħdin isiru wkoll servizzi tat-telekomunikazzjoni, bini ta’ bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat u fl-istess triq għaddej ukoll xogħol minn entità oħra, li qed jiġi kkordinat biex isir waqt il-bini mill-ġdid tat-triq biex jonqos l-inkonvenjent lir-resident. Kif ikunu lesti t-testijiet li għaddejjin bħalissa, tibda l-aħħar fażi li tinkludi l-bini tal-pedamenti u l-wiċċ tat-triq biex din tkun lesta fix-xhur li ġejjin. Il-kuntratturi qed jippjanaw ix-xogħol b’mod li jkun tal-inqas inkonvenjent u biex id-diffikultajiet jiġu minimizzati. Din il-ħidma se tagħti lir-residenti ta’ Triq Paola u dawk li jgħaddu minnha infrastruttura ta’ kwalità u aktar sigura, li n-nuqqas tagħhom għal snin twal kien joħolqilhom ħafna diffikultajiet.

Il-Gudja – Inċidenti u delitti marbuta ma’ ħruq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati inċidenti u delitti marbuta ma’ ħruq fir-raħal tal-Gudja fl-Għassa tal-Pulizija tul dawn l-aħħar ħames snin u jistax jindika jekk fosthom kienx hemm proprjetà tal-Gvern jew korporazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Dicembru 2020, in-numru ta’ kazijiet dwar incidenti u/jew delitti (arson) marbuta ma’ ħruq li seħħew fil-Gudja u ġew irrapportati lill-Pulizija, kienu ta’ tlieta u tletin (33). Ma kien hemm l-ebda kaz fejn propjeta tal-gvern kienet involuta. Year Delitti ta’ ħ ruq (arson) Incidenti ta ħ ruq (fire) Total 2015 0 6 6 2016 0 4 4 2018 0 3 3 2017 2 7 9 2019 1 5 6 2020 1 4 5 Total 4 29 33

Kanada – Kummissjoni Għolja f’Ottowa

Question

B’referenza għad-domandi preċedenti, jista’ l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid it-talba ta’ numru ta’ Maltin Kanadiżi sabiex tinfetaħ Kummissjoni Għolja f’Ottowa, Kanada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin diġà kkunsidra bir-reqqa l-ftuħ ta’ Kummissjoni Għolja f’Ottawa u jħares lejn tali proposta bħala waħda valida minnha nnifisha. Peress li bħalissa għaddej proċess ta’ ħidma biex jinfetħu Ambaxxati u Konsolat Ġenerali f’imkejjen oħrajn madwar id-dinja, ikun għaqli li tali ħidma l-ewwel titlesta f’dawn il-missjonijiet, qabel tali proposti ġodda jitressqu ‘l quddiem.

Consul on the Move – appuntamenti pendent fl-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru u kemm hemm appuntamenti pendenti tal-Consul on the Move (COTM) fl-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Ewropa u dan sabiex isiru kif l-pandemija tgħaddi? Jista’ jindika dan pajjiż b’pajjiż u possibbilment stat b’stat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Marzu tal-2020 kienet ittieħdet deċiżjoni sabiex jiġu sospiżi ż-żjarat u l-pjanijiet kollha tal-programm Consul-on-the-Move (COTM) minħabba l-imxija tal-COVID-19. Bħal bqija tal-pajjiżi kollha fid-dinja, dawk li fihom jiġu organizzati ż-żjarat tal-COTM kienu affettwati b’numru ta’ restrizzjonijiet u projbizzjoni ta’ vjaġġar li għamluha impossibbli għall-konsli li jivvjaġġaw bejn reġjuni differenti. Barra minnhekk, il-Ministeru ħa l-miżuri kollha biex iħares is-saħħa tal-uffiċjali tiegħu hekk kif dawn setgħu jitpoġġew f’riskju li jiġu kkontaminati. Għaldaqstant, il-Consul-on-the-Move bħalissa jinsab sospiż sakemm is-sitwazzjoni titjieb u vjaġġi fi Stati u reġjuni mbegħda jkunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru bla diffikulta’ u bla periklu għas-saħħa tal-uffiċjali konċernati. Sadanittant in-numri ta’ talbiet għal appuntamenti pendenti fil-pajjiżi minn fejn jopera l-programm huwa elenkat kif ġej: · Fl-iStati Uniti tal-Amerika hemm 34-il appuntament pendenti · Fil-Kanada kien hemm 630 talba (li mhux bilfors huma kollha għal appuntament abbinati mal-COTM). In-numru jista’ jkun riżultat ta’ akkumulazzjoni ta’ talbiet li suppost kellhom jiġu trattati bejn Mejju u Ġunju tal-2020 (meta suppost kellha ssir żjara tal-COTM u tħassret minħabba l-pandemija).

Vetturi mixtrija għall-użu tal-missjonijiet diplomatiċi ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vettura nxtrat għall-użu tal-missjonijiet diplomatiċi ta’ pajjiżna tul is-snin 2019 u 2020? Jista’ jgħid jekk hemmx talbiet reġistrati għal tul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-snin 2019 u 2020 inxtraw 10 karozzi għal użu ġewwa l-missjonijiet diplomatiċi ta’ Malta. S’issa saru talbiet sabiex jinbidlu l-karozzi uffiċjali ġewwa 3 missjonijiet oħra.

Rappreżentanzi Diplomatiċi – installazzjoni ta’ IT Equipment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm numru ta’ rappreżentanzi diplomatiċi tagħna li baqgħu ma nstallawx l-IT equipment li ġie indikat u mibgħut lilhom mill-Ministeru? Jista’ jindika liema huma dawn? Għal-liema raġuni dan l-proċess baqa’ ma sarx?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar sena il-Ministeru bagħat erbgħin vjeġġ ta’ tagħmir elettroniku jew relatat mat-teknoloġija tal-informatika lejn il rappreżentanzi diplomatiċi ta Malta. Il-maġġoranza ta’ dan it-tagħmir huwa nstallat diġà. Hemm numru ta’ tagħmir li għadu jrid jiġi installat f’rappreżentanzi bħal Moska, Toronto, Washington u New Delhi. Għalkemm f’ċertu sitwazzjonijiet il-Ministeru jista’ jinstalla b’mod remot, dan mhux dejjem possibbli minħabba ċertu kontrolli. Minħabba l-pandemija u s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali, il-Ministeru baqa’ lura milli jibgħat l-uffiċjali tiegħu barra mill-pajjiż, fejn mhux assolutament neċessarju. Dan ma jfissirx, illi dawn ir-rappreżentanzi ma jistgħux jiffunzjonaw bħalissa.

Ambaxxati u kummissjonijiet għola ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul din is-sena u dik li ġejja hemmx il-pjan li jinfetħu ambaxxati, kummissjonijiet għolja jew konsolati ġenerali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hija l-intenzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej li jaħdem biex ikollu Ambaxxata ġewwa Brasilia fil-Brażil, f’Doha l-Qatar u Addis Ababa ġewwa l-Etjopja. Barra minn hekk il-Ministeru qed jaħdem sabiex jiftaħ Konsulat Ġenerali ġewwa Casablanca fil-Marokk. . Il-Ministeru qed jaħdem ukoll biex Malta jerġa’ jkollha Ambaxxata tiffunzjona ġewwa Tripli fil-Libja.