Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk ix-xogħol f’Triq Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk huwiex konkluż u jekk le għaliex? Jista’ jinforma x’xogħol sar u kemm huwa stmat li ser jiswa?
Response (BORG, IAN)
Bħala parti mill-investiment kontinwu tagħha biex ittejjeb il-kwalità u s-sigurezza fit-toroq f’Malta, Infrastructure Malta qed twettaq ukoll programm estensiv ta’ manutenzjoni u bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq rurali f’lokalitajiet differenti.
Ħafna minn dawn it-toroq qalb il-kampanja tħallew fi stat ta’ telqa għal għexieren ta’ snin. Illum il-ġurnata dawn it-toroq ma jintużawx biss mill-bdiewa li jkollhom l-għelieqi fl-inħawi, imma huma wkoll imfittxijin ħafna minn minn bosta dilettanti tal-ġiri, tal-mixi u miċ-ċiklisti. Uħud minn dawn it-toroq ma kienux sarulhom pedamenti adegwati u Infrastructure Malta qed terġa’ tibnihom b’materjali aktar b’saħħithom u li jservu aktar fit-tul.
Bħala parti minn dan il-programm, f’nofs Frar Infrastructure Malta bdiet xogħlijiet simili fi Triq Xrobb l-Għaġin b’investment li hu stmat li se jlaħħaq is-somma ta’ €812,000 (VAT eskluż). Billi din it-triq twila mhux ħażin, madwar 3 kilometri, ix-xogħol qed isir f’fażijiet u parti minnha diġà ngħatat l-ewwel kisja bl-asfalt.
Mill-2019, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali f’iżjed minn 30 lokalità differenti. Dan l-investiment biex tittejjeb l-infrastruttura għas-settur agrikolu se jissokta matul din is-sena u fis-snin li ġejjin, bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq rurali u xogħlijet oħrajn simili.
Raħal il-Ġdid – Triq li tgħaddi fi Pjazza Antoine De Paule – rapport tekniku tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19980 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra jekk sarx rapport tekniku dwar it-triq li tgħaddi fi Pjazza Antoine De Paule Raħal Ġdid billi jidher ċar li diġà ċediet u niżlet ‘l isfel b’inkonvenjent għar-residenti u l-ħwienet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li sar rapport mill-Perit tal-Kunsill u qiegħda tiġi kkunsidrata l-aħjar azzjoni li għandha tittieħed dwaru.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm xi forma ta’ għajnuna lid-diversi barklori li jservu fil-portijiet tagħna tul dan il-perjodu ta’ pandemija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat li l-barklori li jservu fil-portijiet ġew mgħejjuna u bbenefikaw mill-miżuri li introduċiet l-Awtorita’ bl-istess mod kif ġew mghejjuna u bbenefikaw dgħajjes kummerċjali oħra li joperaw f’dan is-settur kummerċjali marittimu bl-introduzzjoni ta’ miżuri li introduċiet l-Awtorita’ tat-Trasport fl-2020 fosthom l-estensjoni tal-validitia’ taċ-ċertifikati u liċenzji, l-opportunita’ li operaturi li jiddikjaraw id-dgħajjes tagħhom bħal mhux operattivi jiġu eżentati milli jħallsu għaċ-ċertifikati u liċenzji għal dak il-perjodu mhux operattiv kif ukoll ġew annullati kull tip ta’ mizati addizzjonali fil-każ ta’ sottomissjonijiet tard ta’ applikazzjonijiet.
L-Awtorita’ tat-Trasport qiegħda tikkunsidra aktar miżuri ta’ għajnuna lis-settur kummerċjali marittimu għal din is-sena.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm xi forma ta’ għajnuna lid-diversi barklori li jservu fil-portijiet tagħna tul dan il-perjodu ta’ pandemija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm ġew reġistrati petizzjonijiet quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet u kemm ġew deċiżi, kemm għadhom pendenti, kemm ġew milqugħa u kemm irrifjutati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor Interpellant jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.
Awtorità tal-Ippjanar – policies rigward ħsejjes u inkonvenjenzi minn stalazzjoni ta’ air conditioning jew fridges industrijali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13200, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm każijiet ta’ vjolazzjoni tad-dokument ta’ politika DC2015 u x’passi ttieħdu dan għax hemm numru ta’ persuni li qed jbatu minn inkonvenjent varji li jsiru minn terzi kif ukoll mill-komplikazzjonijiet tal-proċeduri li jridu jgħaddu minnhom spejjeż tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policies tad-document DC2015, huma rilevanti għall-Awtorità tal-Ippjanar biex isir l-assessjar tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp li jiġu sottomessi. Dan id-dokument DC2015 ma jintużax biex jiġi deċiż jekk żvilupp hux illegali jew le. L-Awtorità tal-Ippjanar tara jekk żvilupp għandux bżonn permess, jew le, skont id-definizzjoni ta’ żvilupp fl-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552). Jekk żvilupp għandu bżonn permess, l-Awtorità tara li l-iżvilupp ikun qed isir jew sar skont il-kundizzjonijiet ta’ dak il-permess. L-Inkonvenjent varji li jsiru minn terzi, hekk kif riferuti fil-Mistoqsija Parlamentari, huma generalment relatati ma kwistonijiet ta’ nuqqas ta’ bon vicinat fejn allura huwa aktar ta’ natura ċivili u mhumiex fil-kompetenza tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tieħu azzjoni fuqhom, diment jekk ma jkunx hemm kondizzjonijiet specifici fil-permess ta’ zvilupp li l-Awtorita’ hija obbligata li tara li qed jiġu osservati.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13199, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslet il-proposta ta’ liġi biex tassigura kontroll fl-istorbju fil-viċinat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet dwar storbju minn stabilimenti kummerċjali kemm jekk huma f’żoni rurali, Kif ukoll f’żoni residenzjali diġà jezistu u huma kkontrolati minn entitajiet li jaqgħu taħt Ministeri oħra.
Raħal il-Ġdid – Triq li tgħaddi fi Pjazza Antoine De Paule – rapport tekniku tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk sarx rapport tekniku dwar it-triq li hemm tgħaddi fi Pjazza Antoine De Paule Raħal il-Ġdid billi jidher ċar li diġà ċediet u ni¿let ‘l isfel b’inkonvenjent u storbju għar-residenti u l-ħwienet?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex il-funtani li ġew installati f’Pjazza De Paule Raħal il-Ġdid ma humiex jaħdmu kif ukoll jara jekk is-siġar u l-arbuxelli li hemm, jiġu kkurati aħjar milli huma?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi fil-preżent għaddejjin negozjati mal-kuntrattur tal-funtani sabiex jitkabbru r-reċipjenti ta’ taħt il-funtani sabiex ma jintilifx iktar ilma bir-riħ. B’hekk il-funtani ikunu iktar ekoloġiċi.
Fir-rigward tas-siġar u arbuxelli, ninsab infurmat li ukoll għaddejjin diskussjonijiet mal-kuntrattur sabiex ix-xogħol isir b’iktar reqqa.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk humiex isiru spezzjonijiet regolari fil-Pjazza De Paule Raħal il-Ġdid billi qiegħed ikun hemm ilmenti mir-residenti tal-lokal fuq il-livell tal-indafa u l-istat tal-post? Jista’ jara wkoll li l-ġbir tal-iskart isir b’aktar ordni?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Raħal il-Ġdid – Pjazza De Paule – kumpens lis-sidien tal-ħwienet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk ġiex imħallas kumpens lis-sidien tal-ħwienet ġewwa l-Pjazza De Paule Raħal il-Ġdid li ħafna minnhom tilfu l-klijentela tagħhom minħabba l-bidliet li saru kif ukoll minħabba li għamlu xhur magħluqin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat, li waqt li kien għaddej il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza De Paule, dejjem tħalla xi tip ta’ aċċess għall-ħwienet, u għalhekk, anke b’rabta tat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari 6899, ma ngħatax kumpens.
Kumpens b’rabta mal-għeluq marbut mal-imxija tal-pandemija mhux qed jiġi koordinat mill-Kunsilli Lokali, u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi kwalunkwe Mistoqsija f’dan ir-rigward lill-Ministru konċernat.
Nuqqas ta’ bejgħ tal-ħalib u żieda fil-prezz tal-ġwież – għajnuna lir-raħħala
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’inhuwa jsir għar-raħħala invista tan-nuqqas ta’ bejgħ tal-ħalib u żieda fil-prezz tal-ġwież?
Response (REFALO, ANTON)
L-Gvern baqa jagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni f’kull settur biex fejn hemm konsegwenzi li huma parti mill-impatt tal-pandemija jkun f’pożizzjoni li jkompli jassistihom b’appoġġ finanziarju mmirat skond il-parametri tal-Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, hekk kif diġa seħħ matul l-2020.
Apparti minn hekk, dan il- Ministeru li tiegħu jien responabbli, għandu numru ta’ inizjattivi żviluppati sabiex il-prodott tal-agro-industrija jiġi promoss fosthom il-Kampanja “Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk” li għandha l-għan li tippromwovi s-settur speċifikament, il-produzzjoni agrikola f’Malta u titnissel kultura biex il-konsumatur Malti jagħti tali priorità fl-għażliet tiegħu. Is-settur tal-baqar u l-ħalib kienu fost il-prodotti promossi.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta Triq Manuel Buhagiar Tarxien ser issir mill-ġdid?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700 miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajjiż, l-aġenzija bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq Paola f’Ħal Tarxien. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Santa Marija, Triq iż-Żejtun, Triq is-Sorijiet u Triq Marjanu Gerada waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej isiru toroq residenzjali oħrajn inkluż Triq Manuel Buhagiar. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq residenzjali se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta.
Fis-sentjen li għaddew, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali. Għaldaqstant, fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq mifruxin fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, u dan apparti xogħlijet ta’ tiswijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn u l-bini ta’ proġetti kbar li qegħdin jinbnew fit-toroq arterjali.
Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-drogi — ħidma
Question
B’referenza għall-Att Dwar Dipendenza Fuq Id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija) Kapitolu 537 tal-liġijiet ta’ pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret tul is-sena li għaddiet mill-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-droga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Il-Fgura – Triq Anġlu u Marianna Camilleri — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru f’Triq Anġlu u Marianna Camilleri fil-Fgura? Jista’ jindika kemm ser idum dan ix-xogħol, billi hija triq użata sew?
Response (BORG, IAN)
Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra.
Fil-lokalità tal-Fgura diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun u Triq San Tumas. Bħalissa qed jinbnew mill-ġdid Triq Anġlu u Marianna Camilleri u Triq l-Għollieq, waqt li hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet fi Triq San Pietru, Triq id-Dejma u Triq il-Falkunier.
Fit-triq indikata Infrastructure Malta qed tagħmel tibdil fis-sistema tad-drenaġġ u fis-sistema għad-dsitribuzzjoni tal-ilma, tibni bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq u tgħaddi s-servizzi tat-telekomunikazzjoni minn taħthom. Imbagħad ikun imiss li jissaħħu l-pedamenti u jsir wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħol kollu f’din it-triq mistenni jkun lest dan ix-xahar stess.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.