Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Gudja – Triq it-Torri — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16371, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm attwalment inħarġu spejjeż fuq Triq Joseph Gravina, Triq Ħal Għaxaq u Triq Ħal Resqun Gudja meta x-xogħol ġie finalizzat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi triq ġdida bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq, kif ukoll fi Triq Ħal Resqun għadhom ma nbdewx.

Il-Fgura – Wied Blandun — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20723 u jgħid jekk il-Ministeru tiegħu huwiex jiġu kkonsultat dwar ix-xogħlijiet neċessarji f’Wied Blandun, il-Fgura?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li l-Kunsill ma ġex ikkonsultat dwar ix-xogħlijiet neċessarji f’Wied Blandun.

Wied il-Għajn – Triq iż-Żafran – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra xogħol qiegħed isir f’Triq iż-Żafran Wied il-Għajn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li fi Triq iż-Żafran qiegħed isir xogħol marbut mal-ilma tat-tisqija. Dan qed isir min-naħa tad-Dipartiment għas-Servizzi tal-Ilma

Wied il-Għajn – Triq iż-Żafran – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra xogħol qiegħed isir f’Triq iż-Żafran Wied il-Għajn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-triq indikata għaddej proġett ta’ xogħol estensiv fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser jipprovdu ilma ġdid għal-użu agrikolu. Ix-xogħolijiet fuq il-mejnijiet il-ġodda tlesta u bħalissa għaddejin it-testijiet neċessarji.

Wied il-Għajn – Triq San Ġwakkin – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra xogħol qiegħed isir f’Triq San Ġwakkin Wied il-Għajn?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Buttar, Triq ġdida fi Triq il-Buttar, Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola, Triq il-Qaliet u Triq Btieti. Bħalissa qegħdin isiru Triq il-Gardiel, Triq San Ġwakkin, Triq La Sengle u Triq ir-Ridott. Ix-xogħljiet biex Triq San Ġwakkin tinbena mill-ġdid jinkludu tqegħid ta’ servizzi ġodda tad-drenaġġ, titjib fis-sistemi taħt l-art għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma u telekomunikazzjoni, kif ukoll fis-sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Qed jinbnew mill-ġdid ukoll il-bankini u jissaħħew il-pedamenti ta’ din it-triq qabel ma jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Wied il-Għajn – Triq San Ġwakkin – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra xogħol qiegħed isir f’Triq San Ġwakkin Wied il-Għajn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li fi Triq San Ġwakkin qiegħed isir xogħol fuq drenaġġ u servizzi tal-ilma min-naħa tad-Dipartiment għas-Servizzi tal-Ilma.

Raħal il-Ġdid – Triq li tgħaddi fi Pjazza Antoine De Paule – rapport tekniku tat-triq

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20706, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx stima proviżjorju tal-ispiża neċessarja biex isir x-xogħol rimedjali fit-triq tal-Pjazza Antoine De Paule Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li dalwaqt ser isir test indipendenti sabiex jiġi ċċertifikat jekk it triq saritx tajjeb skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew le. Jekk saret ħa¿in, it-triq trid tiġi msewwijja mill-kuntratturi tiswa kemm tiswa. Jekk it-triq saret tajjeb, u l-ħsara hija minħabba heavy traffic, il-Ministeru jaħdem id f’id má Infrastructure Malta sabiex tinstab soluzzjoni. L-istima tat-tiswijiet issir wara dan it-test indipendenti.

Pjazza Antoine De Paule — tappiera

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tappiera li hemm kważi sfrundata fit-triq li hemm fil-Pjazza Antoine De Paule tiġi rranġata?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill ikkonċernat li din it-tappiera giet ordnata u sadanitant giet imdawwra b’ barrieri protettivi biex jilimtaw il-periklu.

Raħal Ġdid – Triq l-Arkata, L-Ibjar u Triq Ninu Cremona – miżuri biex jitnaqqas l-inkonvenjent

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20370, jista’ l-Ministru jikkonsidra li billi xorta hemm inkonvenjent kbir għall-ġirien, ikun hemm pjan u ordni aqwa biex dan jonqos drastikament?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 20370 ta’ Seduta 451.

Paola Hub – Soluzzjoni għar-residenti dwar parkeġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20213, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’passi se jkun hemm biex meta l-Paola Hub ikun lest, il-ġirien ikollhom faċilitajiet adegwati biex jipparkjaw u li ma jkollhomx bżonn iħallsu spejjeż?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi parti mill-ispazji tal-parkeġġ pubbliċi tal-Vincent Moran Paola Regional Hub se jkunu aċċessibbli għal kulħadd u se jkunu bla ħlas.

Paola Hub – Soluzzjoni għar-residenti dwar parkeġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20211, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ġew preparati sabiex waqt it-tkomplija tax-xogħol u wara li jkun lest il-Paola Hub, il-ġirien ikollhom faċilitajiet biex jipparjkaw u mingħajr spejjeż?

Response (BORG, IAN)

Kif diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20211 tal-istess Onorevoli membru, temporanjament f’din iż-żona qed isiru xogħolijiet fuq il-Paola Medical Hub, li huwa proġett tal-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tas-servizzi taħt l-art minn Infrastructure Malta bħala parti mit-tħejjijiet għall-istess proġett. Minħabba li saru trinek fondi madwar żewġ sulari kien hemm bżonn li jittieħdu spazji ta’ xi parkeġġi biex ix-xogħol ikun jista’ jsir b’mod sigur mingħajr ma t-triq tingħalaq kompletament. Malli jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-aġenzija se terġa’ tibni l-bankini u tiksi l-wiċċ tat-triq b’diversi saffi t’asfalt biex l-ispazju fit-triq jerġa’ lura għal li kien. Infurmat ukoll li fil-viċinanzi ta’ din iż-żona jinsab parkeġġ li huwa amministrat mill- Kunsill Lokali. Il-mistoqsija għandha tiġi referruta lil Ministeru Kkonċernat.

Paola Hub – Soluzzjoni għar-residenti dwar parkeġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20212, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jkunu qed jitfasslu sabiex wara li jkun lest il-Paola Hub, il-ġirien ikollhom faċilitajiet biex jipparkjaw mingħajr spejjeż?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħaddiema li jittrasportaw ikel direttament fid-djar – regoli ta’ muturi użati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx regoli speċifiċi dwar x’tip ta’ muturi għandhom jiġu wżati mill-ħaddiema li jittrasportaw ikel direttament fid-djar?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Ħaddiema li jittrasportaw l-ikel fid-djar — inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema minn dawk li jittrasportaw ikel fid-djar li kienu involuti f’inċidenti tat-traffiku u kemm sofrew feriti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ma jinżammu l-ebda dettalji dwar l-okkupazzjoni jew ix-xogħol ta’ persuni li jkunu nvoluti f'inċidenti tat-traffiku. Vetturi użati minn persuni in kwistjoni huma jew mikrija jew personali, għalhekk b'differenza mill-vetturi ta 'l-Ambulanzi, Taxis u Pulizija, dawk indikati fil-PQ ma jistgħux jiġu identifikati u l-informazzjoni ma tistax tinġabar.

Liġi industrijali li tipproteġi lil ħaddiema li jittrasportaw l-ikel fid-djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx regolamenti apposta fil-liġi industrijali li hija applikabbli biex tipproteġi direttament il-ħaddiema li jittrasportaw l-ikel fid-djar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li regolament apposta m’hemmx u għalhekk dan huwa regolat minn Ordni ta’ Standard Nazzjonali. Infakkar li fil-preżent id-DIER qed jagħmel investigazzjoni fuq dan is-settur.

Unions – konsultazzjoni pubblika mal-ħaddiema li jaħdmu fit-trasport tal-ikel fid-djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-konsultazzjoni pubblika mal-Unions il-pożizzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fit-trasport tal-ikel fid-djar tqajmitx u sarulux proposti? Jista’ jippreżentahom?

Response (ABELA, CARMELO)

Qed nifhem li l-Onor. Interpellant qed isaqsi jekk kellix diskussjoni ma’ xi Union dwar dan is-suġġett. F’laqgħa li kelli mall-GWU, fost numru ta’ suġġetti oħra, tqajjmet din l-issue fejn kont infurmajthom li d-DIER qed jinvestiga din is-sitwazzjoni. Din l-investigazzjoni issa qed toqrob lejn it-tmiem tagħha.