Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mużew Marittimu — Żjarat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni żaru l-Mużew Marittimu tul din is-sena u jista’ jgħid x’inizjattivi ġodda ttieħdu jew se jittieħdu fih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Mużew Marittimu bħalissa jinsab għaddej minn proġett estensiv ta’ restawr u riġenerazzjoni u għalhekk mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-fatt, infurmat illi s-sit kien miftuh sal-14 ta’ Marzu 2020. Fi tmiem il-proġett imsemmi l-mużew se joffri wirja permanenti ġdida b’faċilitajiet interattivi u esperjenza ħolstika li tinkludi spazji ġodda mill-binja li baqgħu mġarrfa sa minn tmien it-Tieni Gwerra, u li għalhekk qatt ma kienu miftuha għall-pubbliku qabel.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule – rapport tekniku dwar ħsarat u xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 1390 u 1657 billi s-sitwazzjoni issa ilha pendenti sew, jista’ l-Ministru jieħu ħsieb ir-rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid ġie redatt u qiegħed ikun skrutinizzat mill-partijiet ikkonċernati. Qed issir ħidma id f'id ma' entitajiet oħra biex isiru interventi neċessarji.

Furjana — King George V Recreational Grounds – sezzjoni dedikata għall-qtates

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1658, jista’ l-Ministru jieħu ħsieb li jintbagħtu uffiċjali mill-Animal Welfare biex jaraw il-post u jagħtu d-direzzjoni u provvedimenti opportuni?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1658, ngħarrfu mill-ġdid sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Bormla – Triq San Ġwann t’Għuxa — riabilitazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1659, jista’ l-Ministru jara li l-parti tal-aħħar tat-triq fejn hemm spazju miftuħ li jista’ jiġi trasformat fi ġnien pubbliku iktar nadif u aċċessibbli għan-nies, jekk isiru bankijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla illi dik il-parti ta’ Triq San Ġwann t’Għuxa illi taħbat kantuniera ma' Triq Daħlet it-Tlett Ibliet, illi qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, hu spazju miftuħ li ma jaqax fir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali.

Valletta – Triq Girolamo Cassar – tiswijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1662, issa li l-ħsara li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Girolamo Cassar Valletta preċiżament fejn hemm forma ta’ roundabout ġiet imsewwija, jista’ l-Ministru jgħid min kien responsabbli sabiex ġew esegwiti x-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

Żejtun – persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1663, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti ż-Żejtun full-time u part-time tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tal-Artijiet – Fidi tat-titolu “Possession and Use”

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1483, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proċedura li fil-preżent qed tiġi adottata sabiex ikun hemm il-fidi tat-titolu ta’ Possession and Use?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura adattata, f’każijiet fejn l-art hija miżmuma b’pussess u użu, hija skont l-artikolu 69 tal-Kap. 573, fejn issir valutazzjoni tal-fond, u l-valur li jittieħed huwa l-ammont illi l-art tista’ ġġib kieku din kellha tigi mibjugħa minn sidha volontarjament fil-mument li toħroġ id-dikjarazzjoni.

Dipartiment tal-Artijiet – proprjetajiet f’idejn il-Gvern taħt it-titolu “Possession and Use”

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm proprjetajiet li fil-mument jinsabu f’idejn il-Gvern taħt it-titolu ta’ Possession and Use?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proprjetajiet li jinsabu f’idejn il-Gvern taħt t-titolu ta’ Possession and Use sal-lum 30 ta’ Settembru 2022 huma 91.

Dipartiment tal-Artijiet – pagamenti ta’ proprjetajiet f’idejn il-Gvern taħt it-titolu “Possession and Use”

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ħarġu pagamenti sal-aħħar tas-sena 2021 fir-rigward tal-proprjetajiet li fil-mument jinsabu f’idejn il-Gvern taħt it-titolu ta’ Possession and Use?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar tas-sena 2021 inħareġ l-ammont ta €32,004.65.

Ħal Tarxien — Triq Santa Maria – tindif ta’ spralli

Question

Jista’ l-Ministru jara u jagħti d-direzzjoni neċessarja sabiex tul is-sajf isiru x-xogħlijiet neċessarji ta’ tindif tal-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, Tarxien mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 14 PQ #1951 Sitting 27 2022-10-03 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI (Partit Nazzjonalista)

Ħal Tarxien — Triq Santa Maria – tindif ta’ spralli

Question

Jista’ l-Ministru jara u jagħti d-direzzjoni neċessarja sabiex tul is-sajf isiru x-xogħlijiet neċessarji ta’ tindif tal-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, Tarxien mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola?

Response

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Tarxien — Triq Santa Maria – tindif ta’ spralli

Question

Jista’ l-Ministru jara u jagħti d-direzzjoni neċessarja sabiex tul is-sajf isiru x-xogħlijiet neċessarji ta’ tindif tal-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, Tarxien mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi l-ispralli kollha tal-lokalità ta' Ħal Tarxien tnaddfu kollha mill-Kunsill Lokali matul ix-xahar ta' Awwissu 2022.

Isla — Xatt Juan B. Azopardo - tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara u jagħti d-direzzjonijiet neċessarji sabiex ix-Xatt Juan B. Azopardo, l-Isla, jiġi maħsul u mnaddaf almenu darba fil-ġimgħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull promenade oħra fil-pajjiż, il-ħasil ta’ dawn iż-żoni għal perjodu tas-sajf diġà beda. Ix-Xatt tal-Isla flimkien ma’ dawk ta’ Bormla u l-Birgu, ser jibda jinħasel kull nhar ta’ Ħadd kmieni filgħodu.

Isla — Xatt Juan B. Azopardo - tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara u jagħti d-direzzjonijiet neċessarji sabiex ix-Xatt Juan B. Azopardo, l-Isla, jiġi maħsul u mnaddaf almenu darba fil-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Isla illi t-tindif tax-xatt imsemmi mill-Onor. Interpellant jinsab f'idejn il-‘Cleansing & Maintenance Division’, u li dan isir b’mod regolari kull ġimgħa.

Birgu – Triq il-Mandraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju tinsab Triq il-Mandraġġ, Birgu billi jidher li x-xogħol jinsab wieqaf?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet madwar tliet kwarti tal-proġett ta’ €5 miljun biex tagħti ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, il-Birgu, bi prominade ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera. Ix-xogħlijiet, li bdew ftit aktar minn sena ilu, issa qed jidħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. It-tisħiħ u l-bini mill-ġdid tal-pedamenti tal-mollijiet, li kienu tkissru bil-maltemp, dalwaqt ikunu lesti. Bħalissa l-ħaddiema qed ilestu l-burdura ta’ barra tal-moll (cope beam) u bdew jibnu l-passaġġi, punti ta’ qsim pedonali, bankini u konok għall-arbuxelli u pjanti oħrajn li se jkomplu jsebbħu l-passaġġi tal-prominad ġdid. Għaddej ukoll il-bini mill-ġdid ta’ żewġ skali u ta’ moll żgħir li jużaw is-sajjieda u d-dilettanti tad-dgħajjes f’dawn l-inħawi. Beda jasal ukoll fuq il-post il-ġebel tal-qawwi li qed jinqata’ minn barriera lokali biex fil-jiem li ġejjin jibda x-xogħol tal-pavimentar tal-bankini ġodda man-naħa tas-swar. Dawn il-mollijiet, b’tul ta’ madwar sitt grawnds tal-futbol (600 metru) jinsabu fiż-żona magħrufa bħala Sally Port jew “It-Toqba”, taħt is-swar tal-Birgu u mal-ġenb tax-xatt tal-Kalkara. Ħafna partijiet mill-istrutturi tagħhom kienu ġarbu ħsarat kbar bil-maltemp matul is-snin. Il-mollijiet komplew tfarrku fil-grigalata kbira ta’ Frar 2019. Uħud spiċċaw f’riskju li jċedu, b’periklu għall-pubbliku. Infrastructure Malta bniet mill-ġdid il-partijiet li tkissru, filwaqt li permezz ta’ tim t’għaddasa, irranġat partijiet oħra mill-istrutturi tal-moll taħt l-ilma li ma kienx hemm għalfejn jinħattu kompletament. Għal dawn ix-xogħlijiet użat 6,720 tunnellata konkos ta’ kwalità ogħla li jiflaħ aktar għall-elementi tal-baħar, sabiex il-mollijiet ġodda jservu aktar fit-tul. Fil-ġimgħat li għaddew l-aġenzija naddfet din iż-żona minn għadd ta’ bastimenti żgħar li kienu tħallew mitluqin fuq il-mollijiet matul is-snin. Fost dawn kien hemm żewġ ilzuz (luzzu) u kajjik antiki li fuq pariri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ser jinżammu biex fil-futur jiġu restawrati. It-tisbiħ ta’ dawn il-mollijiet qed isir f’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li se tkompli ssebbaħ il-prominad bi ġnien bil-bandli u b’bankijiet, dwal dekorattivi u installazzjonijiet oħrajn għall-kumdità tal-pubbliku. Il-Korporazzjoni qed tagħmel tisbiħ simili ukoll max-Xatt tal-Kalkara, quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ din il-lokalità. Il-prominad ġdid ta’ Sally Port jinfed ukoll mal-Waterfront tal-Birgu fuq in-naħa l-oħra ta’ Forti Sant Anġlu, biex b’hekk joħloq rotta għall-mixi mill-isbaħ li tieħdok min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara lejn il-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla sa ħdejn Boiler Wharf, taħt Ġnien il-Gardjola. Ix-xogħlijiet kollha mistennija jkunu lesti kmieni s-sena d-dieħla.

Xgħajra – Ilqugħ tal-ħadid fix-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli jibdew ix-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra jiġu msewwija u mibdula, għax uħud diġà huma mimlija sadid?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Isla – Ilqugħ fix-Xatt Juan B. Azopardo

Question

Jista’ l-Ministru jara li fl-aħħar parti tax-Xatt Juan B. Azopardo, l-Isla, isirilha l-ilqugħ li kien inbeda snin ilu u li s’issa għadu mhux magħmul u perikoluż?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħaż-Żabbar: Triq San Leonardu — parkeġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1488, jista’ l-Ministru jindika jekk ingħatax widen għat-talbiet tar-residenti ta’ Triq San Leonardu, Ħaż-Żabbar wara li saret it-triq u b’inkonvenjent għalihom tneħħa l-parkeġġ li kien hemm?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata seduta oħra.

Fgura: Triq il-Kampanella – żbroff ta’ drenaġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1198, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra liema huma l-entitajiet li qed isiru t-taħdidiet magħhom u jekk il-pjan ta’ tħejjija ġiex finalizzat sabiex ix-xogħol neċessarju jsir tul is-sajf li ġej?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tiddiskuti proġetti fl-area indikata ma’ Infrastructure Malta prinċipalment. F’dan l-istadju l-Korporazzjoni qiegħda f'diskussjoni biex tiffinalizza skeda ta' interventi ppjanati li jidħlu fil-proġett ippjanat ta' Infrastructure Malta.

Fgura — Triq il-Kampanella – żbroff ta’ drenaġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1195, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema passi ttieħdu u lil liema entitajiet ġie mgħoddi dan l-ilment u dan bit-tama li x-xogħol neċessarju jsir tul is-sajf li ġej?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 1195.