Università — Kors tal-Medjazzjoni u għall-Grad ta’ Masters
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk tul is-sena akkademika li ġejja huwiex se jinfetaħ il-Kors tal-Medjazzjoni u għall-Grad ta’ Masters fl-istess linja, kif ukoll jindika kemm hemm studenti f’dawk li diġà bdew?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għas-sena akkademika li ġejja, 2022/23, huma miftuħin għall-kors tal-Master of Arts in Mediation.
Ninfurmah ukoll li preżentament hemm għaxar (10) studenti li qegħdin isegwu dan il-kors imsemmi hawn fuq.
Università ta’ Malta: Assembly Hall – apparat tal-air conditioning
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex previst li tul is-sena li ġejja se jinbidel l-apparat tal-air conditioning fl-Assembly Hall tal-Università ta’ Malta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intenzjoni tal-Università ta' Malta hi li tibdel is-sistema tal-arja kkundizzjonata fis-snin li ġejjin.
Is-sala Sir Temi Żammit tirrekjedi “refurbishment” sħiħ u l-arja kkundizzjonata hija appuntu parti minn dan ir-“refurbishment”.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi u inizjattivi ttieħdu matul is-sena skolastika li għaddiet u li huma ppjanati li jittieħdu fis-sena li ġejja sabiex l-istudenti fl-iskejjel primarji jaqraw aktar?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba inkluz id-diversi inizjattivi relatati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninfurmah ukoll li apparti li l-libreriji fil-klassijiet kollha huma attrezzati b’kotba bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, bl-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bosta skejjel primarji ta’ kuljum jorganizzaw diversi attivitajiet marbuta mal-qari bil-Malti u bl-Ingliż skond is-sillabi rispettivi. Dan kollu qed ikun ikkumplimentat ukoll permezz ta’ ambjent xieraq bil-għan li dan ikompli jistimola aktar studenti sabiex jaqraw.
Matul is-sena skolastika li jmiss (2022-23) huwa mistenni li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tkompli bl-istess programmi, skemi u inizjattivi, filwaqt li mistenni wkoll tħejji inizjattivi ġodda.
Nixtieq ukoll nieħu l-opportunita’ sabiex nirringrazzja lill-għalliema kollha tagħna u lill-kapijiet fl-iskejjel kollha tax-xogħol imprezzabbli tagħhom li flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin ta’ kuljum iwettqu b’dedikazzjoni u mpenn.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi u inizjattivi ttieħdu matul is-sena skolastika li għaddiet u li huma ppjanati li jittieħdu fis-sena li ġejja sabiex l-istudenti fl-iskejjel sekondarji jaqraw aktar?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba inkluz id-diversi inizjattivi relatati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninfurmah ukoll li se nkomplu ninvestu fix-xiri ta’ aktar riżorsi u l-istudenti nfushom ser ikunu wkoll involuti fl-evalwar tal-kotba li hemm bżonn li jinxtraw sabiex dawn ikunu kotba dejjem eqreb u addattati għall-bżonnijiet u l-interessi tagħhom. Se nkomplu nżidu l-materjal fuq is-siti elettroniċi li l-istudenti u l-għalliema jistgħu jużaw flimkien kemm għal qari abbinat ma’ xogħol tal-iskola kif ukoll fejn jidħol il-qari fil-ħin liberu.
Matul is-sena skolastika li jmiss (2022-23) l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu mistennija tkompli bl-istess programmi, skemi u inizjattivi.
Nixtieq ukoll nieħu l-opportunita’ sabiex nirringrazzja lill-għalliema kollha tagħna u lill-kapijiet fl-iskejjel kollha tax-xogħol imprezzabbli tagħhom li flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin ta’ kuljum iwettqu b’dedikazzjoni u mpenn.
Raħal Ġdid: Ġnien San Alwiġi – applikazzjoni nru. TRK/00266472
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema pożizzjoni tinsab l-applikazzjoni li saret lill-Awtorità tal-Ippjanar nru TRK/00266472 sabiex jiġi rranġat Ġnien San Alwiġi, Raħal Ġdid?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni msemmija qiegħda fi stadju bikri, fejn intalbet xi informazzjoni sabiex l-applikazzjoni tista’ tiġi validata u sussegwentement proċessata.
Ministru ghall-Ġustizzja – diskors fil-laqgħa tas-CEPEJ
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskors li għamel fil-Laqgħa tas-CEPEJ f’Ġunju, 2022?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskors li tajt waqt il-laqgħa tas-CEPEJ f’Ġunju, 2022 huwa wieħed pubbliku u saħansitra jinstab fuq il-midja soċjali. Ninfurmah ukoll li kien hemm anke stqarrija uffiċjali, PR220877, maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1700, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx jew kienx hemm ukoll l-involviment tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jekk iva, x’sar mill-istess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li min-naħa tal-istess Kunsill ma kienx hemm involviment rigward mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Madanakollu, infurmat mill-istess Kunsill Lokali illi f’dawn ix-xogħlijiet kien hemm l-involviment ta’ entitajiet oħrajn.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1488 u 1946 dwar Triq San Leonardu, Żabbar billi bil-konfigurazzjoni ġdida tagħha hemm inkonvenjent kbir lir-residenti kif ukoll perikolu lil min juża t-triq, tant li li seħħew inċidenti serji?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid Triq San Leonardu, fix-Xgħajra, fuq disinn ġdid b’infrastruttura aktar sigura għal kull min jgħaddi minnha u anke ser issebbaħha bi strixxi ta’ siġar u arbuxelli ġodda. Wara li tlestiet it-triq, ser tinbena wkoll mill-ġdid ir-roundabout.
L-aġenzija għamlet bankina fuq in-naħa tat-triq fejn qabel ma kienx hemm. Din il-bankina ġdida ġiet iddisinjata skont l-istandards applikabbli u l-linji gwida għall-aċċessibbiltà mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
It-triq qabel ma kellhiex spazji għall-parkeġġ definiti u l-ispazju tat-triq li oriġinarjament kien maħsub għall-bankina l-ġdida (li ma kinitx inbniet fil-passat) kien qed jintuża għall-parkeġġ fit-toroq.
Id-disinn il-ġdid tat-triq jinkludi l-bankina li kienet nieqsa u waqfiet ġodda għall-karozzi tal-linja biex b’hekk ittejjeb ukoll l-aċċess għat-trasport pubbliku. Ħoloq ukoll spazji ta’ parkeġġ definiti kif sippost waqt li l-karreġġjata nżammet sigura b’żewġ korsiji. It-triq għad fiha spazji għall-parkeġġ fuq iż-żewġ naħat.
Biswit partijiet mill-bankina ġdida, Infrastructure Malta għamlet strixxi biex issebbaħ it-triq bit-tħawwil ta’ 14-il siġra taċ-Ċipress u Ta’ Ġuda, aktar minn 1,600 arbuxell u pjanti oħra. Dawn ser jikkontribwixxu għal ambjent imtejjeb tul din it-triq, filwaqt li tiżdied is-segregazzjoni bejn il-persuni li jgħaddu bil-mixi u l-karozzi. Is-siġar u l-arbuxxelli ġodda f’din it-triq se jissaqqew permezz ta’ sistema ġdida ta’ tisqija li se tkun imqabbda ma’ ġibjun ġdid għall-ħażna tal-ilma tax-xita li l-aġenzija ser tibni taħt ir-roundabout tul l-istess triq, bħala parti mill-istess proġett.
Id-disinn il-ġdid tat-triq qed jistabbilixxi bilanċ bejn infrastruttura aktar sigura għal kull min jgħaddi minnha, dehra isbaħ permezz tas-siġar u l-arbuxelli kif ukoll jipprovdi spazji għall-parkeġġ siguri għar-residenti tal-inħawi. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien jinkludi wkoll pajipijiet ġodda tal-ilma kif ukoll cables ġodda taħt l-art biex tneħħew il-wires li kienu jaqsmu min-naħa għal oħra u dwal ġodda tat-triq.
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru fi Triq iż-Żafran, Wied-il-Għajn tul dawn is-sentejn u kemm kien l-ammont li ntnefaq fl-istess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li saru fit-triq imsemmija matul dawn l-aħħar sentejn saru primarjament mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Dawn kienu jikkonsistu f’ħidma sostanzjali fuq 300 metru fi Triq iż-Żafran, fejn tqiegħdu mains ġodda ta’ New Water u sleeves bi preparazzjoni għall-cables tal-fibre optic, u punt ta’ distribuzzjoni.
Wara li tlesta dan ix-xogħol, ingħata il-wiċċ kollu tat-triq bit-tarmac u għaldaqstant dan ix-xogħol kollu ġie jiswa madwar €100,000.
Dan ix-xogħol hu parti minn proġett ikbar fejn qed isir network ġdid ta distribuzzjoni tal-ilma għall-agrikultura.
Gudja: Triq Santa Katerina, Triq id-Dejqa, Triq Joe Pace — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ix-xogħlijiet fi Triq Santa Katerina, Triq id-Dejqa u Triq Joe Pace, il-Gudja ġewx finalment fi tmiemhom u jistax għalhekk jindika kemm dam sejjer dan ix-xogħol kif ukoll l-ispiża li ntnefqet jew proġettata li tintnefaq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li x-xogħlijiet ta' tqegħid ta' pavimentar fit-toroq imsemmija huma lesti, għajr għal xi xogħlijiet żgħar li għad iridu jsiru għas-sodisfazzjon tal-Kunsill u r-residenti.
Infurmat ukoll li t-tqegħid tal-madum dam sejjer għal madwar sena u dan minhabba diffikultajiet fil-livelli ta' triq u dwar problemi oħra li ma kinux previsti.
Is-somma prevista għal dan il-proġett hija ta` €262,036.50 excl VAT.
Jista’ l-Ministru jikkonsidra li billi għadu għaddej ix-xogħol fi Triq iċ-Ċimiterju, Raħal Ġdid, sakemm tkun lesta Triq Ħal-Saflieni tiġi one way minn Triq Palma billi preżentement hija two way u qiegħda tikkaġuna perikolu għal min ikun dieħel u jsib vetturi oħrajn ġejjin biex joħroġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2128 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonsidra li billi għadu għaddej ix-xogħol fi Triq iċ-Ċimiterju, Raħal Ġdid, li sakemm tkun lesta Triq Ħal-Saflieni tiġi one way minn Triq Palma billi preżentement hija two way u qiegħda tikkaġuna perikolu għal min ikun dieħel u jsib vetturi oħrajn ġejjin biex joħroġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-istess Kunsill ressaq talba lill-entità kkonċernata sabiex parti minn Triq Ħal Saflieni ssir one-way.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1696, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm hemm djar intitolati li jirċievu ċ-ċekk tal-Enerġija tal-Good Neighbourhood Scheme u kemm hu l-ammont komplessiv li tħallas jew se jitħallas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li hemm 8,011 id-dar intitolata għal din l-iskema. L-ammont komplessiv li tħallas din is-sena huwa ta’ €373,086.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1697, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra bl-eżitu, jekk kien hemm, tal-investigazzjoni li ttieħdet mill-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li kien att deliberat ta’ terzi li wassal għal qtugħ ta’ dawl wara li saret ħsara intenzjonata fuq cables f’arbli tad-dawl.
Ħal Għaxaq – persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1664, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti Ħal Għaxaq full-time u part-time tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Marsaxlokk — Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol sar tul is-sena 2021 fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk? Tista’ tindika kemm tħawlu u nżergħu pjanti u arbuxelli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2021 ġewwa l-Park ta’ Xrobb l-Għaġin saru dawn xogħlijiet:
· Tneħħa l-ħajt tal-perimetru eżistenti u twaqqaf ieħor ġdid skont il-permessi approvati (PA/01659/17 u PA/01660/17),
· Sar xogħol ta’ restawr fuq il-bini fejn tneħħew soqfa perikolużi u tpoġġew soqfa ġodda,
· Inbeda xogħol preparatorju għall-bini ta’ guva kbira,
· Tneħħew numru ta’ pjanti invażivi,
Matul din l-istess sena tħawlu 'l fuq minn 300 siġra u arbuxella indiġena f’dan is-sit.
Xogħol ta’ manutenzjoni bħal tisqija, żbir u tindif tal-post, manutenzjoni fuq s-sistema tal-irrigazzjoni u plumbing qed isir regolarment minn ħaddiema ta’ Ambjent Malta.
Bħalissa wkoll għaddej xogħol min-naħa ta’ Heritage Malta fuq it-tempju li hemm fi Xrobb l-Għaġin.
Jista’ l-Ministru jara li Triq Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk tiġi kkurata u miżmuma aħjar billi jidher li għandha bżonn sew? Jista’ jippreżenta rapport tekniku dwar dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Xrobb l-Għaġin hija twila madwar tliet kilometri u li minn Marsaxlokk twassal għal Delimara. Din qed tinbena mill-ġdid b’interventi minn entitajiet differenti. Infrastructure Malta diġà lestiet 60% ta’ din it-triq skont il-pjani tagħha, filwaqt li entità oħra hija responsabbli għall-intervent fil-kumplament ta’ din it-triq.
Jista’ l-Ministru jara li Triq Delimara, f’Marsaxlokk tiġi kkurata u miżmuma aħjar billi jidher li għandha bżonn sew? Jista’ jippreżenta rapport tekniku dwar dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet sistemi għall-ġbir tal-ilma tax-xita kif ukoll għaddiet jew sewwiet servizzi taħt l-art f’medda t’aktar minn żewġ kilometri ta’ din it-triq. Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet biex titlesta l-aħħar parti minnha li kien għad jonqos biex issir.
Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet se jiġu esegwiti fi Ġnien Lorry Sant f’Raħal Ġdid tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid illi bħalissa għaddej ix-xogħol li ser jinkludi fost l-oħrajn it-tibdil tal-art, żieda fil-pjanti/siġar, xogħol fuq il-funtana u istallazzjoni ta’ bankijiet.