Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni residenti Wied il-Għajn qegħdin jibbenefikaw minn xi forma ta’ pensjoni u jindika s-sess tal-istess?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 1,982 persuna li bbenefikaw minn pensjoni tas-sigurtà soċjali. Minnhom kien hemm 1,076 raġel filwaqt li kien hemm 906 nisa.
Wied il-Għajn – Għassa tal-Pulizija – nuqqas ta’ membri tal-Korp
Question
Jista’ l-Ministru jara u jassigura li jkun hemm iktar membri tal-Korp tal-Pulizija fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn, billi hemm iktar bżonn fil-lokalità li qiegħda tkompli tikber sew?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi t-tqassim tal-membri tal-Korp isir skont l-esiġenzi tal-Korp u n-neċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn fl-aħjar interessi tal-istess tal-pubbliku u s-soċjetà, dan jinkludi wkoll il-bżonnijiet tal-Pulizija li jirrigwardaw il-lokalità ta’ Wied il-Għajn, liema lokalità hi koperta wkoll mill-Pulizija tal-Komunità kif ukoll mir-ronda regolari tal-RIU barra minn uffiċjali stazzjonati fl-għassa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4470 u jgħid kemm persuni residenti Ħal Tarxien qed jibbenefikaw minn xi forma ta’ pensjoni u jistax jindika s-sess tal-istess?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 1,892 persuna li bbenefikaw minn pensjoni tas-sigurtà soċjali mil-lokalità msemmija minnu. Minnhom kien hemm 1,019-il raġel filwaqt li kien hemm 873 mara.
Birgu – bini li kien okkupat mill-Casino di Venezia
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2281 u 4464, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex deċiż x’se jsir mill-Casino di Venezia u l-lukanda biswit sabiex jinbdew il-proċeduri neċessarji biex jitħaddmu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4464 li ngħatat fit 12 ta' Diċembru 2022.
Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – laqgħat in konnessjoni max-xogħol ministerjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda laqgħat barra minn pajjiżna in konnessjoni max-xogħol Ministerjali tul is-sena li għaddiet? Jista’ jgħid ukoll min akkumpanjah u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-delegazzjonijiet li assistew lill-Ministru kienu dawk skont il-bżonnijiet ta’ xogħol konness mas-safar.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali fuq il vjaġġi kienet ta’ €27,884 (€1,990 minnhom tħallsu mil-Presidenza ta’ Praga) waqt li dawk tal-akkomodazzjoni kienu ta’ €6,974.
Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — laqgħat in konnessjoni max-xogħol Ministerjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-darba attenda laqgħat barra minn pajjiżna in konnessjoni max-xogħol Ministerjali tul is-sena li għaddiet? Jista’ jgħid ukoll min akkumpanjah u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni li qed tiġi mitluba tinsab fit-tabella, hawn taħt:
Destination / Departure
Officers
€
Canada / 5th June
Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet u s-Segretarju Permanenti
15,547.87
Czech Republic / 19th July
Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet,
Uffiċjal tal-komunikazzjoni u Uffiċjal mis-Segretarjat tal-Ministeru
4,738.23
Romania / 24th September
Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet,
Kap Segretarjat u Uffiċjal tal-komunikazzjoni
3,368.64
Belgium / 28th September
Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet u s-Segretarju Permanenti
2,360.44
UK / 17th November
Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet u s-Segretarju Permanenti u Kap Segretarjat
5,188.88
Belgium / 30th November
Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet u s-Segretarju Permanenti
3,242.78
Belgium / 5th December
Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet u s-Segretarju Permanenti u Kap Segretarjat
3,359.46
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056, 2928, 4461 u 5066 jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jsir ix-xogħol neċessarju fi Pjazza Antoine de Paule Raħal Ġdid? Jista’ jgħid jekk hux possibbli li sal-aħħar tal-leġiżlatura preżenti dan ikun konkluż?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4461.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056 u 2928, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jsir ix-xogħol neċessarju fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid u jekk jistax jinforma lill-Kamra li almenu sal-aħħar tal-Leġiżlatura preżenti, dan se jkun konkluż?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi ghat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4461.
Jista’ l-Ministru jara li l-Għassa tal-Pulizija f’Ħal Tarxien tinfetaħ iktar spiss u jindika x’xogħol ta’ manutenzjoni sar is-sena li għaddiet u x’xogħol beħsiebu jsir din is-sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-lokalità ta’ Ħal Tarxien hemm provdut is-servizz ta’ Pulizija tal-Komunità, kif ukoll bir-ronda regolari permezz ta’ uffiċjali b’vetturi tad-distrett u dawk tal-RIU. B’hekk jintlaħqu l-ħtiġijiet u s-servizzi operazzjonali kollha tal-pulizija f’din il-lokalità. L-għassa tal-Pulizija f'Ħal Tarxien tinfetaħ skont l-esiġenzi tas-servizz. Hemm sistema elettronika installata mal-istess għassa, fejn il-pubbliku jista’ jaqbad mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, biex tiġi koordinata kull assistenza mitluba. Infurmat illi waqt li x-xoghol ta' rinovar u manutenzjoni ta' għases isir regolari, bħalissa mhux qed isir rinovar f'din l-għassa.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2931, jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħlijiet fuq l-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra effettivament se jibda billi diġà bdew jaqgħu biċċiet minnhom u hemm oħrajn li fihom sadid avvanzat?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ manifattura bi preparazzjoni għall-bdil ta’ partijiet mill-ilqugħ tal-ħadid inbeda fl-aħħar kwart tal-2022 u bħalissa x-xogħol qiegħed għand il-kuntrattur għall-powder coating. Lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar se tinqala’ l-parti l-qadima biex wara tiswijiet fis-sottobank jeħel l-ilqugħ tal-ħadid il-ġdid. Huwa mistenni li fi Frar tibda ssir manutenzjoni fuq partijiet li għadhom f’kundizzjoni tajba biex aktar tard matul din is-sena jkompli jiġi manifatturat l-ilqugħ tal-ħadid li jrid jinbidel.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2920, jista’ l-Ministru jara li fil-lista tal-prijoritajiet minnu indikati, il-bankina fi Triq San Nikola Attard, Żejtun issir malajr?
Jista’ l-Ministru jara li l-Għassa tal-Pulizija f’Santa Luċija tinfetaħ iktar spiss u jindika x’xogħol ta’ manutenzjoni sar is-sena li għaddiet u x’xogħol beħsiebu jsir din is-sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-lokalità ta’ Santa Luċija hemm provdut is-servizz ta’ Pulizija tal-Komunità, kif ukoll bir-ronda regolari permezz ta’ uffiċjali b’vetturi tad-distrett u dawk tal-RIU. B’hekk jintlaħqu l-ħtiġijiet u s-servizzi operazzjonali kollha tal-pulizija f’din il-lokalità. L-għassa tal-Pulizija f’Santa Luċija tinfetaħ skont l-esiġenzi tas-servizz. Hemm Sistema elettronika installata mal-istess għassa, fejn il-pubbliku jista’ jaqbad mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, biex tiġi koordinata kull assistenza mitluba.
Huwa pjanat li l-għassa ta’ Santa Luċija ser tiġi konvertita f’hub għall-vittmi tal-vjolenza domestika biex b’hekk jitlaħħaq is-servizz li bħalissa toffri t-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għan-nofsinhar ta’ Malta. Pjanat ukoll illi l-istess għassa tospita l-Pulizija tal-Komunità għal-lokalitajiet ta’ Santa Luċija u Raħal Ġdid. Għaldaqstant huwa mistenni li jsiru xogħlijiet ta’ rinovar, interni kif ukoll esterni, biex jintlaħħqu l-miri u bżonnijiet imsemmija.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2251, 4099 u 4462, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pjan għat-Turiżmu għal Wied il-Għajn huwiex lest jew le?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda f’taħdidiet ma’ entitajiet oħra sabiex jiġi finalizzat pjan għaż-żona.
Il-Belt Valletta – Knisja ta’ Santa Barbara – restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ser isir ix-xogħol ta’ restawr neċessarju fil-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta tul din is-sena jew jekk hix ser tiġi inkluża fil-lista tal-istess bħala prijorità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3484, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq il-ground dedikat għal Joseph Delceppo f’Bormla humiex ser isiru tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla illi l-imsemmija xogħlijiet mistennija li jitlestew sal-ewwel kwart tas-sena 2023.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3485 dwar il-Paola Hub, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra x’servizzi mediċi se jiġu offruti fl-imsemmi hub tul is-sajf li ġej, kif ukoll x’arranġamenti se jittieħdu in vista tat-traffiku li se jkun hemm?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4806.
Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3365, tista’ l-Ministru tgħid x’passi jew programmi ttieħdu jew se jittieħdu tul din is-sena dwar il-Buskett u ċjoè x’manutenzjoni u ammeljoramenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħala parti mill-ħidma l-ġdida għal din is-sena fil-Buskett, se tkun qed issir ħidma biex tiżdied is-sigurtà u dan permezz tal-installazzjoni ta’ numru ta’ kameras tas-sigurtà. Se jitkompla x-xogħol fuq il-kamra agrarja, li se tkun qed tiġi konvertita f’ċentru għal edukazzjoni ambjentali dwar il-Buskett.
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi barra minn hekk, hemm il-ħidma ta’ kuljum biex il-Buskett jinżamm nadif. Fost oħrajn, dan ix-xogħol jinkludi tindif, iż-żbir tas-siġar, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, l-immaniġġar tas-sistemi ta’ irrigazzjoni u xogħlijiet fuq ħitan tas-sejjieħ u ġibjuni skont il-ħtieġa.
Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3365, tista’ l-Ministru tgħid x’passi jew programmi ttieħdu jew se jittieħdu tul din is-sena dwar il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar u ċjoè x’manutenzjoni u ammeljoramenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser ikunu qed nestendu dan il-Park u nżidu aktar siġar u arbuxxeli. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni isir b’mod regolari f’dan il-Park.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3488, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-evalwazzjoni indikata għal Ġnien is-Serenità (magħruf bħala l-Ġnien taċ-Ċiniżi) f’Santa Luċija hijiex lesta jew le? Jekk iva, tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Evalwazzjoni tal-offerti relatati mal-proġett ġewwa Ġnien is-Serenità huwa konkluż. Il-proċess bħalissa wasal fl-istadju fejn qed jitfassal il-kuntratt sabiex jiġi ffirmat bejn l-Awtorità Kontraenti u l-operatur ekonomiku.
Fgura – Triq il-Kunsill tal-Ewropa/Vjal Kottoner – xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li tul din is-sena jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa ma’ Vjal Kottoner fil-Fgura, fejn hemm roundabout żgħira, billi din qiegħda tisfronda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din it-triq hu ppjanat li jibda din is-sena.