Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq ġodda — kisi ta' tarmac

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11070, 10329, 9683, 9491 u 9006 u jgħid fuq liema toroq ġodda fid-diversi bliet u rħula sar xogħol ta’ kisi ta’ tarmac fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena finanzjarja? F’liema lokalitajiet? Kemm swiet kull waħda? Xi programm hemm għall-kumplament ta’din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kordin business incubation Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji ġewwa Kordin Business Incubation Centre? Kemm kien jammonta l-investiment li sar s'issa bejn Jannar u Settembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm 21 kumpanija ġewwa il-Kordin Business Incubation Centre (KBIC). Minn Jannar sa Settembru 2009, total ta ' 24,650 Euro intnefqu fil-KBIC fuq xogħlijiet ta' manutenzjoni u titjib.

San Ġwann — Bio Technology Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Bio Technology Park li ser isir ġewwa San Ġwann?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa il-Malta Enterprise qed tipprepara l-Master Plan tal-Bio-Technology Park. Inħarġet sejħa Internazzjonali għall-offerti għas-servizzi ta’ Disinn u Project Management, liema sejħa tagħlaq fil-ħamsa ta’ Novembru 2009.

Malta Enterprise — grants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta l-ammont ta' grants li tat lil-Malta Enterprise għar-riċerka u l-iżvilupp bejn Jannar u Settembru 2009? Min ibbenefika minn dawn il-grants u kemm ħadu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ grants għar-riċerka u l-iżvilupp bejn Jannar u Settembru 2009 kien ta’ €17,622 taħt l–iskema tal-Eureka li kienu ġew approvati fis-sena 2008. Matul is-sena 2009 il- Malta Enterprise nidhiet ukoll skemi għar-Riċerka u Żvilupp iffinanzjati minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja b’ budget ta’ €3.5m. L-iskema infetħet għall-pubbliku u l-allokazzjonijiet tal- grants ikunu ffinalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.

Skema tal-International Competitiveness to Establish New Markets

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-Malta Enterprise tal-International Competitiveness to Establish New Markets matul din is-sena li ninsabu fiha minn Jannar sal-aħħar ta' Settembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul il-perjodu minn Jannar sa Settembru 2009, taħt l-iskema International Competitiveness to Establish New Markets tħallset is-somma ta’ €194,788.

Trade Missions għall-imprendituri Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru trade missions għall-imprendituri Maltin ħalli jkunu jistgħu jidentifikaw swieq ġodda bejn Jannar u Settembru 2009? Kemm kienet in-nefqa għal kull mission?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sa Settembru kellna 4 trade missions organizzati mill-Malta Enterprise: Jannar Polonja €23,797 Marzu Praga €19,294 Awwissu Qatar €17,670 Settembru-Ottubru Svezja u Danimarka €26,655

Membri tal-Kummissjoni li qed jistħarrġu spejjeż żejda

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kummissjoni li qed tistħarreġ spejjeż żejda li s-settur pubbliku qed jgħaddi fuq in-negozji? Meta bdiet taħdem din il-Kummissjoni u jekk għamlitx xi suġġerimenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni fuq l-Kummissjoni ħa titħabbar dalwaqt.

Skema ta' Grants għar-riċerka u l-iżvilupp — kumpaniji li applikaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-grants għar-riċerka u l-iżvilupp? Min ibbenefika minn din l-iskema? Kien hemm persuni jew kumpaniji li applikaw u ma ġewx mgħejjuna? Jekk fl-affermativ, x'kienu r-raġunijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise ħarget l-ewwel sejħiet għall-proġetti taħt l-iskema ERDF R&D Grant Scheme fl-1 ta’ Ġunju 2009. Din is-sejħa għalqet fit-2 ta’ Ottubru 2009, li fiha l-Malta Enterprise irċeviet 27 proġett. Il-Malta Enterprise bħalissa qegħda tevalwa dawn il-proġetti u tkun f’pożizzjoni li tati aktar dettalji meta l-proċess ta’ l-evalwazjoni jkun intemm, lejn l-aħħar ta’ Novembru.

Innov Act — kumpaniji li bbenefikaw minnha

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-Innov Act? Min ibbenefika minn din l-iskema? Kien hemm persuni jew kumpaniji li applikaw u ma ġewx mgħejjuna? Jekk fl-affermativ, x'kienu r-raġunijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise ħarġet żewġ sejħiet għall-proġetti taħt l-iskema ERDF Innovation Actions (Innov Act) Grant Scheme. Fl-ewwel sejħa kien hemm 68-il intrapriża li applikaw għall-fondi u minnhom ġew approvati wieħed u għoxrin intrapriża. Dawn l-intrapriżi joperaw f’oqsma varji tas-settur tal-manifattura u s-servizzi. B’kollox ġew allokati madwar €1.76 miljun bejn dawn il-wieħed u għoxrin intrapriża. Il-Malta Enterprise nediet sejħa oħra ta’ applikazzjoniet f’nofs din is-sena u rċeviet 74 applikazzjoni għall-fondi. Il-Malta Enterprise bħalissa qegħda fil-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-proġetti u huwa maħsub illi taħt din is-sejħa se jiġu allokati madwar €2.2 miljuni. Fil-każ ta’ din l-iskema jista’ jkun li ma jergax ikun hemm sejħa oħra, kemm-il darba l-fondi jittieħdu kollha. F’kull sejħa jkun hemm ammont sostanzjali ta’ applikanti li ma jiġux mgħejjuna minħabba raġunijiet ta’ eliġibilità u kull każ hu uniku. Dawn l-applikanti jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx milqugħa.

Skema ta' Small Start-Up — kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-Small Start-Up? Min ibbenefika minn din l-iskema? Kien hemm persuni jew kumpaniji li applikaw u ma ġewx mgħejjuna? Jekk fl-affermativ, x'kienu r-raġunijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jgħid għal-liema skema tal-Small Start-Up qed jirreferi.

Skema ta' E-business development Grant

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-E-business Development Grant? Min ibbenefika minn din l-iskema? Kien hemm persuni jew kumpaniji li applikaw u ma ġewx mgħejjuna? Jekk fl-affermativ, x'kienu r-raġunijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Malta Enterprise ħarġet żewġ sejħiet għal proġetti taħt l-iskema ERDF e-Business Development Grant Scheme. Fl- ewwel sejħa kien hemm tnejn u ħamsin (52) intrapriża li applikaw għal fondi u minnhom ġew approvati u mgħejjuna sebgha u għoxrin (27) intrapriża. Dawn l- intrapriżi joperaw f’oqsma varji bħas-settur tal-manifattura, is-settur tat-trasport, is-settur ta’ l-ICT, u servizzi oħra bħal edukazzjoni u media. B’kollox ġie allokat € 1.09 miljun bejn dawn l-intrapriżi. Il-Malta Enterprise nediet sejħa oħra ta' applikazzjoniet f’nofs din is-sena u rċeviet 64 il applikazzjoni għal fondi. Il-Malta Enterprise bħalissa qeghda fil-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-proġetti u huwa maħsub illi taħt din is-sejħa se jiġu allokati madwar €1.41 miljuni. Fil każ ta’ din l iskema jista` jkun li ma jergax ikun hemm sejħa oħra kemm-il darba l fondi jittieħdu kollha. F’kull sejħa jkun hemm ammont sostanzjali ta` applikanti li ma jiġux mgħejjuna minħabba raġunijiet ta' eliġibilità, u kull każ huwa uniku. Dawn l-applikanti jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx milqughħa.

Żoni Industrijali — xogħlijiet ta' upgrading

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie investit matul din is-sena minn Jannar sal-aħħar ta' Settembru f'upgrading ta' Żoni Industrijali? Liema kienu dawn iż-żoni u x-xogħlijiet saru fihom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11520.

Mellieħa u x-Xewkija Għawdex — Micro Enterprise Parks

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-iżvilupp ta' żewġ Micro Enterprises Parks ġewwa l-Mellieħa u x-Xewkija Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ż-żewġ applikazzjonijiet qed ikunu ipproċessati mill-MEPA.

Wied il-Għajn — Xogħlijiet fi Triq Vittorio Cassar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda ix-xogħol fi Triq Vittorio Cassar ġewwa Wied il-Għajn minħabba li din tinsab fil-lista ta' toroq li kellha tkun lesta sal-aħħar ta' din is-sena wara li l-wegħdiet preċedenti ma ġewx miżmuma?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11287.

Tfal tal-iskola — uniformijiet, kotba u stationery

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa l-istudju li kien sar fl-2008 dwar l-uniformijiet, il-kotba u l-stationery tat-tfal tal-iskola? X'ħareġ minn dan l-istudju u x'kienu l-benefiċċji? Liema direttorat huwa responsabbli li jwettaq ir-rakkmandazzjonijiet li saru jekk dejjem kien hemm? Tista' tgħid jekk minħabba dan ir-rapport, kienx hemm xi tibdil fil-bidu ta' din is-sena skolastika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Ministeru u d-Direttorati Edukattivi ma għamlu l-ebda studju dwar l-uniformijiet, kotba u stationery tat-tfal ta’ l-iskola.

Upgrading ta' Żoni Industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar matul is-sena 2008 bħala upgrading taż-żoni industrijali? X'kien ix-xogħol li sar u fejn? X'kienet l-ispiża separatament għal kull żona industrijali? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-sena 2009 bejn Jannar u l-aħħar ta' Settembru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sussidji li tneħħew

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk is-sussidji li tneħħew matul din is-sena li ninsabu fiha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2009, kif jidher ukoll fl-Estimi Finanzjarji għas-sena, tneħħa s-sussidju lill-Malta Shipyards Ltd. Fl-2008, dan kien ta’ €4.65 miljun, apparti l-iskemi speċifiċi li ħarġu f’dan il-qasam.

International Competitivness — kumpaniji li applikaw

Question

Jista' l-Ministrun jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-international competitiveness? Min ibbenefika minn din l-iskema? Kien hemm persuni jew kumpaniji li applikaw u ma ġewx mgħejjuna? Jekk fl-affermattiv, x'kienu r-raġunijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise ħarġet żewġ sejħiet għall-proġetti taħt l-iskema ERDF International Competitiveness Grant Scheme. Fl-ewwel sejħa kien hemm 56-il intrapriża li applikaw għal fondi u minnhom ġew approvati 30 intrapriża. Dawn l-intrapriżi joperaw f’oqsma varji tas-settur tal-manifattura u s-servizzi. B’kollox ġew allokati madwar €1.95 miljun bejn dawn 30 intrapriża. Il-Malta Enterprise nediet sejħa oħra ta’ applikazzjonijiet f’nofs din is-sena u rċeviet 69 applikazzjoni għall-fondi. Il-Malta Enterprise bħalissa qegħda fil-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-proġetti u huwa maħsub illi taħt din is-sejħa se jiġu allokati madwar €2.5 miljuni. Fil-każ ta’ din l-iskema jista’ jkun li ma jerġax ikun hemm sejħa oħra, kemm-il darba l-fondi jittieħdu kollha. F’kull sejħa jkun hemm ammont ta’ applikanti li ma jiġux mgħejjuna minħabba raġunijiet ta’ eliġibilità u kull każ hu uniku. Dawn l-applikanti jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx milqugħa.

Xogħlijiet infrastrutturali fuq fabbriki ġodda u fabbriki eżistenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-€124 miljun allokati għal xogħlijiet infrastrutturali, kemm intnefqu għal bini ta' fabbriki ġodda jew fuq fabbriki eżistenti separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jgħid għal-liema €124 miljun qed jirreferi.

Belt Valletta — pjan għar-riġenerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9659, 9485 u 8997 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jindika liema huma dawk il-proġetti li bdew jew hu maħsub li se jibdew sal-aħħar ta’din is-sena fil-pjan għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta? Kemm hu stmat li se jintnefaq fuq dawn il-proġetti f’din is-sena finanzjarja? Jista' jgħid ukoll kemm se jdumu d-direttivi magħtija lill-periti u x'inhi r-raġuni għal tali direttivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra