Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rijabilitazzjoni mill-problema tax-xorb

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1344 u jindika kemm huwa t-total ta’ persuni f’Malta li qed isegwu programm minħabba li għandhom il-problema tax-xorb? Fejn qegħdin isegwu l-programm tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsill Lokali tat-Tielet Distrett – proġetti u inizjattivi favur l-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1347 u jindika xi proġetti u inizjattivi twettqu favur l-anzjani mill-Kunsilli Lokali tat-Tielet Distrett fl-2021 u fl-2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li daħlet mill-Kunsilli Lokali rispettivi hi kif spjegata iktar ‘il isfel. Irid jingħad li s-sena 2021 kienet iddominata mill-pandemija u l-miżuri restrittivi marbuta magħha. Kunsill Lokali Għaxaq 2021 - Ħdimna mal-Ministeru tas-Saħħa biex jingħataw aktar servizzi mediċi fil-Berġa tal-lokal. - Tajna diversi għajnuniet lill-anzjani fejn jidħlu vaċċini, boosters u ċertifikati tal-vaċċin. - Ligħts ġodda fil-Bypass biex nnaqqsu l-periklu lill-anzjani. - Kull sena nġibu Mobile Dental Unit Għajnuna u assistenza lir-residenti anzjani fejn jidħlu lmenti 2022 - Servizzi mediċi ġodda fil-Berġa - Għajnuna u assistenza lir-residenti anzjani fejn jidħlu lmenti Kunsill Lokali ¯ejtun 2021 - Tqassim ta’ figolli lill-anzjani 2022 - Tqassim ta’ figolli lill-anzjani - Huma ppjanati diveri attivitajiet iktar tard din is-sena Kunsill Lokali Marsaxlokk 2021 NIL reply 2022 - Inxtara vann biex iktar ‘il quddiem il-Kunsill ikun jista’ jwassal lill-anzjani fil-clinics u d-day centre Kunsill Lokali Marsaskala NIL reply

Marsaxlokk – Awtorità tad-Djar — lift

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1177 u jgħid meta ser isir ix-xogħol mill-Awtorità tad-Djar fuq lift li jinsab f’Binja Ħal Ġinwi, Triq Axtart, ġewwa Marsaxlokk?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi t-tiswijiet meħtieġa se jkunu qegħdin isiru fil-xhur li ġejjin. Ta’ min jgħid li l-lift ġie nstallat snin ilu (madwar 2006) iżda qatt ma ngħata lir-residenti minħabba li għal żmien twil ir-residenti ma riedux jieħdu pussess tal-lift minħabba dħul ta' ilma li ġie kkawżat sakemm ġiet iffurmata t-triq. Wara li ssolviet din il-problema kien hemm nuqqas ta' ftehim bejn ir-residenti u għalhekk ma setgħetx tiġi ffurmata assoċjazzjoni tar-residenti. Peress li l-lift ilu wieqaf għal żmien twil trid issir eżaminazzjoni bir-reqqa minn inġinier għax aktarx ikun hemm ħtieġa ta' bosta tiswijiet.

Iż-Żejtun – Misraħ ta’ Pizzuta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1178, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew it-toroq li ssemmew fl-aħħar paragrafu tat-tweġiba tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sitta mit-toroq li qed issir referenza għalihom jinsabu ħdejn xulxin fl-istess żona wara l-Knisja taż-Żejtun u jagħmlu parti minn proġett wieħed biex Infrastructure Malta tibnihom mill-ġdid f’daqqa. Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina u Triq Beland tlestew, Triq San Ġużepp u Triq San Piju X waslu biex isirilhom wiċċ ġdid bl-asfalt u jkunu lesti fil-jiem li ġejjin, u warajhom ikun imiss Triq Santa Monika. Għaddej ukoll ix-xogħol fi Triq il-Ġiebja Rumana fejn bħalissa qed isiru xogħlijiet fuq il-bankini u s-servizzi taħt l-art.

Wied il-Għajn – parkeġġi mir-residenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1179, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkunu konklużi t-taħdidiet li ssemmew fit-tweġiba, ħalli r-residenti li joqogħdu fil-madwar tal-iskola l-ġdida ġewwa Wied il-Għajn ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-parkeġġ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta' Marsaskala waslu fil-fażi finali u dawn mistennija jkunu konklużi fiż-żmien li ġej.

Iż-Żejtun – Xogħlijiet fuq iċ-Ċimiterju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser isir xi xogħol fil-ħitan taċ-ċimiterju ġewwa ż-Żejtun? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li dan ix-xogħol jibda?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej bit-tħejjijiet meħtieġa sabiex iwettaq xogħol fuq il-ħitan taċ-ċimiterju. Ix-xogħol huwa maħsub li jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Iż-Żejtun – Misraħ ta’ Pizzuta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Misraħ ta’ Pizzuta ġewwa ż-Żejtun hux ser isir bit-tarmak? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina, Triq Santa Monika, Triq San Ġużepp, Triq Beland u Triq il-Ġiebja Rumana, fil-lokalità taż-Żejtun. It-triq indikata, Misraħ ta’ Pizzuta, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Wied il-Għajn – parkeġġi mir-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitħalla li jsir parkeġġ fl-iskola l-ġdida ta’ Wied il-Għajn mir-residenti fil-ħinijiet ta’ filgħaxija minħabba l-problema ta’ parkeġġ li hemm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ghall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazjoni jinsab għaddej b’taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.

Sajjieda Maltin — allokazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1036, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ min ġie awtorizzat u minn effettivament ibbenefika mis-seba’ tunnellati u nofs għall-qabdiet inċidentali? Jista’ jgħid f’kull każ kemm ħadu? F’liema żona jew żoni dawn jistgħu jsiru u fejn effettivament saru?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ min hu awtorizzat iħott Tonn (Blufin Tuna) bħala qabda inċidentali, kif ukoll il-lista ta’ min ħatt u kemm ħatt tonn bħala qabda inċidentali, qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-informazzjoni mitluba dwar iż-żoni, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li din il-qabda tista’ ssir fiż-żoni kollha skont kif imsemmijja fil-Liċenzja tas-Sajd ta’ kull bastiment u bl-eċċezzjoni ta’ diversi siti li huma protetti għal raġuni jew oħra. Nikkonferma li l-qabdiet kollha saru minn żoni legali.

Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità – Taħriġ tal-Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm impjegati mal-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità, u kemm minnhom għandhom it-taħriġ fuq il-kura tas-saħħa mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 993 fi sitta ta’ Ġunju 2022.

Marsaxlokk — toroq - xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 536, peress li triq li tagħti għall-kamra tan-nar 25 ta’ Novembru, li hija triq rurali, mhux imniżżla, jista’ l-Ministru jara li din it-triq tkun inkluża?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq li qed issir referenza għaliha hija fost it-toroq rurali li Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid bħala parti mill-investiment bla preċedent li qed tagħmel anke fit-toroq rurali.

Skema tal-Komunità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 530 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija numru 94, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament fl-Iskema tal-Komunità? Jista' jgħid ukoll x’inhi l-proċedura preżenti biex persuna tifforma parti minn din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Iskema tal-Komunità hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn kif indikat fit-tabella t’hawn taħt; Żejtun 35 Għaxaq 7 Marsaxlokk 4 Wied il-Għajn 16 Il-karatteristiċi biex persuna tifforma parti minn din l-iskema huma: A. persuna li kienet bla impjieg/inattiva fl-aħħar sena u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus u hija: 1. persuna adulta li tgħix waħedha u li għandha persuna jew persuni dipendenti taħt ir-responsabbiltà tagħha u li m’għandhiex impjieg full-time jew; 2. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li m’għandhiex kwalifiki tas-sekondarja għolja jew kwalifiki vokazzjonali (ISCED 3) u li m’għandhiex impjieg jew; 3. persuna 'l fuq minn 50 sena li m’għandhiex impjieg jew; B. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li kienet bla impjieg f’dawn l-aħħar sentejn u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus.

Iż-Żejtun — Triq Strejnu u Triq Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 531, tista’ l-Ministru tikkonferma li t-tieni kuntrattur twaqqaf u issa qed isiru l-preparamenti biex jinstab kuntrattur ieħor? Meta taħseb li dan se jinstab u allura jkun jista’ jitlesta dan ix-xogħol, li ilu għaddej għal numru ta’ snin b’inkonvenjent bla bżonn għar-residenti u kull min juża dawn l-akkwati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet passi biex jinbidel il-kuntrattur fuq dan il-proġett wara nuqqasijiet kuntrattwali. Bħalissa għaddej process biex ix-xogħol jitkompla minn kuntrattur ieħor skont ir-regolamenti tax-xiri pubbliku. Kif indikajt iżjed qabel f’PQ 531, il-maġġoranza tax-xogħol fit-toroq indikati huwa lest, għajr għal l-aħħar saff ta’ tarmac, bix-xogħol mistenni jitkompla fix-xhur li ġejjin wara li jkun lest il-proċess amministrattiv hawn fuq indikat.

Delimara/Marsaxlokk — tisbiħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 532, tista’ l-Ministru tikkonferma li dan is-sit ta’ Delimara se jkun kunsidrat ħalli jsir ix-xogħol ta’ restawr u tisbiħ meħtieġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju l-ebda sit potenzjali mhu qed jiġi eskluż u fil-fatt is-sit li qed jirreferi għalih huwa wieħed li se jiġi kkunsidrat għal xogħlijiet ta’ restawr ambjentali, ġaladarba jkun stabbilit ukoll it-titolu ta’ l-art.

Marsaxlokk – Triq Għajn Osiris — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Għajn Osiris ġewwa Marsaxlokk hiex ser issir, minħabba li fil-passat kienet triq li kellha ssir meta kien qed isir xogħol ma’ Triq il-Port Ruman?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq il-Kajjik, Triq iċ-Ċippi, triq bla isem ħdejn l-Island Sanctuary u triq rurali li twassal għal Delimara, fil-lokalità ta’ Marsaxlokk. It-triq indikata, Triq Għajn Osiris, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.