Victor Tedesco Stadium — kwestjoni bejn uffiċjal tal-Pulizija u uffiċjali tal-MFA
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir investigazzjoni tal-inċident fil-Victor Tedesco Stadium li ġara nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar waqt il-half time tal-logħba Msida SJ kontra Hamrun meta uffiċjal tal-pulizija daħal mingħajr permess fid-dressing room tar-referee u beda għajjat u b’mod aggressiv kellem lill-uffiċjali meta dan ma kellu l-ebda dritt jagħmel hekk? Jista' jgħid ukoll jekk jafx li dan il-membru tal-Korp kważi aggredixxa lil wieħed mill-uffiċjali u nżamm minn pulizija ieħor u membri tal-istess staff tal-Malta Football Association?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qiegħed jiġi investigat.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li jintużaw meta membru tal-korp ikun kiser il-liġi u wieħed jiġi sospiż u l-ieħor le? Għaliex ċerti każi qed idumu s-snin biex jinqatgħu u dan kemm għad-detriment tal-Korp kif ukoll tal-pulizija nnifsu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi meta membru tal-Korp ikun suspettat li kiser il-liġi, jittieħdu proċeduri kif stipulati fir-Regolamenti tal-1999 dwar il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta’ Dixxiplina). Il-kriterji wżati mill-Pulizija jekk membru tal-Korp, suspettat li wettaq delitt, jiġix sospiż jew le, isir skont l-entità tal-każ li jkun qed jiġi akkużat bih. Kemm meta l-każ ikun suġġett ta’ proċeduri quddiem il-Qorti, kif ukoll f’dawk ta’ dixxiplina. Il-Pulizija tagħmel ħilitha kollha sabiex tressaq il-provi tagħha kemm jista' jkun malajr. Fil-fatt dan l-aħħar inħarġu struzzjonijiet sabiex il-Pulizija, f'każi li jinvolvu uffiċjali pubbliċi, jikkonkludu l-provi tagħhom fl-iqsar żmien possibli u mhux aktar tard minn tlett xhur żmien.
Nixtieq ukoll ninforma lill-Onorevoli Membru, li inġibditli l-attenzjoni, illi meta inġabar it-tagħrif sabiex tkun imwieġba il-Mistoqsija Parlamentari numru 14178 li ġiet imwieġba fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa 20 ta’ Jannar 2010, fil-lista ta’ każi ta’ membri tal-Korp tal-Pulzija li għaddejjin proċeduri quddiem il-Qorti imma li m’humiex sospiżi, ġew inklużi żewġ każi fil-fatt li għadhom qed ikunu investigati. Dawn il-każi huma, wieħed ta' kuntistabbli li jidher li huwa akkużat bi stupru u feriti fuq il-persuna u ieħor dwar allegat każ ta’ serq. Hekk kif dawn l-investigazzjonijiet ikunu konklużi u jirriżulta li hemm provi biżżejjed sabiex jinbdew proċeduri kriminali, titkompla kull azzjoni meħtieġa.
Għandu jingħad ukoll, illi l-kuntistabbli li fl-istess tweġiba jidher li huwa sospiż għax għaddej proċeduri kriminali dwar pornografija, dan kien akkużat ukoll b'akkużi ta' stupru.
Health and Social Care National Diploma — ETC - rikonoxximent
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 14432 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk il-Health and Social Care National Diploma tal-MCAST hix rikonoxxuta hawn Malta u dan skont ma ntqal mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ meta dawn ġew mistoqsija minn xi studenti? X'inhi r-raġuni għal dan jekk inhu hekk? X'passi jridu jittieħdu biex dan il-kors offrut lokalment fl-aħħar mill-aħħar ikun ukoll rikonoxxut hawn Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-MCAST-BTEC National Diploma in Health and Social Care hija rikonoxxuta hawn Malta mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki fil-Livell 4 bi ftehim bejn il-Kulleġġ u l-istess Kunsill.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14431 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern idaħħal care workers fuq bażi full-time fl-Isptar Mater Dei jew ma' xi aġenzija tal-Gvern?
Jista' jgħid jekk fil-preżent hemmx
care workers
jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u min hu l-
employer
tagħhom?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14444 u 14177 li orġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u ċioe: Issa li diġà tħabbar li nqabdu xi bowsers b'diesel tal-kuntrabandu sa anke minn Ottubru li għadda, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Koporazzjoni Enemalta għamlitx xi rapport uffiċjali li naqas il-bejgħ mill-pompi tagħha? Hemm xi ħjiel fejn qed jiġi maħżun dan id-diesel li qed jiddaħħal bil-kuntrabandu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta ma għamiltx rapport lill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi li naqas il-bejgħ mill-pompi tagħha. L-Awtorità ta' Malta dwar ir-Rizorsi mhix l-Awtorità kompetenti biex tagħti risposta ghat-tieni domanda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema biex post li jinsab fil-pjazza ta' Raħal Ġdid li fil-preżent qed iservi ta' każin tal-Partit Nazzjonalista, liema post huwa tal-Gvern, jittieħed lura mill-Gvern ħalli jibda jintuża bħala spiżjerija pubblika minħabba li dik eżistenti ma toffrix il-faċilitajiet meħtieġa biex tipprovdi servizz adegwat lir-residenti tan-naħa t'isfel ta' Malta u li jinqdew mill-ispiżjerija ta' Raħal Ġdid?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies qegħda fil-31 ta’ Jannar 2010? Kemm kien hemm nies li tilfu l-impjieg tagħhom is-sena li għaddiet?Liema xogħol kienu jagħmlu?
barrieri li jintużaw biex jintrema skart marbut mal-kostruzzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex policy tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li barrieri li m'għadhomx jintużaw jiġu użati biex jintrema skart marbut mal-kostruzzjoni? Jista' jgħid ukoll jekk l-Awtorità hijiex responsabbli li tagħmel kontroll ta' dak li jintrema? Jekk fl-affermattiv, kif isir dan il-kontroll? Tinżamm statistika ta' kemm jintrema skart marbut mal-kostruzzjoni f'dawn il-barrieri? Liema huma l-barrieri li f'dawn l-aħħar sentejn qed jintużaw għal dan l-iskop?
karozzi impurtati minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea — taxxa fuq ir-reġistrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni ta' karozzi impurtati minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ġietx mibdula jew le? Jekk fl-affermattiv, meta saret din il-bidla u jekk saritx xi kampanja/reklami biex dan ikun magħruf?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14448 u 14175 u jgħid kemm hemm pazjenti magħrufa bħala każijiet soċjali fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid x'qiegħed isir biex dawn il-pazjenti jiġu rikoverati x'imkien ieħor biex b'hekk jkun hemm aktar sodod liberi għal min għandu bżonn?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14445 u 14176 u ċioe: Peress li fl-outpatients f'kull taqsima qed ikun hemm ħafna ffullar filgħodu, jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi studju biex forsi l-outpatients jew ċerti taqsimiet minnhom jkunu miftuħa wara nofsinhar?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà hemm xi taqsimiet mill-Outpatients li jkunu miftuħa wara nofsinhar fuq bażi regolari. Dawn huma:
· Cardiac Lab
· Medical Outpatients 1
· Diabetes Clinic/Medical Outpatients 2
· Medical Outpatients 3
· Medical Outpatients 4
· Childrens Outpatients
· Phlebotomy Unit
· Ophthalmic Outpatients
· ENT/Audiology Outpatients.
Peress li d-dettalji tal-fabbriki jinsabu fil-mistoqsijiet li hemm referenza għalihom fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14442, 12847 u 13386 rispettivament u jgħid kemm kienu jħaddmu nies iż-żewġ fabbriki li kienu jipproduċu auto switches u prodotti tar-rubber li kienu jintużaw u li issa jinsabu vojta?
Jista' l-Ministru jelenka dawk l-għaqdiet u/jew organizzazjonijiet li bbenefikaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fl-2009? Kemm ħadu kull wieħed? Jista' jgħid ukoll kemm kienet is-somma fil-fond fl-1 ta' Jannar 2009? Kemm kien fadal fil-31 ta' Diċembru 2009? Minn fejn ġew il-flus li tpoġġew fil-Fond?
Response (FENECH, TONIO)
Għall-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11170, u għall-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista telenka dawk il-proġetti u inizzjattivi ta’ dawk l-għaqdiet u organizzazzjonijiet li bbenefikaw minn għajnuna finanzjarja mill-Fond għal Kawżi Ġusti fl-aħħar kwart ta’l-2009.
Is-somma fil-fond fl-1 ta’ Jannar 2009 kienet dik ta’ €145,335.07 u dik fil-31 ta’ Dicembru 2009 kienet ta’ €402,819.09.
Il-fond iġġenera d-dħul tiegħu minn persentaġġ li ġie kontribut mill-ammont ta’ taxxa minn fuq l-attivita tal-
gaming
u premijiet li jibqgħu ma jinġabrux.
Peress li d-dettalji tal-fabbriki jinsabu fil-mistoqsijiet li hemm referenza għalihom fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12847 u 13386 rispettivament u jgħid kemm kienu jħaddmu nies iż-żewġ fabbriki li kienu jipproduċu auto switches u prodotti tar-rubber li kienu jintużaw u li issa jinsabu vojta?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14177 u ċioe: Issa li diġà tħabbar li nqabdu xi bowsers b'diesel tal-kuntrabandu sa anke minn Ottubru li għadda, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Koporazzjoni Enemalta għamlitx xi rapport uffiċjali li naqas il-bejgħ mill-pompi tagħha? Hemm xi ħjiel fejn qed jiġi maħżun dan id-diesel li qed jiddaħħal bil-kuntrabandu?
Response (GATT, AUSTIN)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li s-suq tal-bejgħ tal-fuel illum huwa liberalizzat u allura, f’tali kuntest, ċaqliq fil-bejgħ ta’ xi operatur, bħalma hija l-Enemalta, ma jkunx bil-fors ifisser li hemm xi abbuż b’forma ta’ kuntrabandu jew mod ieħor. Madankollu jien infurmat li fil-fatt l-Enemalta kull xahar tagħmel rapport lill-Awtorità ta’ Malta dwar r-Riżorsi ta’ kemm tkun impurtat u biegħat fuel.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi it-talba tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14176 u ċioe: Peress li fl-outpatients f'kull taqsima qed ikun hemm ħafna ffullar filgħodu, jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi studju biex forsi l-outpatients jew ċerti taqsimiet minnhom jkunu miftuħa wara nofsinhar?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14174 u jelenka dawk l-għaqdiet u/jew organizzazjonijiet li bbenefikaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fl-2009? Kemm ħadu kull wieħed? Jista' jgħid ukoll kemm kienet is-somma fil-fond fl-1 ta' Jannar 2009? Kemm kien fadal fil-31 ta' Diċembru 2009? Minn fejn ġew il-flus li tpoġġew fil-Fond?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14174.