Legislature:
Category:
Reset
Active:

Flus miġbura mill-VAT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16668 u jgħid kemm ġabar flus il-gvern mill-VAT fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Dak li kien dovut kollu tħallas? Kemm inqabdu nies li ma tawx l-irċevuta tal-VAT? F'liema nħawi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena inġabret is-somma ta’ €130,297,317 mill-VAT. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija l-ammont dikjarat mhux imħallas jammonta għal €4,437,223. F’dan il-perijodu inqabdu 54 persuna li ma tawx irċevuta tal-VAT. L-informazzjoni dettaljata qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġett kontra l-għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16674 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16079, jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proġett li kien tħabbar mill-ex Ministru Ninu Zammit biex jinġabar l-ilma tax-xita biex ma jintilifx u ma jkomplix jikkawża għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida, fejn kellhom jinbnew ġibjuni kbar taħt l-art?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

sidien li waqgħu lura fil-ħlas tal-bolla tan-National Insurance tal-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16672 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16016, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex dawn il-€68.5 miljun jinġabru? Kemm hemm min ilu ma jħallas in-National Insurance tal-impjegati tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi sabiex jinġabru dawn is-€68.5 miljun, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed jibgħat reminders, avviżi ta’ nuqqas ta’ tħaris, avviżi ta’ nuqqas ta’ ħlas kif ukoll ittri ġudizzjali skont il-każ. F’ċertu ċirkustanzi, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni jilħaq ftehim ma’ min ikun qiegħed iħaddem fuq programm ta’ ħlas imqassam fuq tul ta’ żmien. In-numru ta’ employers li għandhom xi bilanċ ta’ National Insurance dovut hu ta’ 8,652.

Gozo Channel — nuqqasijiet fuq vapur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta fil-Gozo Channel tlestietx jew le dwar allegazzjonijiet li għamel kaptan tal-istess kumpanija fir-rigward ta' nuqqasijiet li skont hu hemm fuq il-vapuri? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi din l-inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk l-inkjesta għadha għaddejja jista' jgħid meta huwa maħsub li din titlesta u min qed jagħmel din l-inkjesta?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16676 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Sentenzi ta' priġunerija fuq stupru

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15969, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-sentenzi ta' priġunerija mogħtija f'kull każ lil min ikkommetta stupru fis-snin 2005 sal-2009, sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: Sentenza ta’ priġunerija 1 - 6 xhur 1 - 13-il xahar 1 - 18-il xahar 1 - 18-il xahar 1 - 10 snin 1 - 4 snin Sentenza ta’ priġunerija u multa 1 - 20 xahar priġunerija u multa ta’ €2208 Inġibditli l-attenzzjoni li fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15969, kien hemm każ wieħed fejn ingħatat priġunerija u multa, u mhux tnejn kif ġie indikat.

tilqim għat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tilqim li qed jinġieb hawn Malta, speċjalment tilqim li huwa għat-tfal, huwiex ta' kwalità inferjuri minn dak li kien jinġieb sa xi żmien ilu u minn dak li jieħdu pajjiżi oħra? X'inhi r-raġuni li qed jinġieb tilqim ta' kwalità inqas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tilqim kollu li jinxtara għall-użu tal-poplu Malti inkluż it-tfal permezz tas-Servizz Nazzjonali tat-Tilqim, huwa skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO). Ma kien hawn ebda bidla fil-kwalità tat-tilqim. It-tilqim f’Malta jiġi mpurtat mingħand il-produtturi li jfornu t-tilqim f’pajjiżi oħra ta’ l-Ewropa. F’dawn l-aħħar snin ma rajna ebda żieda ta’ rapporti ta’ rejazzjonijiet ħżiena wara t-tilqim, u ma kien hemm l-ebda żieda fil-mard li għalih nipprovdu t-tilqim.

Sptar Boffa — soda speċjali mikrija

Question

Jikkonferma l-Ministru li hemm persuni li huma rikoverati fl-Isptar Boffa li kellhom jikru sodda speċjali minħabba li l-gvern ma jipprovdix ċertu tip ta' sodod? Jaħseb li dan mhuwiex mod dinjituż kif jiġu tratti pazjenti li jkunu rikoverati għal tul ta' żmien fl-isptarijiet tagħna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li ma kien l-ebda każ fejn persuni rikoverati fl-Isptar Boffa kellhom jikru sodod speċjali.
Leg 11 PQ #14995 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpaniji/individwi — impjieg ta' nies b'paga baxxa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm minn Ġunju 2009 fejn kumpaniji/individwi nqabdu jimpjegaw nies u jħallsuhom b'anqas mill-paga minima? Jista' jgħid liema kienu u x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15356.

Wardens ħdejn l-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, issa li qed isiru l-orali tas-SEC f’diversi skejjel, għaliex ma jitqabbdux wardens biex jikkontrollaw it-traffiku u jżommu l-ordni u mhux jagħtu ċitazzjonijiet fl-inħawi ta’ dawn l-iskejjel? Taf bil-konfużjoni ta’ traffiku u periklu għall-istudenti ħdejn ċerti skejjel fejn jiltaqgħu mijiet ta’ studenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Filwaqt li l-Wardens ikunu qed jaqdu dmirhom waqt il-ħin tal-eżamijiet, se jingħatawlhom rakkmandazzjonijiet sabiex l-enfażi tkun aktar dwar il-kontroll tat-traffiku milli li jingħataw ċitazzjonijiet, sabiex jiġi evitat il-konfużjoni tat-traffiku jew xi periklu.

investiment barrani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li sar investiment barrani fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Fiex kien jikkonsisti u f'liema setturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni dwar investiment barrani f’Malta għall-ewwel kwart tal-2010 tinsab fi stadju ta’ kumpilazzjoni.

sidien li waqgħu lura fil-ħlas tal-bolla tan-National Insurance tal-impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16016, tista' l-Ministru tgħid x'qed isir biex dawn il-€68.5 miljun jinġabru? Kemm hemm min ilu ma jħallas in-National Insurance tal-impjegati tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi.

National Insurance tal-impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta sid ma jħallasx in-National Insurance lid-Dipartiment x'isir biex ikun żgurat li dan qed jaqta' s-sehem tal-impjegati mill-paga biex b'hekk ma jkunx hemm problemi meta japplikaw għall-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali tipprovdi protezzjoni għal ħaddiema meta min iħaddimhom ma jkunx għamel il-ħlasijiet dovuti tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali li jkunu nqatgħu mill-paga tal-ħaddiem. Għalhekk meta l-ħaddiema jipprovdi l-evidenza li l-kontribuzzjoni tkun tnaqqset mill-paga jew salarju, dawn il-kontribuzzjoni jitqiesu, għal finijiet ta’ benefiċċju soċjali (inkluż il-pensjoni) li jkunu tħallsu mill-impjegat u b’hekk il-ħaddiem ma jitlef xejn mid-drittijiet tiegħu għal benefiċċju soċjali. Barra minn dan, b’din l-evidenza, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, li huwa d-Dipartiment li għandu ir-responsabilità legali fil-ġbir u l-infurżar tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, jista’ jibda proċeduri legali kontra l- employer biex dak li hu dovut skond l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, jitħallas. Tajjeb inżid li l-istess liġi tipprovdi għal penaltajiet fir-rigward ta’ dan in-nuqqas.

Proġett kontra l-għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16079, jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proġett li kien tħabbar mill-ex Ministru Ninu Zammit biex jinġabar l-ilma tax-xita biex ma jintilifx u ma jkomplix jikkawża għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida, fejn kellhom jinbnew ġibjuni kbar taħt l-art?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onoervoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Qtugħ ta' dawl waqt il-Quddiesa tal-Papa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li nqata' d-dawl waqt il-Quddiesa tal-Papa fuq il-Fosos tal-Furjana nhar it-18 ta' April f'xi inħawi ta' Malta? Liema kienu l-inħawi milquta? Huwa minnu li għal ftit ħin kienet affettwata t-trasmissjoni tal-Quddiesa fuq ir-RAI?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta nqata’ d-dawl fuq il-Fosos ma ġarax ħabba l-Enemalta imma fault għax kien hemm ħsara fl-installazzjoni temporanja li kienet qed tiġi operata mill-kuntrattur imqabbad mill-Kurja. Il-qtugh tad-dawl li seħħ f’B’Kara, Lija u Balzan ġara minħabba cable fault, u ma kienx relatat ma’ dak li ġara il-Fosos.

Qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata' d-dawl matul l-2009 u sal-15 ta' April 2010? Kemm huwa stmat li ntilfu sigħat ta' xogħol u flus kull meta nqata' d-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Powerstation tal-Marsa — boilers

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-boilers tal-power station tal-Marsa li kienu jissewwew fit-Tarzna ta' Malta issa kellhom jintbagħtu l-Ingilterra għat-tiswija u dan se jiswa miljuni ta' Ewro? Jista' jgħid kemm se jiswew iż-żewġ boilers li ntbagħtu l-Ingilterra dan l-aħħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma ntbagħtu l-ebda boilers għat-tiswija ġewwa l-UK. Madankollu waħda mill-turbine rotors ġiet mibgħuta għal modifikazzjoni u biex tiġi ttestjata peress li f’Malta dan it-tip ta’ xogħol ma jsirx bil-livell meħtieġ. Ix-xogħol se jiswa €532,000.

ilmenti minħabba qtugħ tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti lill-Ministeru u/jew lill-Korporazzjoni Enemalta minħabba l-qtugħ tad-dawl matul din is-sena? Kemm huwa stmat li ntilef xogħol fil-fabbriki u negozji oħra, fosthom ħwienet?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Kumpens għal ħsarat minħabba l-qtugħ tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il famlija, organizzazzjoni, lukanda talbu kumpens minħabba xi forma ta' ħsarat li ġarrbu f'apparat, telf ta' prodotti tal-ikel jew ħwejjeġ oħra minħabba l-qtugħ tad-dawl matul din is-sena? Kemm hija s-somma globali li qed tintalab?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sezzjoni tal-Customer Care ta’ l-Enemalta rċiviet dawn in-numru ta’ lmenti fir-rigward ta’ qtugħ ta’ dawl matul is-sena 2010 sa llum 29 ta’ April 2010: Sospensjoni tad-dawl 3 talbiet ta’ kumpens Ħsara kkawżata minn vultaġġ qawwi wara qtugħ ta dawl 57 talba ta’ kumpens Telf ta’ ikel wara qtugħ ta dawl 1 talba ta’ kumpens Il-Korporazzjoni Enemalta tinvestiga kull talba li ssirilha u jekk il- claim ikun ġustifikat, imbgħad titlob l-irċevuti relevanti mingħand il-konsumatur.

Flus miġbura mill-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġabar flus il-gvern mill-VAT fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Dak li kien dovut kollu tħallas? Kemm inqabdu nies li ma tawx l-irċevuta tal-VAT? F'liema nħawi?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tal-Pensjoni — żball fil-ħlas

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif inhu possibli li uffiċjali tad-Dipartiment tal-Pensjoni joħorgu pensjoni u wara tliet xhur jindunaw li ħadu żball kbir u jitolbu lill-pensjonant iħallas lura somma ta' madwar €2000 u dan billi se jżommulu mija fil-mija tal-pensjoni sakemm tinqata’ din is-somma? Għaliex żball bħal dan għandu jbatih il-pensjonant u mhux isir ftehim li titħallas lura bin-nifs la l-iżball kien tad-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi sabiex f’każijiet fejn sar ħlas żejjed lill-pensjonant minħabba li l-iżball ma jkunx tort tal-benefiċċjarju, d-dipartiment għandu jiġbor lura l-ħlasijiet li ħarġu żejda fl-aħħar sentejn biss u r-rata tat-tnaqqis ma tistax tkun ta’ iżjed minn 5 fil-mija. L-Onor. Interpellant mhux korrett meta jgħid li t-tnaqqis sejjer ikun ta’ mija fil-mija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jinforma lill-persuna kkonċernata sabiex tmur fl-eqreb uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex titlob li t-tnaqqis isir bil-5 fil-mija.