Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sajjieda Maltin — allokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2708 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1180, jista’ l-Ministru jagħti l-ħinijiet li ħarġu l-bastimenti tas-sajjieda u xħin daħlu u kemm għamlu ħin fuq il-baħar biex inqabad dan il-ħut? F’kemm żmien u ħin inqabdet il-bycatch kollha u x’temp kien dakinhar li nqabdet? Jista’ jagħti wkoll iż-żona permezz tal-GPRS jew il-VMS, li l-bastimenti huma obbligati li jkollhom u li jkunu mixgħulin, speċifikament għas-sajd tat-tonn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħinijiet li ħareġ u daħal kull bastiment imsemmi huma kif jidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mmarkata bħala “Anness A”. Bħala ħin fuq il-baħar, is-sajjieda li ħattew it-tonn (Bluefin Tuna) bħala qabda inċidentali, ħadu bejn 4 sigħat u 33 minuta u 131 siegħa u 50 minuta. Il-bycatch setgħat tibda tiddaħħal fl-20 ta’ Mejju 2022 u nqabdet kollha sal-21 ta’ Mejju 2022. It-temp f’dawn il-ġranet kien bnazzi b’riħ forza 2 għal 3. Ta’ min jgħid ukoll li minn dawn il-bastimenti msemmija hemm wieħed li huwa obbligat bil-liġi biex jiġi trekkjat, peress li dan li il-bastiment huwa 'l fuq minn 12-il metru. Il-bqija tal-bastimenti tas-sajd imsemmija mhumiex obbligati bil-liġi li jkollhom VMS/GPRS jitrasmetti jekk m’għandhomx l-Awtorizzazzjoni tat-Tonn. Infakkar lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija hija fuq bastimenti bl-awtorizzajjoni tal-pixxispad fejn it-tonn inqabad bħala by-catch.

Żejtun – Triq Toni Zahra – riħa qawwija tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tara ma’ dawk konċernati li tinstab soluzzjoni fi Triq Toni Zahra ġewwa ż-Żejtun, speċjalment il-parti ta’ ġewwa minħabba li hemm riħa qawwija ta’ drenaġġ? Tapprezza l-Ministru li dan huwa inkonvenjent lil dawn ir-residenti u allura l-urġenza fl-azzjoni hija meħtieġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korprazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għadha kemm lestiet intervent temporanju billi għamlet xogħol preventiv fuq it-tappieri fl-inħawi sabiex tittaffa l-problema ta’ rwejjaħ. Hemm bżonn isir xogħol iktar sinifikanti sabiex ikun hemm soluzzjoni permanenti u dan billi madwar tmenin fil-mija tad-drenaġġ li jgħaddi minn din it-triq jkun ddevjat f’postijiet fejn is-sistema tiflaħ iżjed.

Is-Servizzi tal-LEAP

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettal is-servizzi kollha li qed jingħataw miċ-Ċentri LEAP u jekk dawn iċ-Ċentri għandhomx is-servizz tal-Outreach biex jintlaħqu aktar mill-qrib, persuni vulnerabbli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2019, is-servizz li kien jingħata mill-programm LEAP għadda għand l-Aġenzjia għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità (ACTS). Hekk kif gwidat mill-Politika Strateġika Nazzjonali għal tnaqqis fil-faqar u l-inklużjoni soċjali (2014-2024), l-għan ewlieni tibqa’ l-ħidma multidixxiplinarja fil-komunità favur tisħiħ tal-iżvilupp soċjali ħolistiku. L-Aġenzija għandha numru ta’ Ċentri għall-Familji fil-Komunità madwar Malta, speċifikament fil-Qawra, fil-Mosta, fl-Imsida, fil-Belt Valletta, fil-Birgu, f’Sta Luċija, f’Ħal-Qormi, f’Ħaż-Żabbar, f’Ħal-Kirkop u f’Marsaskala. Minn dawn iċ-ċentri, l-Aġenzija toffri is-servizz ta’ Community Social Work u Community Mentoring li huma mibnija fuq il-prinċipji ta’ żvilupp tal-komunità. Hemm ukoll ċentru simli fir-Rabat, Għawdex, immexxi mid-Direttorat għas-Servizzi f’Għawdex, li joffri wkoll kemm dawn is-servizzi u kemm is-servizzi l-oħra kollha tal-Fondazzjoni ġewwa l-gżira Għawdxija. Permezz ta’ din il-ħidma, il-familji u l-komunitajiet ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar mibnija fuq is-sisien ta’ żvilupp soċjali sostenibbli. Il-qofol tal-ħidma soċjali fil-komunità jintlaħaq billi jiġu ndirizzati problemi soċjali li jkunu qed itaqqlu il-ħajja ta’ tfal, familji u individwi oħra fil-komunità. Is-servizzi huma mibnija fuq filosofija iffukata fuq il-klijent fil-kuntest tal-komunità li jgħix fiha. Għaldaqstant minn kull ċentru issir ħidma favur tisħiħ tan-networks soċjali u billi jsir użu minn servizzi u riżorsi li jeżistu fil-komunità bħala mezz effettiv kif jinstabu soluzzjonijiet li jkun addatati għall-kommunitajiet rispettivi. Permezz tal-community development workers jinbnew ukoll partnerships mar-residenti u gruppi importanti għall-komunità filwaqt li jħaddnu u jixprunaw kull opportunità mibnija fuq ġustizzja soċjali, ugwaljanza u inklużjoni. Is-servizzi tal-professjonisti huma offruti bi pjan ta’ kura bi qbil bejn il-partijiet nvoluti. Dan iservi bħala pjan ċar ta’ x’inhu mistenni minn kulhadd filwaqt li jpoġġi miri speċifici ta’ fejn wieħed irid jasal hekk kif ikun indikat mill-ezerċizzju tal-assesjar. Is-servizzi tal-Aġenzija huma mibnija fuq perspettivi innovattivi u multi-dixxiplinarji. Fejn il-bżonnijiet jirrikjedu għajnuna speċjaliżżata issir riferta (referral) għas-servizz ikkonċernat. Is-Social Workers u l-Mentors jagħmlu żjarat fid-djar, jiltaqgħu ma’ professjonisti oħra relevanti għall-kaz, kif ukoll jattendu għall-case conferences skont il-bżonn. Ikun hemm drabi fejn il-klijenti jiġu akkumpanjati għal xi visti li jkunu importanti bħal sptar jew laqgħat tal-iskola. Permezz ta’ numru ta’ outposts fejn professjonisti jiltqgħu mal-membri tal-komunità, darba f’ġimgħa fl-Isla, f’Bormla, fix-Xgħajra, f’Birżebbuġa, fil-Fgura, f’Raħal Ġdid, f’Birkirkara, fil-Furjana u fir-Rabat, l-Aġenzija tagħmel Outreach ma’ persuni li tradizzjonalment ma jersqux lejn is-servizz fil-komunita’. Dawn l-outposts iservu bħala waħda mill-għodod tal-Aġenzija sabiex isir outreach ma’ min huwa vulnerabbli jew għandu diffikultajiet iżda jsibha diffiċli jersaq lejn is-servizzi formali. Dan huwa possibbli bi sħab ma’ entitajiet oħra fil-komunita’ bħal parroċċi u kunsilli lokali li mhux biss jipprovdu post għall-professjonisti iżda jgħinu persuni b’diffikultajiet jersqu lejn l-imsemmija servizzi. Outpost simili, immexxi wkoll mid-Direttorat għas-Servizzi f’Għawdex, huwa dak offrut minn Marsalforn, Għawdex. Permezz ta’ inizjattivi oħra fil-komunità, l-istaff tal-Aġenzija jieħu sehem attiv f’outreach ta’ forom differenti skont il-bżonn tal-komunita’ u tar-residenti tagħha. Dan isir permezz ta’ żjarat fid-djar ta’ persuni li ma jibbenefikawx mis-servizzi, visti f’toroq fil-komunita’ (magħruf ukoll bħala mapping) u attivitajiet fil-komunità li fihom ikunu mistiedna residenti tal-komunità, fost oħrajn. L-Aġenzija temmen ukoll fil-ħiliet u l-abilitajiet tar-residenti. Din il-perespettiva tgħin sabiex inħarsu lejn residenti mhux biss bħala persuni vulnerabbli iżda ukoll biex nidentifikaw liema ħiliet u abilitajiet, tagħhom u tal-oħrajn, jistgħu jgħinuhom biex jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom.

Kunsilli Lokali Marsaskala/Żejtun: Immaniġjar aħjar tal-indafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tingħata l-aktar għajnuna possibbli lill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala u ż-Żejtun biex jimmaniġġaw aħjar l-indafa fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern huwa dejjem kommess li jgħin lill-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom b’suċċess. Sadanittant, permezz ta’ ħidma interministerjali, għaddej proġett-pilota flimkien mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Kunsilli Lokali interessati se jkunu jistgħu jipparteċipaw.

Kunsilli Lokali — Miri

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-miri tal-Kunsilli Lokali fil-preżent sabiex itejbu s-servizzi tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt il-feedback tal-Kunsilli Lokali kollha għal din id-domanda peress li fid-domanda qed issir referenza ghall-miri tal-Kunsilli Lokali nfushom.

Anzjani — Proġetti u inizjattivi mwettqa mill-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jindika xi proġetti u inizjattivi twettqu favur l-anzjani mill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala u ż-Żejtun fis-sena 2021 u sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-Kunsill qiegħed fil-proċess li jkollu vann elettroniku sabiex ikun jista’ jintuża u jkun t’għajnuna għall-anzjani fil-qadi tagħhom. Dan is-servizz mistenni jibda s-sena d-dieħla. Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokal taż-Żejtun li matul is-sena 2021 apparti li saru diversi żjarat, ħarġiet u attivitajiet għall-anzjani, il-Kunsill nieda proġett għal servizz ta’ trasport komunitarju li għalih ġew approvati l-fondi kif ukoll saret is-sejħa tal-akkwist. Dan is-servizz mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.

Anzjani li huma vulnerabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità żżomm kuntatt regolari magħhom permezz tat-telefon minħabba li huma vulnerabbli? X’għandhom jagħmlu dawk l-anzjani li jixtiequ jirċievu dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jagħmel kuntatt mal-anzjani permezz ta’ diversi servizzi li joffri, skont il-bżonnijiet tal-persuna, u mhux permezz ta’ servizz speċifiku biss. Servizz komuni huwa s-servizz tat-Telecare fejn mill-bidu ta’ din is-sena sa Settembru tal-2022 saru 21,524 telefonata lill-anzjani. Anzjani li jixtiequ jibbenefikaw mis-servizzi tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jistgħu jċemplu 153 jew liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900. F’każ ta’anzjani Għawdxin, jistgħu jċemplu fuq 22788238 jew ifittxu aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku: www.activeageing.gov.mt . Kopja tal-link qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Anzjani jistgħu wkoll iżuru Ċentru Servizz Anzjan ġewwa l-Belt Valletta jew ir-Rabat, Għawdex, kif ukoll il-kunsilli lokali.

Marsaxlokk – Triq G. Maniscalco – Coaches tat-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jara permezz ta’ Transport Malta, x’qed jiġri ġewwa Triq G. Maniscalco ġewwa Marsaxlokk, fejn qed ikun hemm coaches tat-turisti li mid-dehra qed ikunu ta’ inkonvenjent għar-residenti li diġà lmentaw mal-Awtorità u ma ħadu l-ebda risposta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali sabiex tinstab soluzzjoni, kemm għar-Residenti kif ukoll għall-Coaches li qegħdin jipprovdi servizz lit-turistiku. Infurmat li hemm proġettati laqgħat ukoll li għalihom se tkun mistiedna l-Assoċjazzjoni tal-Coaches.

Kaptana minn pajjiżi terzi – imbarkar biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiċi għandhom il-kaptana minn pajjiżi terzi li jiġu imbarkati biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd, sabiex ikunu jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali? Kemm ingħataw permessi mill-bidu ta’ din is-sena, xahar b’xahar? Mil-liema pajjiżi ġejjin dawn il-persuni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kaptana minn pajjiżi terzi li jiġu imbarkati biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd, jiġu mitluba li jissottomettu diversi rekwiżiti. Mill-bidu ta’ din is-sena ngħataw 55 permess kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Xahar Numru ta’ permessi Jannar 29 Frar 3 Marzu 3 April 10 Mejju 6 Ġunju 2 Lulju 0 Awwissu 0 Settembru 2 Dawn il-persuni ġejjin mill-Eġittu, l-Indja u l-Indonesja.

Wied il-Għajn – proġett ġewwa r-Ramla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett li nbeda s-sena li għaddiet ġewwa r-Ramla li tagħmel parti mil-lokalità ta’ Wied il-Għajn, hux ser jitkompla fosthom li jsir l-asfaltar tal-parti li fadal?

Response (FARRUGIA, AARON)

Infrastructure Malta, bħala parti mill-impenn tagħha biex ittejjeb ukoll il-kwalità tal-infrastruttura fil-portijiet u f’żoni oħrajn mal-kosta f’Malta u Għawdex, bniet mill-ġdid it-tliet mollijiet tal-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn, wara li partijiet minnhom kienu nqerdu bit-tgħawwir tal-baħar u l-maltemp matul is-snin. Dawn il-mollijiet twal mal-50 metru ‘l wieħed tant kienu fi stat imwiegħer li kienu qed jipperikolaw saħħet l-għawwiema, d-dilettanti tas-sajd u tad-dgħajjes u persuni oħrajn li jżuru din il-bajja popolari. Wara li reġgħet bniet il-mollijiet, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid ukoll it-triq ta' din ix-xtajta, b'bankini ġodda u titjib ieħor.

Winch Rooms — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol li sar fuq il-winch rooms lokalità b’lokalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar xogħol fuq ħdax-il winch room li jinsabu ġewwa Marsaskala, Birżebbuġa, Wied iż-Żurrieq, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Kalkara, kif ukoll fuq il-ħames winch rooms f’Marsaxlokk. Dan ix-xogħol ingħata b’sejħa għall-offerti waħda, għal spiża totali ta €114,390 (VAT eskluż).

Triq tal-Barrani — Traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jara x’inhi r-raġuni li fi Triq tal-Barrani limiti taż-Żejtun u fil-Marsa, f’ċertu ħinijiet qed jerġa’ jinġabar it-traffiku wara li l-Gvern investa bil-kbir fl-underpass ta’ Santa Luċija u flyovers fil-Marsa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Awtorità tat-Trasport qed tagħmel dak kollu li tista’ sabiex fi-peak hours tikkontrolla kemm jista jkun it-traffiku biex jonqos l-inkovenjent fit-toroq. Apparti pjan ħolistiku imħejji u li permezz tiegħu numru ta’ Uffiċjali tat-traffiku qegħdin ikunu f’diversi postijiet fejn normalment jinġemgħa t-traffiku, l-Awtorità tieħu ħsieb ukoll li tipprovdi servizz ta’ Tow Trucks li jkunu qegħdin stand by fil-viċinanzi sabiex jekk ikun hemm bżonn dawn jintervjenu fl-anqas żmien possibli. Iżda jekk minkejja dawn il-mi¿uri kollha, jinqalgħu inċidenti fit-toroq fejn anke jistgħu iweġġgħu in-nies l-Awtorita’ jkollha taġixxi skond iċ-ċirkostanzi ta’ dak il-ħin. Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ se tibqa issegwi u tagħmel dak kollu li tista’ sabiex jittieħdu l-miżuri li jkun hemm bżonn biex it-traffiku jkun wieħed mexxej.

Iż-Żejtun – Triq il-President Anton Buttigieg

Question

Jista’ l-Ministru jara permezz tal-esperti konċernati, x’jista jsir aktar u aħjar fi Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun, ħalli jonqos il-periklu ta’ aktar inċidenti tat-traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport se tkun qed tiltaqa' mal Kunsill Lokali biex tinstab soluzjoni ħalli jonqos il-periklu ta’ aktar inċidenti tat-traffiku.

Iż-Żejtun/Marsaxlokk – Triq Xrobb l-Għaġin — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li jitkompla u jitlesta x-xogħol fi Triq Xrobb l-Għaġin bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk? X’inhu x-xogħol li fadal li jsir u meta se jitkompla?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li x-xogħlijiet bħalissa jinsabu għaddejjin u qed isiru mejnijiet ġodda. Ser ikun qed isir ukoll l-aħħar saff ta’ asfalt fil-jiem li ġejjin. Ix-xogħol mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Sajjieda Maltin — allokazzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1180, jista’ l-Ministru jagħti l-ħinijiet li ħarġu l-bastimenti tas-sajjieda u xħin daħlu u kemm għamlu ħin fuq il-baħar biex inqabad dan il-ħut? F’kemm żmien u ħin inqabdet il-bycatch kollha u x’temp kien dakinhar li nqabdet? Jista’ jagħti wkoll iż-żona permezz tal-GPRS jew il-VMS, li l-bastimenti huma obbligati li jkollhom u li jkunu mixgħulin, speċifikament għas-sajd tat-tonn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ċimi tal-lampuki tan-nylon

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk in-nylon taċ-ċimi tal-lampuki huwiex single-use plastic jew le? Jekk fl-affermattiv, dan jista’ jintuża jew le?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nylon li jintuża għaċ-ċimi tal-lampuki mhux normalment meqjus bħala single-use plastic u mhux projbit bil-liġi (SL549.140) li tirrifletti l-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni Ewropea.

Użu ta’ materjal tas-sajd mhux degradabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intużax jew jistax jintuża materjal għas-sajd li mhuwiex degradabbli u dan skont Direttiva tal-UE?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jindika u jispeċifika b’mod ċar għal liema Direttiva tal-UE qed jirreferi sabiex tkun tista’ tingħata risposta infurmata.

Studju kkumissjonat mill-ERA dwar ir-rizzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-istudju li ġie kkummissjonat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li sar jew qed isir mill-Università ta’ Malta dwar ir-rizzi, huwiex lest jew le? Jekk dan l-istudju tlesta, tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-konklużjonijiet tiegħu jew xi rriżulta minnu? Dan l-istudju se jkun ippubblikat jew le?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-istudju dwar ir-rizzi tlesta u b’mod ġenerali kkonkluda li in-numru tar-rizzi f’pajjiżna naqas u llum huwa wieħed baxx. Bħalissa l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi qiegħda tikkunsidra x’għandu jkun l-pass li jmiss sabiex dan in-numru ma jkomplix jonqos u kemm jista’ jkun jibda jiżdied. Fil-mument opportun tkun tista’ ssir ukoll konsultazzjoni pubblika. F’dan il-kuntest wieħed ikun jista’ wkoll jippubblika r-rapport jew il-partijiet relevanti minnu.

Kaptana minn pajjiżi terzi – imbarkar biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiċi għandhom il-kaptana minn pajjiżi terzi li jiġu imbarkati biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd, sabiex ikunu jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali? Kemm ingħataw permessi mill-bidu ta’ din is-sena, xahar b’xahar? Mil-liema pajjiżi ġejjin dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2713 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.