Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Channel — nuqqasijiet fuq vapur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta fil-Gozo Channel tlestietx jew le dwar allegazzjonijiet li għamel kaptan tal-istess kumpanija fir-rigward ta' nuqqasijiet li skont hu hemm fuq il-vapuri? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi din l-inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk l-inkjesta għadha għaddejja jista' jgħid meta huwa maħsub li din titlesta u min qed jagħmel din l-inkjesta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17324.

Xogħol ta' tindif fiż-żoni industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17625 u 17320 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif isir ix-xogħol ta’ tindif fiż-żoni industrjali? Kif jitneħħa l-materjal ta’ bini li jinstab mitluq hemm? Meta l-aħħar li sar ġbir ta’ dan it-tip ta’ skart?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tindif isir minn grupp ta’ ħaddiema jew kuntratturi mqabbdin mill-Malta Industrial Parks Ltd. li jiġbru l-materjal skont proċedura stabbilita. Il-materjal jiġi mneħħi billi jintużaw inġenji bħal gaffef u trakkijiet. Il-proċess tat-tindif isir billi jiġu mnaddfa żona industrijali waħda wara l-oħra.

Arms ltd — vouchers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17624 u jgħid x'inhi r-raġuni li l-ARMS Ltd qed iddum ma toħroġ il-vouchers għal persuni li huma intitolati għalihom u dan meta diġà rċevew il-kont tad-dawl u l-ilma? Jaħsibx li dan il-fatt se joħloq diffikultajiet lil numru ta' familji li qed jiġu mitluba jħallsu l-kont sħiħ mingħajr tnaqqis?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17907 Sitting 233 2010-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Balzan — Main Street - djar skedati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17340 u 17239 u jgħid jekk f'Main Street, Ħal Balzan hemmx djar skedati speċjalment minħabba li residenza minnhom kienet dar tal-Gran Mastru tal-Kavallieri? Jekk fin-negattiv, tista' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiskeda din ir-residenza li għandha valur storiku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq il-Kbira, Ħal Balzan tinsab fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana skont il-Gazzetta tal-Gvern Numru 16331 ippubblikata fl-20 ta’ Settembru 2006 (kif emendata fil-Pjan Lokali approvat fl-2006. Skont il-Pjan ta’ Struttura kull bini fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana hu protett skont il-policies ta’ l-istess Pjan ta’ Stuttura u dawk tal-Pjan Lokali. Il-MEPA m’għandhiex informazzjoni liema hi din id-dar li kienet residenza tal-Gran Mastru. Għalhekk, kemm-il darba xi ħadd jixtieq li jiġi skedat bini partikolari l-proċedura hi li jibgħat siteplan li permezz tagħha tiġi ndikata liema hi din il-binja kif ukoll xi ritratti u referenza fejn hemm informazzjoni ppubblikata dwar din il-binja. Il-MEPA tiskeda binja wara li tkun inġabret l-informazzjoni u din tiġi dokumentata u verifikata. Jekk minn din l-informazzjoni jiġi kkonfermat li l-binja għandha tiġi skedata, il- Heritage Planning Unit fi ħdan il-MEPA fuq talba tagħha stess jew tas-Sovratendenza tal-Kultura tressaq talba lill- Board tal-MEPA u jekk din tiġi rakkomandata mill- Board tal-MEPA tmur għall-approvazzjoni tal-Ministru nkarigat mill-ippjanar. Wara li jkun sar l-iskedar tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern u jiġu nfurmati s-sid jew sidien tal-binja. Is-sid jew sidien għandhom żmien stipulat fejn jistgħu jitolbu lill-MEPA biex tirrikonsidra l-iskedar li tkun għamlet.

Esportazzjoni ta' Patata

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17474, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jiġbor l-istatistika u l-informazzjoni ġaladarba ma tinġabarx mid-Direttorat tal-Agrikoltura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni dwar statistika tinġabar mill-uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

PBS — Radju Malta - Mono

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-istazzjoni nazzjonali ta' Radju Malta għadu jxandar mono? Vera li l-Public Broadcasting Services xtara transmitter stereo għal Radju Malta, u jekk dan huwa minnu, għaliex u meta se jibda jintuża dan it-transmitter?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa veru li l-Public Broadcasting Services xtrat transmitter ġdid biex jintuża għal Radju Malta. Bħalissa dan qed jittrasmetti fuq is-sistema mono. Fil-ġranet li ġejjin se jiġu installati microwavelinks ġodda bejn G’Mangia u l-Għargħur biex b’hekk it-trasmissjoni ta’ Radju Malta tkun tista’ titjieb u tixxandar fuq is-sistema stereo.

Skips — moniteraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-iskips li qegħdin biex jinġabar skart separat fid-diversi bliet u irħula, jaqgħux taħt is-sorveljanza tal-kunsilli lokali? Jekk le, allura kif isir moniteraġġ tagħhom biex wieħed jara li jkunu qed jintużaw kif jixraq? Kemm hemm minn dawn l-iskips? Kull kunsill lokali għandu minn dawn l-iskips fir-raħal jew belt rispettiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi dawn l-iskips tal-iskart separat jaqgħu taħt is-sorveljanza tal-Kunsilli Lokali. It-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħti dettalji dwar l-iskips (kull bring-in-site fiha 4 skips) provduti mill-WasteServ f’kull lokalità.

Età legali għax-xorb tal-alkoħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm talba mill-pulizija biex l-età legali ta’ min jista’ jixrob xorb alkaħoliku titla’ għal 18–il sena? Hemm xi diskussjonijiet għaddejjin mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma saret l-ebda talba mill-Pulizija sabiex l-età legali ta’ min jista’ jixrob xorb alkoħoliku titla’ għal 18-il sena u lanqas qed isiru diskussjonijiet f’dan ir-rigward.

Età legali tax-Xorb Alkoħoliku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk taqbilx li l-età ta’ min jista’ jikkonsma xorb alkaħoliku toghla għal 18-il sena? Tista’ tgħid jekk kellhiex talbiet minn għaqdiet jew individwi biex tikkunsidra li dan isir? Liema kienu dawn l-għaqdiet jew individwi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-2007 kienet stabbilita, għall-ewwel darba hawn Malta, l-età minima ta’ 16-il sena għall-konsum, xiri u pussess tal-alkoħol. Fl-2009 l-età minima telgħet għal 17-il sena. L-aġenzija Sedqa ilha, għal numru ta’ snin, taħdem biex l-età minima titla’ għal 18-il sena. Pubblikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni Ewropea turi li 93% tal-Maltin jaqblu li l-età minima għandha tkun ta’ 18-il sena.
Leg 11 PQ #17697 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każijiet attivi tal-avukati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma llum l-avukati li jagħtu l-għajnuna legali lill-persuni/familji foqra? Kemm-il siegħa ħadmu ma’ dawn il-persuni s-sena l-oħra? Kemm huwa l-ħlas ta’ kull siegħa li jaħdmu dawn l-avukati? Kemm għandhom każijiet attivi u li qed jaħdmu fuqhom dawn l-avukati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Għar-rigward l-ewwel domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16239. Ninsab infurmat illi x-xogħol ta’ dawn jikkonsistu billi jippatroċinaw, skont min ikun imissu, lil dawk li jkunu ġew ammessi għal benefiċċju tal-għajnuna legali mill-Avukat għall-Għajnuna Legali jew mill-Assistent tiegħu f’kawżi ta’ natura ċivili. Oltre dan, dawn jassistu lill-imputati u l-akkużati f’kawżi kriminali fil-Qrati tal-Maġistrati, skont min ikun imissu, wara li jkunu ġew maħtura għal dan il-għan mill-Maġistrat li quddiemu jkun il-każ, u meta jkun meħtieġ, fil-Qorti tal-Appell Kriminali minn deċizjonijiet tal-Qrati tal-Maġistrati. Infurmat ukoll illi l-Avukat għall-Għajnuna Legali jitħallsu b'rata fissa ta' €2,329.37 fis-sena u li jaraw lin-nies darbtejn fil-ġimgħa u jdumu fl-uffiċċju sakemm jinqeda kulħadd. Barra minn hekk jiddefendu skont il-ħtieġa akkużati quddiem il-Qorti Kriminali (ġurijiet) u quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali minn deċizjonijiet tal-Qorti Kriminali. Ma jinżammx record tas-siegħat li jaħdmu peress li dawn jaħdmu kemm ikun meħtieġ, inkluż wara l-ħin normali tax-xogħol. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-aħħar parti tad-domanda.

Infiq ta' flus għal materjal għall-Iskejjel tad-Design and Technology Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f’xiri ta’ materjal kemm għall-użu taċ-Ċentru kif ukoll għall-iskejjel mid-Design and Technology Centre tan-Naxxar mis-sena 2005 sas-sena 2010, sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll min kienu l-kuntratturi, ħwienet, ażjendi jew tip ieħor li ħadu xi xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Design and Technology Centre — tender għal xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid it-tender li dettalji tagħha qed jingħataw separatament fiex kienet tikkonsisti u min rebaħ din it-tender li kienet mogħtiija għal xogħlijiet mitluba mid-Design and Technology Centre li jinsab fin-Naxxar? Tista’ tgħid jekk ix-xogħlijiet sarux kollha u jekk le x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tender numru CT 2569/07 huwa tender tal-European Regional Development Fund (ERDF). Dan kien maqsum f’seba’ lottijiet. Lot numru 7 huwa dwar magni tad-Disinn u Teknoloġija. Lot Deskrizzjoni Intrebaħ minn 7 Magni għad-Disinn u Teknoloġija Rausi Ltd Il-kuntratt ta’ Lot numru 7 ġie ffirmat fl-4 ta’ Mejju 2010. Bħallissa bdew jitwasslu l-magni fis-seba’ skejjel sekondarji fejn hu ppjanat li jitqiegħdu dawn il-magni. Xi magni diġà waslu u oħrajn se jaslu fil-ġranet li ġejjin. Beda l-proċess ta’ tqegħid u commissioning tal-magni. Dan għandu jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Ħaddiema li sabu xogħol part-time

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li bħalissa x-xogħol prinċipali tagħhom huwa part-time? X’inhi n-natura tax-xogħol tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Persuni bl-età tal-pensjoni — xogħol full-time u part-time

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawk li għalqu l-età tal-pensjoni ta’ 61sena għadhom fid-dinja tax-xogħol? Kemm minnhom qed jaħdmu full-time u kemm part-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korparzzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, fl-aħħar ta’ Novembru 2009, in-numru ta’ persuni li għalqu l-età tal-pensjoni ta’ 61 sena u għadhom fid-dinja tax-xogħol hu ta' 6,970 persuna. 2,399 jaħdmu full time filwaqt li 4,571 jaħdmu part time.
Leg 11 PQ #17481 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kummissarju tal-Pulizija — informazzjoni mingħand il-kontrollur tad-dwana

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17023, jista’ l-Ministru jgħid x’ikun qed jistenna l-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu l-passi? Il-Kontrollur tad-Dwana huwa neċessarju li jieħu daqshekk żmien sabiex jagħti informazzjoni lill-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' nfurmajt lill-Kamra, il-Pulizija qed tistenna mingħand il-Kontrollur tad-Dwana sabiex tkun tista' tipproċedi quddiem il-Qorti skont kif previst fl-Ordinanza tad-Dwana (Kap37). Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi t-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #17482 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti Ċivili — appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm appelli pendenti minn kawzi fil-Qorti Ċivili, dawk Kriminali Superjuri u minn deċiżjonijiet tal-Maġistrati separatament? F’kull każ kemm ilu l-aktar wieħed?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Qorti tal-Appell (Sede Ċivili - Superjuri) hemm 611 appell pendenti u li wieħed minnhom ilu pendenti mill-1993 Sine Die, filwqat li fil-Qorti tal-Appell (Sede Ċivili - Inferjuri - Malta) hemm 99 appell pendenti u li wieħed minnhom ilu pendenti mill-2007. Fil-każ ta' dawk l-appelli pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Superjuri) in-numru sat-30 ta' April 2010, kien ta' 28 u l-aktar wieħed ilu reġistrat mit-22 ta' April 2008. Quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (minn deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Maġistrati) in-numru ta' appelli pendenti sat-30 ta' April 2010 kien ta' 261 u l-aktar wieħed ilu reġistrat mill-21 ta' Ottubru 2003. Infurmat ukoll li n-numru ta' deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Appelli (Inferjuri Ċivili) fil-Qorti ta' Għawdex kien ta' 10 appelli maqsumin hekk:- 2 mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), Inferjuri Ċivili 5 mill-Bord Dwar il-Kontroll tal-Kiri ta' Raba' 3 mit-Tribunal għal Talbiet Żgħar L-aktar appell li ilu pendenti huwa appell minn sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati, Inferjuri Ċivili, intavolat fl-24 ta' Settembru 2009 ( differit għas-sentenza).

Arms ltd — vouchers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ARMS Ltd qed iddum ma toħroġ il-vouchers għal persuni li huma intitolati għalihom u dan meta diġà rċevew il-kont tad-dawl u l-ilma? Jaħsibx li dan il-fatt se joħloq diffikultajiet lil numru ta' familji li qed jiġu mitluba jħallsu l-kont sħiħ mingħajr tnaqqis?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Xogħol ta' tindif fiż-żoni industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17320 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif isir ix-xogħol ta’ tindif fiż-żoni industrjali? Kif jitneħħa l-materjal ta’ bini li jinstab mitluq hemm? Meta l-aħħar li sar ġbir ta’ dan it-tip ta’ skart?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17340 Sitting 228 2010-05-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Balzan — Main Street - djar skedati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17239 u jgħid jekk f'Main Street, Ħal Balzan hemmx djar skedati speċjalment minħabba li residenza minnhom kienet dar tal-Gran Mastru tal-Kavallieri? Jekk fin-negattiv, tista' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiskeda din ir-residenza li għandha valur storiku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Esportazzjoni ta' Patata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet esportata patata din is-sena? Lejn liema pajjiżi? Għaliex il-bdiewa sal-lum għadhom ma jafux kemm se jieħdu tagħha? Għaliex ma jsirx ftehim minn qabel? Min hu responsabbli mill-esportazzjoni tal-patata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li din l-istatistika u informazzjoni ma tinġabarx mid-Direttorat tal-Agrikoltura peress illi din hi attività purament kummerċjali.