Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17624 u jgħid x'inhi r-raġuni li l-ARMS Ltd qed iddum ma toħroġ il-vouchers għal persuni li huma intitolati għalihom u dan meta diġà rċevew il-kont tad-dawl u l-ilma? Jaħsibx li dan il-fatt se joħloq diffikultajiet lil numru ta' familji li qed jiġu mitluba jħallsu l-kont sħiħ mingħajr tnaqqis?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17624.
Testijiet tal-VRT fuq karozzi tal-linja u privates
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja u privates humiex obbligati li jitilgħu għat-test tal-VRT? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid mis-sena 2008 sal-lum, sena b’sena, kemm kienu n-numru ta’ dawk li m’għaddewx mit-test? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw ċitazzjonijiet minn spetturi ta’ Transport Malta minħabba dħaħen eċċessivi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għadhiex torganizza l-korsijiet li kienet torganizza flimkien mal-Adult Training Centres għal dawk il-persuni li kienu jridu jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità? Jekk le, x’inhija r-raġuni li dawn il-korsijiet twaqqfu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-kors provdut mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) ta’ Care-Workers for Disabled Persons, ninfurmah illi tali kors se jibda fil-bidu ta’ Settembru li ġej.
Dan il-kors flimkien ma’ korsijiet oħra, kien ġie mwaqqaf peress li l-korsijiet ta’ taħriġ tal-ETC ġew integrati fil-proġett tal-European Social Fund (ESF) magħruf bħala
Employability Programme
, fejn kellu jsir eżerċizzju sħiħ ta’reklutaġġ għat-
Trainers
.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent każijiet li qed jaħdmu fuqhom l-Avukati (Għajnuna Legali)? Kemm-il sena ilhom dawn il-każijiet pendenti quddiem l-avukati? Min huma l-avukati li fil-preżent qed jagħtu għajnuna legali lill-persuni foqra? Kemm-il siegħa jaħdmu fil-ġimgħa dawn l-avukati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17697. Rigward it-tieni mistoqsija ninsab infurmat illi ma tinżammx tali statistika.
Tista’ l-Ministru tgħid minn mindu l-Adult Training Centres marru mal-Aġenzija Sapport jekk sarux audits (interni jew esterni) f’dawn iċ-Ċentri u x’kienu l-konklużjonijiet li waslu għalihom l-awdituri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-audits li saru fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilità minn meta dawn iċ-Ċentri marru mal-Agenzija SAPPORT kienu dawn li ġejjin:
·
Skills Audit
– fejn fih sar
training needs
analysis
ta’ kull impjegat. Dawn qed jiġu indirizzati billi nħoloq
training
apposta skont il-bżonn akkumulattiv tal-impjegati kif ukoll b’korsijiet oħra li jingħataw fuq bażi individwali skont il-bżonnijiet tal-individwu. Ġew identifikati ukoll talenti u kapaċitajiet f’ċertu impjegati biex b’hekk jiġu kreati programmi għall-benefiċċju tal-klijenti.
·
Audits
oħra huma:
audits
interni u informali tas-servizzi provduti miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilità. Dan wassal għar-ristrutturar tal-programmi sabiex jingħataw opportunitajiet indaqs lil kull klijent f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum. Dan ifisser illi l-programmi ristrutturati qed jiġu offruti lill-klijenti kollha f’kull Ċentru li l-Agenzija SAPPORT għandha.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex prattika li l-mobile tas-Sindku jew xi kunsillier ieħor ikun mħallas mill-fondi tal-kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riżultat tal-emendi f’Kapitlu 323 tal-Liġi ta’ Malta (Att dwar Kunsilli Lokali) ma jista’ jsir ebda pagament mill-Kunsill għall-imborż ta’ spejjeż magħmula, inkluż fosthom ħlasijiet relatati mal-użu ta’ mobile.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17812 u 17624 u jgħid x'inhi r-raġuni li l-ARMS Ltd qed iddum ma toħroġ il-vouchers għal persuni li huma intitolati għalihom u dan meta diġà rċevew il-kont tad-dawl u l-ilma? Jaħsibx li dan il-fatt se joħloq diffikultajiet lil numru ta' familji li qed jiġu mitluba jħallsu l-kont sħiħ mingħajr tnaqqis?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17624.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ARMS Ltd qed iddum ma toħroġ il-vouchers għal persuni li huma intitolati għalihom u dan meta diġà rċevew il-kont tad-dawl u l-ilma? Jaħsibx li dan il-fatt se joħloq diffikultajiet lil numru ta' familji li qed jiġu mitluba jħallsu l-kont sħiħ mingħajr tnaqqis?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li s-sitwazzjoni ġiet riżolta u l-vawċers qed jiġu proċessati.
L-ebda benefiċjarju m’hu ser jitlef il-vawċers tiegħu u l-ARMS Ltd ħadet il-passi neċessarji biex kull familja intitolata għall-vawċer, u li ma tkunx ħallset il-kont fiż-żmien stipulat minħabba dan id-dewmien, tingħata ż-żmien xieraq biex tagħmel dan il-ħlas mingħajr interessi.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur tas-sena kemm intnefaq mill-Awtorità tat-Turizmu ta' Malta fuq reklamar ta’ Malta bħala post turistiku? Kif intnefqu u f’liema pajjiżi? Kemm fadlilha budget l-Awtorità għall-kumplament tas-sena għal reklamar?
Jista’ l-Ministru jara li l-pulizija, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa, tieħu l-azzjoni li suppost tieħu biex wieħed ma jibqax jara ammont konsiderevoli ta’żgħażagħ taħt is-17-il sena jduru fit-toroq bi fliexken tax-xorb f’idejhom kif ukoll uħud minnhom anke ta’ 14-il sena jintelqu fl-art għax ikunu fis-sakra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi meta l-membri tal-Korp ikunu ffaċjati biċ-ċirkostanzi msemmija mill-Onorevoli Interpellant jieħdu l-passi kollha meħtieġa kif previst mil-Liġi.
Żgħażagħ li jiġġerrew fit-toroq fil-postijiet tad-divertiment
Question
Filwaqt li wieħed japprezza x-xogħol li twettaq il-pulizija, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal taħt l-età ta’ 17-il sena li nqabdu mill-pulizija għaliex kienu qed jiġġerrew fit-toroq fl-inħawi ta’ postijiet ta’ divertiment? Kemm-il azzjoni ħadet il-pulizija fuq dawk iż-żgħażagħ li jinstabu mitluqa fl-art għax ikunu fis-sakra? X’għajnuna jingħataw dawn iż-żgħażagħ ħalli ma jkunux f’periklu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi m'hemm l-ebda liġi li tipprojbixxi li żagħżagħ taħt l-età ta' 17-il sena milli jkunu fit-toroq fl-inħawi ta' postijiet ta' divertiment. Infurmat ukoll illi fejn ikun hemm żgħażagħ li jkunu fis-sakra, minbarra li l-pulizija tieħu l-passi skont il-ligi, tingħatalhom ukoll dik l-għajnuna meħtieġa biex ma jkunux la f'periklu huma u kif ukoll l-anqas ikunu ta' perikolu għal ħaddieħor.
Sptar Mater Dei — nies li ddaħħlu għax kienu fis-sakra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kemm iddaħħlu nies l-Isptar Mater Dei minħabba li kienu fis-sakra? Jista’ jagħti ukoll l-iżgħar u l-akbar età?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) u l-Electronic Case Summary (ECS) jirriżulta li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, fl-Isptar Mater Dei iddaħħlu 44 każ minħabba li kienu fis-sakra. Dawn jaqaw taħt il-kategorija ta’ intossikazzjoni kkawżata mill-alkoħol iżda il-persuna ma kienitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 Code F10.0). L-iżgħar eta’ kienet ta’ 14-il sena waqt li l-akbar kienet ta’ 76 sena. Din il-figura ma tinkludix pazjenti li jiġu invistati fid-Dipartiment tal-Emergenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li s-swar ta’ madwar il-Belt Valletta u forsi swar oħra ukoll qed ikunu mixgħula sa minn qabel is-7.00 p.m.u dan meta jkun għadu d-dawl tax-xemx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Tlabt lill-uffiċjali nkarigati sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati ħalli jekk hemm xi nuqqasijiet jiġu rranġati.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se titkompla Triq il-Kunsill tal-Ewropa li tiġi bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar li kienet tlestiet l-ewwel parti tagħha xi snin ilu u x-xogħol kien waqaf?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 15158.
Kummissarju tal-Pulizija — informazzjoni mingħand il-kontrollur tad-dwana
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 17481 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid ukoll kemm hemm każijiet ta’ kuntrabandu eċċ. li għad ma ttieħdux passi kontrihom minħabba dewmien min-naħa tad-Dwana biex jagħtu lill-pulizija l-informazzjoni neċessarja u dan fl-aħħar sentejn mill-1 ta’ Ġunju, 2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn dawn l-aħħar sentejn, huma biss żewġ każi li s’issa d-Dwana għadha m’għaddietx l-informazzjoni neċessarja dwarhom lill-pulizija permezz ta’ Letter to Prosecute, sabiex il-pulizija tieħu passi kontrihom.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17625 u 17320 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif isir ix-xogħol ta’ tindif fiż-żoni industrjali? Kif jitneħħa l-materjal ta’ bini li jinstab mitluq hemm? Meta l-aħħar li sar ġbir ta’ dan it-tip ta’ skart?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17811.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabret taxxa tad-dħul (income tax) fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-1 ta’ Jannar 2010 kien hemm kumpaniji/individwi li ma ħallsux it-taxxa mnaqqsa lill-impjegati tagħhom? Kemm kien l-ammont globali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena l-ammont ta’ income tax miġbura kienet €246.1 miljun. Mhux possibbli tingħata tweġiba għall-kumplament tal-mistoqsija minħabba li dik l-informazzjoni tkun disponibbli biss is-sena d-dieħla, wara l-aħħar ta’ Frar 2011.
Jista’ l-Ministru jgħid kull xahar mill-1 ta’ Jannar 2010 kemm kien hemm familji li nqatagħlhom id-dawl u l-ilma għax ma felħux iħallsu l-kontijiet? Minn liema lokalitajiet kienu? Fl-istess perjodu kemm reġgħu ngħataw id-dawl wara li jew ħallsu l-kontijiet jew sar ftehim biex iħallsu bin-nifs?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Kumpaniji li ma ħallsux kontijiet tad-dawl u l-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji li qed joperaw minn Malta u Għawdex li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl u ilma fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? Kemm huwa l-ammont globali li għandu jitħallas? Sar xi ftehim u ma' kemm-il kumpanija sar, biex dawn iħallsu bin-nifs? Hemm kumpaniji li ilhom aktar minn sena mill-1 ta’ Ġunju 2009 li għadhom ma ħallsu l-ebda kont? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx kumpaniji li jingħataw xi forma ta’ għajnuna minħabba d-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-bini ta’ fabbriki u/jew applikazzjonijiet għal fabbriki li digà joperaw u jridu jibdew joperaw minn Malta u Għawdex? Liema huma? X’jipproduċu u kemm minnhom jesportaw minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha disa' (9) applikazzjonijiet għall-bini ta' fabbriki.
Rigward liema huma l-fabbriki, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif fuq l-applikant. L-Awtorità m'għandhiex informazzjoni dwar x’jipproduċu u kemm minnhom jesportaw minn Malta.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "fabbrika/i" jew "
factory/ies
".