Jista’ l-Prim Ministru jgħid Villa Francia f’Ħal-Lija li kienet rinovata ftit tax-xhur ilu meta se tkun miftuħa għall-pubbliku? Kemm huwa stmat li żaru dan il-post mindu nfetaħ mill-ġdid? Min għandu l-kuntratt tat-tindif tal-villa? Kemm jiswa dan il-kuntratt? Saret sejħa pubblika qabel ma ngħata? Jekk iva, meta u kemm applikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li sar xogħol estensiv ta’ restawr u konservazzjoni f’Villa Francia, fit-12 ta’ Settembru 2009 din il-villa nfetħet uffiċjalment sabiex tkun tista’ tiġi wżata għall-funzjonijiet uffiċjali u attivitajiet oħra li jixirqu lil dan il-post. Il-pubbliku seta’ jżur il-Villa fl-open day li saret fit-13 ta’Settembru 2009 u l-attendenza kienet ta’ madwar 8,000 ruħ. open days oħra huma maħsuba li jsiru minn żmien għal żmien.
Meta ma jkunx hemm funzjonijiet uffiċjali, il-pubbliku, il-kunsilli lokali, u għaqdiet kulturali jistgħu jżuru Villa Francia b’appuntament.
Minn mindu nfetħet il-villa sal-lum, diversi gruppi żaru l-villa u l-ammont ta’ dawn il-viżitaturi jaqbeż l-2,400.
M' hemmx kuntratt ta’ tindif għall-villa, għaliex ix-xogħol kollu tat-tindif isir mill-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista’ l-Ministru jelenka lil dawk l-għaqdiet jew soċjetajiet u/jew lil kulmin ingħata għotja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-15 ta’Ġunju 2010? Jista’ jagħti din l-informazzjoni xahar b’xahar? Jista’ jelenka r-raġuni fil-qosor għal kull għotja li ngħatat?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel refernza għal-lista li qed nippreżenta u li tikkonsisti f’elenku ta’ dawk l-għaqdiet jew soċjetajiet u/jew lil kull min ingħata għotja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti, mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-lum. Ir-raġuni fil-qosor għal kull għotja li ngħatat qiegħda fl-ewwel kolonna tar-rapport.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata’ d-dawl f’Malta u Għawdex mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-14 ta’Ġunju, 2010? Kemm dam f’kull każ u liema lokalitajiet intlaqtu? X’kienet ir-raġuni għal kull qtugħ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kull darba li nqagħtet il-provvista tal-elettriku mill-1 ta’ Jannar ‘il hawn, kemm-il darba ntlaqtu żoni industrijali f’Malta u Għawdex? Liema kienu dawn iż-żoni milquta? Huwa kkalkulat kemm-il siegha ta’produzzjoni ntilfet? Kien hemm xi ilmenti uffiċjali minn sidien ta’ intraprizi jew unions jew għaqdiet ta’ min iħaddem?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Madankollu tajjeb li wieħedl jgħid li huwa mpossibli biex jiġi stmat kemm –il siegħa ta’ produzzjoni ntilfet peress li dan jiddependi fuq l-operazzjoni attwali tal-fabbriki affetwati u skont jekk għandhomx backup generator jew le.
M’għandna l-ebda
claim
minn żoni industrijali jew
unions
. Minn sidien ta’ intrapriżi li jħaddmu kellna 9
claims
minħabba
surge
li kkawżatilhom xi ħsara meta reġgħet lura l-provvista ta’ l-elettriku. Wara li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa irriżulta li ħamsa minn dawn il-
claims
kienu ġustifikati filwaqt li erbgħa oħra ma kinux.
Wara li nqagħtet il-provvista tal-elettriku diversi drabi matul din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk u kemm kien hemm talbiet mill-pubbliku biex jingħataw kumpens għal xi ħsara li nqalgħet fid-dar taghħom? X’tip ta’ kumpens ingħata?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi b’kollox kien hemm 72 talba għall-kumpens, wara li inqatet il-provvista ta’ l-elettriku u kien hemm surge li għamlet ħsara lil xi appliances tal-konsumaturi meta reġet ġiet lura il-provvista tad-dawl.
Minn dawn:
kien hemm 20 li l-Enemalta sabet li kienu ġustifikati u qegħdin fil-proċess li jingħataw kumpens finanzjarju;
kien hemm 44 li l-Enemalta sabet li ma kienux ġustifikati jew li l-ħsara saret minn terzi persuni u
kien hemm 8 li għadhom qed jiġu investigati.
Tajjeb li wieħed ikun jaf li kull talba li tidħol tgħaddi minn proċess li jevalwa jekk din hijiex ġustifikata jew le.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ġie deċiż li se jsir mill-Isptar Zammit Clapp issa li l-pazjenti li kien hemm ittieħdu fl-Isptar Boffa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Wara li l-pazjenti tal-Isptar Zammit Clapp ġew integrati fl-Isptar tar-Rijabilitazzjoni Karen Grech, se jsiru xogħlijiet strutturali biex l-Isptar Zammit Clapp jinbidel f’faċilità fejn jinżammu anzjani li jkollhom bżonn kura fit-tul.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-Isptar Boffa wara li jinbena l-isptar tal-cancerġewwa l-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid x’se jsir mill-Isptar San Luqa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Sa issa m'hemm ebda pjanijiet dwar l-użu fil-futur tal-Istpar Boffa u tal-Isptar San Luqa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-fuel għall-industrija kull xahar ta’ din is-sena? Kemm kien il-prezz fl-istess żmien tas-sena li għaddiet? Hemm xi fabbriki jew kumpanniji li talbu xi forma ta’kumpens għax ma setgħux ilaħħqu mall-ispejjeż tal-fuel?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-prezzijiet tal-fuel għall-industrija jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Korporazzjoni Enemalta ma rċeviet l-ebda talba għal xi forma ta’ kumpens mingħand l-ebda fabbrika jew kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar xogħol mis-sena 2000 sal-2010, sena b'sena mill-gvern ċentrali fil-promenades ta' Wied il-Għajn, Birżebbuġa u Marsaxlokk? Kemm kien jiswa dan ix-xogħol li sar separatament għal kull promenade?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk xogħlijiet li qed isiru bil-lejl fi Triq Wied il-Għajn bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn fejn qed tiġi skavata xi mina taħt l-art humiex koperti bil-premessi meħtieġa sabiex ċertu xogħol anke ta' storbju jibqa' sejjer matul il-lejl? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jaħsibx li ċertu xogħlijiet ta' storbju m'għandux isir matul il-lejl minħabba li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inhawi? Jista' jara wkoll li terrapien li għandu x'jaqsam mal-istess proġett ma jdumx wisq ma jinġabar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Testijiet tal-VRT fuq karozzi tal-linja u privates
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18104 u jgħid jekk il-karozzi tal-linja u privates humiex obbligati li jitilgħu għall-VRT? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid mis-sena 2008 sal-lum, sena b’sena, kemm kienu n-numru ta’ dawk li m’għaddewx mit-test? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw ċitazzjonijiet minn spetturi ta’ Transport Malta minħabba dħaħen eċċessivi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17320 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif isir ix-xogħol ta’ tindif fiż-żoni industrjali? Kif jitneħħa l-materjal ta’ bini li jinstab mitluq hemm? Meta l-aħħar li sar ġbir ta’ dan it-tip ta’ skart?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17811.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-esportazzjoni totali fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? Jista' jagħti l-figuri xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll il-figuri għall-istess xhur tas-sena li għaddiet? Kemm kienet l-esportazzjoni għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. L-istess informazzjoni għal Mejju 2010 se tinħareġ fit-8 ta’ Lulju 2010.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-importazzjoni totali fl-ewwel ħames xhur minn Malta? Jista’ jagħti l-figuri xahar b’xahar u jgħid x’kienu l-figuri fl-istess żmien tas-sena li għaddiet? Kemm minnha kienet mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li statistika dwar l-importazzjoni lejn Malta għax-xhur Jannar-April 2010, kif ukoll għal perjodu komparattiv tal-2009, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess informazzjoni għal Mejju 2010 se tinħareġ fit-8 ta’ Lulju 2010.
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri mill-art meta l-impjant tad-Diviżjoni tal-Gass gewwa l-Qajjenza li tinsab f’Birżebbuġa jiġi rilokat għal post ieħor skont kif ippjanat? Meta l-impjant se jiżżarma kompletament?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għaddejja bi stħarriġ biex isir l-aħjar użu minn din l-art.
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex ilma li ilu ftit tal-ġranet ħiereġ fi Triq San Piju X kantuniera ma’ Triq Kantur ġewwa ż-Żejtun u li diġà sar rapport fuqu jsiru t-tiswijiet meħtieġa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellha rapport ta’ ilma ħiereġ barra li ġie mssewwi nhar l-10 ta’ Mejju, 2010. Minn dak iż-żmien, il-Korporazzjoni ma rċeviet l-ebda lment ieħor dwar din it-triq.
Madanakollu, malli l-Korporazzjoni rċeviet din il-Mistoqsija Parlamentari, saret spezzjoni fit-triq konċernata u nstab li nqalgħet ħsara oħra. Din issewwiet minnufiħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw smart meters mill-Korporazzjoni Enemalta u fejn jinsabu dawn il-meters? Kemm kienet l-ispiża totali sabiex ġew mixtrija? Jista' jgħid ukoll jekk bdewx jinbidlu dawn il-meters?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ smart meters li inġabu Malta s’issa hu ta’:
Single phase meters: 51540
Three phase meters: 5492
Minn dawn ġew imwaħħla:
Single phase: 17630
Three phase: 1740
S’issa twaħħlu
smart meters
fil-lokalitajiet ta’ Mdina, Manikata, Ħal Kirkop, Ħal Safi, l-Isla, u partijiet minn Swieqi/Ibraġġ, Gżira, Wied il-Għajn, Rabat u Dingli.
Il-bilanċ tal-
meters
mhux imwaħħla qegħdin fl-
stores
tal-Enemalta.
L-ispiza totali biex inxtraw dawn il-
meters
laħqet €2,915,100.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16671, jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx miġbura l-informazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-informazzjoni dwar l-investiment barrani fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għal dak li qed jissejjaħ Corporate Village ġie magħżul is-sit ta' fabbrika meta nafu li l-ispazju għall-fabbriki huwa problema kemm minħabba li hemm fabbriki li hemm kwistjonijiet anke legali, kif ukoll minħabba li mhux daqshekk faċli li tinstab art għall-bini ta' fabbriki ġodda? Jista' jgħid jekk ġewx kunsidrati siti oħra li jistgħu wkoll jilħqu l-għanijiet u l-miri ta' dan il-villaġġ? Jekk iva, fejn u jekk le, għaliex ma sarx dan l-eżerċizzju?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudju fuq il-kunċett ta’ Business Spaces sar mill-Malta Enterprise fl-2008. M’huwiex minnu li f’Malta teżisti problema ta’ art għall-bini ta’ fabbriki u fil-fatt ma’ hemmx każijiet fejn fabbrika kellha tinbena u ma setgħetx tinbena minħabba spazju. Barra minn dan, kif ġie spjegat diġà, il-qasam industrijali tal-Imrieħel qed jittrassforma ruħu minnu nnifsu ġo qasam ta’ headoffices fl-industrija tas-servizzi u għaldaqstant, hija l-fehma tagħna li dan huwa l-aħjar lokal sabiex tiġi bbażata l-industrija tas-servizzi f’pajjiżna. Nistieden lill-Onorevoli Interpellant sabiex jaqra l-espressjoni ta’ interess ippublikata mill-Gvern fejn dan kollu huwa spjegat f’aktar dettal.