Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ħaddiema li qegħdin mal-Kumpannija IPSL u jinsabu assenjati mad-Dipartiment tal-Gvern jistgħux jiġu trasferiti b'mod permanenti? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għal din l-istess kumpanija?
Response (FENECH, TONIO)
Bħalma jaf l-onorevoli membru, l-Industrial Projects & Services Ltd (IPSL), twaqqfet fis-sena 2003 biex il-Gvern isalva l-impjieg ta’ dawk il-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Malta Shipbuilding Co. Ltd. u mal-Malta Drydocks Corporation. Dawn il-ħaddiema kienu ġew trasferiti mal-IPSL wkoll bis-saħħa ta’ ftehim li kien sar bejn il-Gvern u l-GWU, u liema ftehim għadu fis-seħħ. Dawn il-ħaddiema m’humiex uffiċjali pubbliċi iżda ħaddiema tal-IPSL li hija entità pubblika u għalhekk qegħdin joffru servizzi varji fis-settur governattiv, inkluż f’dipartimenti tal-Gvern u entitajiet oħra, kif u meta jinqala l-bżonn.
L-IPSL tamministra ukoll numru ieħor żgħir ta’ ħaddiema li huma uffiċjali pubbliċi u li kienu ġew dikjarati bħala
surplus
mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u Malta Air Traffic Services (MATS). Hija
policy
tal-Gvern li ħaddiema li jiġu dikjarati bħala
surplus
jiġu anke huma amministrati mill-IPSL skont il-ħtieġa. Hija
policy
wkoll tal-Gvern li jagħti l-ewwel preferenza lill-ħaddiema tiegħu meta jkun hemm postijiet vakanti f’ċertu gradi u l-IPSL regolarment tiċċirkola applikazzjonijiet fost dawn il-ħaddiema għal dawn il-postijiet tax-xogħol. Dawk il-ħaddiema li jintagħzlu wara proċess ta’ l-għażla imbagħad jieħdu impjieg fiss li jkunu applikaw għalih.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata t-triq li tiġi faċċata tal-iskola sekondarja tal-Verdala minħabba li żżomm ħafna ilma u dan b'detriment għat-tfal tal-iskola u l-karozzi li jkunu għaddejjin minn hemm, kif ukoll residenti li joħorġu mill-mina fejn hemm bosta persuni jgħixu? Issa li x-xogħol fl-iskola ilu li tlesta, meta l-gvern beħsiebu jirranġa din it-triq li qed iżżomm ħafna ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fix-xhur li għaddew saru xogħlijiet fuq il-culverts eżistenti li hemm fiż-żona tal-iskola u żdiedu il-catchpits biex ikun jista’ jinġabar aktar ilma. Ix-xogħlijiet ta’ resurfacing tat-triq mhumiex ippjanati li se jsiru din is-sena.
Studenti tal-Junior College — Smart Card u Stipendji
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta l-istudenti tal-Junior College se jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-Ismart Card għax s'issa għadha magħluqa?
Tikkonferma li l-ewwel stipendju se jinħareġ f’Dicembru, jiġifieri tliet xhur wara l-bidu tas-sena skolastika? Dan ifisser ukoll li l-istipendju se jibda jingħata kull tliet xhur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudenti kollha tat-tieni sena tal-Junior College jistgħu jagħmlu użu mill-smart card tagħhom għax is-sistema qed taħdem u l-cards tagħhom huma attivati. Il-parti l-kbira tal-istudenti tal-ewwel sena ukoll jistgħu jużaw il-card tagħhom għax hi attivita. Hemm numru żgħir ta’ studenti li għad ma nfetħitilhomx il-card tagħhom għax il-bord għadu qed jistenna konferma dwarhom mill-amministrazzjoni tal-Junior College. Dawn jistgħu jżommu l-irċevuti ta’ nfiq li jagħmlu sakemm tinfetaħ il-Card u jkollhom rifużjoni ta’ dan l-infiq.
Sa minn meta kienet introdotta s-sistema tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, fis-sena 2000, l-ewwel ħlas tal-istipendju dejjem isir fil-bidu ta’ Diċembru ta’ kull sena u f’dak ix-xahar isiru żewġ ħlasijiet. U mbagħad jibqa’ jsir ħlas kull 4 ġimgħat. Ma hemm ebda ħsieb li l-istipendji jitħallsu kull tliet xhur.
Junior College — studenti li jixtiequ jistudjaw il-Latin
Question
Tista' l-Ministru tgħid fil-każ ta' studenti li jattendu l-Junior College u jkunu interessati li jagħżlu l-Latin kemm huwa n-numru minimu sabiex jgħaqqdu klassi? Meta studenti jmorru biex japplikaw u ma jkunux jistgħu jieħdu xi suġġett partikolari, jistgħu għallinqas jingħataw ftit ċans sabiex jagħżlu suġġett ieħor u mhux jintalbu jiddeċiedu dak il-ħin stess? Fil-każ tal-Latin, jista' jkun li kien hemm studenti biżżejjed imma ma nstabx għalliem biex jgħallem din il-lingwa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’studenti biex tingħaqad klassi jkun deċiż mill-amministrazzjoni tal-Junior College. Qatt ma nfetħu klassijiet b’anqas minn sitt studenti.
Studenti li ma jistgħux jieħdu xi suġġett partikolari jingħataw għadd ta’ ġranet ċans biex jagħżlu suġġett alternattiv u ma jintalbux jiddeċiedu dak il-ħin stess.
F’Ottubru 2010 fil-Junior College applikant wieħed biss għażel il-Latin u għalhekk ma ġietx iffurmata klassi.
intrapriżi u s-self-employed li kkwalifikaw mill-40% kreditu ta’ taxxa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-intrapriżi u s-self-employed li jħaddmu sa massimu ta’ 10 persuni f’Malta u f’Għawdex b’mod separat, li kkwalifikaw mill-40% kreditu ta’ taxxa, sa massimu ta’ €25,000 li kien tħabbar fid-diskors tal-Budget 2010 ? Jista' jgħid kemm minnhom joperaw f’Malta u kemm joperaw f’Ghawdex ?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 19905.
Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża — informazzjoni dwar il-membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża, x’inhi r-rimunerazzjoni tagħhom u kemm-il laqgħa saret ta’ dan il-kunsill matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-lista tal-membri tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-membri tal-Kunsill ma jieħdux rimunerazzjoni. L-ewwel laqgħa saret fit-28 ta’ Lulju u l-laqgħa li jmiss hija ppjanata għat-3 ta’ Diċembru.
Malta Enterprise — punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf il-punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża fi ħdan il-Malta Enterprise li qed jagħti ukoll assistenza fuq il-programmi tal-Unjoni Ewropea ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Malta ilha tonora l-obbligi tagħha fir-rigward tad-direttiva dwar is-servizz ta’ punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża sa mit-28 ta’ Dicembru 2009.
Dan l-obbligu għadda fi ħdan il-Malta Enterprise wara ristrutturar intern, b’effett minn Marzu 2010. Għal servizz aħjar ġie mwaqqaf ukoll dipartiment fi ħdan l-istess Korporazzjoni nkarigat mit-twaqqif ta’ Business Support Centre li ser jaġixxi kompletament bħala punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża. Minn Marzu li għadda s’issa, il-ħaddiema f’dan id-Dipartiment bdew jiġu mħarrġa sabiex ikunu jistgħu jaqdu aħjar lill-intrapriżi.
Ġew ukoll iffirmati numru ta’ Service Level Agreements ma’ numru ta’ Dipartimenti u Aġenziji oħra tal-Gvern sabiex il-punt ta’ riferiment uniku jkun jista’ jagħti l-aqwa servizz lill-intrapriżi fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul l-aħħar disa' xhur biex tiġi żviluppata Taxpayer’s Charter?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel xhur ta’ din is-sena l-Ministeru żviluppa Taxpayer Charter Draft. Dan ġie ppreżentat bħala consultation document mal-Pre-Budget Document li l-Ministru ppreżenta f’Lulju li għadda.
Barra dan, il-Ministeru kiteb lil numru ta’ korpijiet kostitwiti li fl-opinjoni tiegħu għandhom interess dirett f’dan iċ-Charter fejn stieden ir-reazzjonijiet u l-kummenti tagħhom.
Bħalissa għadhom qegħdin jinġabru dawn ir-reazzjonijiet u kummenti. Hekk kif dawn jaslu, għandhom isiru numru ta’ laqgħat mal-partijiet interessati u finalment joħroġ iċ-Charter.
Fond Nazzjonali għall-Investiment — informazzjoni dwar il-membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Fond Nazzjonali għall-Investiment, meta inħatru, x’inhi r-rimunerazzjoni tagħhom u kemm-il darba saru laqgħat ta’ dan il-fond matul l-ewwel disa xhur tas-sena? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-fond għandux kumitati u f’każ li iva, jagħti l-istess dettalji dwarhom ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fuq it-twaqqif tan-National Investment Fund għadu għaddej, u d-dettalji se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.
kawżi u x-xejriet fil-prezzijiet — rapporti mħejjija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport tħejja mill-Ministeru tal-Finanzi matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena dwar il-kawżi u x-xejriet fil-prezzijiet tal-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-assi, u l-prodotti u s-servizzi bl-imnut, u dwar kif dawn qed jolqtu lill-konsumaturi u lill-intrapriżi? Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ippubblikati u jekk ingħatawx lill-imsieħba soċjali għad-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’Lulju ta’ din is-sena ġie ppubblikat l-Inflation Report mid-Dipartiment tal-Politika Ekonomika, fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investment. Dan ir-rapport janalizza x-xejriet fl-inflazzjoni mill-2004 u jħares b’mod dettaljat lejn żviluppi iktar riċenti matul l-aħħar kwart tal-2009 u l-ewwel kwart ta’ din is-sena. Kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit tal-2010, minbarra żviluppi fil-prezzijiet għall-konsumatur (RPI u HICP), dan r-rapport iħares ukoll lejn żviluppi fil-prezzijiet tal-assi, tal-produzzjoni, tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni. Ir-rapport jistudja ukoll l-fatturi makro-ekonomiċi li jaffettwaw l-inflazzjoni u jistudja l-iżviluppi fl-inflazzjoni domestika fil-kuntest ta’ żviluppi ekonomiċi internazzjonali.
Dan ir-rapport ġie imqassam lill-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Kopja ta’ dan ir-rapport tista’ tinġieb minn kulħadd, mingħajr ħlas, mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Korporazzjoni Enemalta — payment terms minn 30 għal 90 ġurnata
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Korporazzjoni Enemalta bidlet l-payment terms minn 30 għal 90 ġurnata minn meta tiġi preżentata l-invoice u mhux kif hemm stipulat fil-kuntratt tax-xogħol li jkun ingħata li huwa ta' 30 ġurnata? X'inhi r-raġuni għal din iż-żieda meta qed tkun ta' detriment għall-kuntratturi li qed jagħmlu xogħol għall-istess korporazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-deċiżjoni li jinbidel it-terminu ta’ kreditu għall-ħlasijiet lill-kuntratturi hija msejsa fuq il-fatt li biex isiru l-kontrolli meħtieġa u proċessar tal-kontijiet, hemm bżonn ta’ perjodu adekwat minn meta tinħareġ l-invoice. Huwa obbligu u responsabbilità tal-Korporazzjoni li taċċerta li l-ħlasijiet huma analizzati u ċertifikati korretti qabel ma' dawn isiru.
investituri barranin — attivitajiet vertikali għall-operat eżistenti tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm investituri barranin li diġà joperaw f’Malta li matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena ġibdu lejn Malta attivitajiet vertikali għall-operat eżistenti tagħhom, inklużi servizzi legali, finanzjarji, back office korporattivi, loġistika, riċerka u żvilupp tal-prodott, marketing u bejgħ, u prototyping ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-każijiet li l-Malta Enterprise hija infurmata bihom u li ser iġibu forma ta’ attivita vertikali jinkludu lil Trelleborg Sealing Solutions Malta, Stainless Steel Products Ltd, WagerLogic Malta Software Ltd, Methode Electronics Malta Ltd u Medavia.
Tajjeb iżda wieħed jiċċara li jista ikun hemm oħrajn li billi dan l-investiment jigi inkorporat mal-proġett oriġinali u għalhekk jikkwalifikaw għall-assistenza fiskali li hija awtomatika, sal-lum il-Malta Enterprise ma tkunx ġiet magħrfa bihom.
kumpaniji ġodda barranin — ċentri ta’ shared services
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji ġodda barranin li matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena stabbilixxew f’pajjiżna ċentri ta’ shared services f’oqsma bħalma huma call centres, software development, digital gaming, riżorsi umani, accounts u mmaniġġjar tal-finanzi, riċerka tas-swieq u l-ippubblikar fuq l-internet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar sall-lum il-Malta Enterprise approvat proġett ġdid, fis-settur ta’ shared services, filwaqt li bħalissa hemm 6 proġetti oħra li qed jiġu evalwati mill-istess settur imsemmi fil-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta l-investiment li sar matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena b’mod separat f'kull waħda minn dawn iż-żoni industrijali - Kordin, Ħal-Far, Bulebel, il-Mosta u x-Xewkija ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar matul l-ewwel disa xhur ta’ din is-sena fuq iż-żewġ micro-enterprise parks ġewwa l-Mellieħa u x-Xewkija ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għall-micro-enterprise park tax-Xewkija, saru pjanti ġodda tal-proġett sabiex ikun jista jakkomoda aktar inkwilini kif ukoll saru diskussjonijiet mal-MEPA fuq il-permessi meħtieġa. Rigward il-proġett l-ieħor tal-Melllieħa, dan qed jigi rievalwat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-intrapriżi żgħar u medji u s-self-employed li matul l-ewwel disa' xhur tas-sena kkwalifikaw mill-micro-credit ta’ mhux aktar minn €25,000 li kien tħabbar fid-diskors tal-Budget 2010 ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif kelli okkażjoni ngħid fil-pubbliku, l-iskema tal-Micro Credits hija proċess li jiddependi mill-Fond Ewropew għall-Investiment. Matul ix-xahar ta’ Settembru infetħet sejħa pubblika għall-espressjoni ta’ interess minn istituzjonijiet finanzjarji.
L-iskema li minnha intrapriżi żgħar u medji u
self-employed
jistgħu jibbenefikaw sa €25,000 f’
tax credit
iġġib l-isem ta’ Microinvest, u hija skema fiskali. Għaldaqstant it-talba ta’ rimborż issir darba f’sena ma għeluq is-sena fiskali u allura it-talba fir-rigward ta’ investiment li sar matul l-2010 issir fid-dikjarazzjoni tat-taxxa li tiġi sottomessa fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18318 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16671, jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx miġbura l-informazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-informazzjoni dwar l-investiment barrani fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19224.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16671, jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx miġbura l-informazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-informazzjoni dwar l-investiment barrani fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19224.
Kumpaniji li ma ħallsux kontijiet tad-dawl u l-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji li qed joperaw minn Malta u Għawdex li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl u ilma fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? Kemm huwa l-ammont globali li għandu jitħallas? Sar xi ftehim u ma' kemm-il kumpanija sar, biex dawn iħallsu bin-nifs? Hemm kumpaniji li ilhom aktar minn sena mill-1 ta’ Ġunju 2009 li għadhom ma ħallsu l-ebda kont? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx kumpaniji li jingħataw xi forma ta’ għajnuna minħabba d-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18778.