Ċentri ta’ Matul il-Jum – korsijiet ta’ tisjir lill-anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn se jiġu organizzati l-korsijiet ta’ tisjir lill-anzjani li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum matul din is-sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ma torganizzax korsijiet ta’ tisjir iżda jiġu organizzati sessjonijiet u taħditiet għall-anzjani dwar it-tisjir.
Minn żmien għal żmien jiġu organizzati sessjonijiet ta’ tisjir f’xi Ċentri tal-Anzjanità Attiva bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet. Dawn is-sessjonijiet isiru mill-impjegati taċ-Ċentri rispettivi kif ukoll minn membri li jattendu ċ-ċentru.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu allokati l-irmiġġi li jinsabu fil-Magħluq, f’Marsaxlokk, bl-ewwel preferenza tkun għas-sajjieda, kif titlob il-liġi u kif infurmat li kien hemm qbil mal-koperattivi? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm irmiġġi f'dawn l-inħawi u kif inhuma allokati fil-preżent bejn dgħajjes tas-sajjieda u dgħajjes oħra li jintużaw għal skop iehor? Qed isir sforz biex dgħajjes li mhumiex tas-sajjieda jkollhom huma wkoll post għall-irmiġġi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid il-kwoti kollha tal-ħut ta’ min huma?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwoti tal-ħut huma tal-istat Malti wara li jkunu assenjati b’mod annwali permezz ta’ regolamenti adottati mill-Unjoni Ewropea u anke minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Min-naħa tiegħu l-Gvern jiddeċiedi kif iqassamhom b’konsultazzjoni sħiħa mas-settur. Hemm uħud mill-kwoti, li huma hekk imsejħa borma waħda, u hemm uħud assenjati b’mod dirett lis-sajjieda a bażi ta’ diversi kriterji u indikaturi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3289, peress li vverifikajt il-ġurnata msemmija u jidher li dik il-ġurnata partikolari kien impossibbli li s-sajjieda joħorġu fuq il-baħar minħabba l-maltemp, jista’ l-Ministru, permezz tal-GPRS li huwa obbligatorju li jkun dejjem mixgħul, jgħid kif operaw il-bastimenti li qabdu l-bycatch fis-sena 2022?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet indikati ir-rih kien forza 2 għal 3. Għaldaqstant it-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 3289 tibqa’ fis-seħħ.
Fisheries Department – azzjoni dwar nylon mormi fil-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar nylon li qed jintuża darba għas-sajd tal-lampuki u ma jiġix irkuprat (li jirriżulta li huma mijiet ta’ tunnellati), u li qed jiġu mormija fil-baħar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, minkejja li mhux responsabbli b’mod dirett, qed iniedi skema fis-sena sabiex iħajjar lis-sajjieda jinvestu f’irkapti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Dan bil-għan li s-settur jiġi edukat u iktar konxju tar-responsabbiltajiet ambjentali li għandu kulħadd.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi tagħmel l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura dwar nylon li qed jintuża darba għas-sajd tal-lampuki u ma jiġix irkuprat (li jirriżulta li huma mijiet ta’ tunnellati), u li qed jiġu mormija fil-baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkkar lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 2709, Fil-frattemp infurmata wkoll li bħala parti mill-immaniġġjar tas-siti marittimi protetti, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, b’diskussjonijiet mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, inkludiet miżura għal titjib fir-rappurtaġġ ta’ rkaptu tas-sajd mitluf, u sabiex jerġa’ jsir stħarriġ, flimkien mas-sajjieda, dwar il-possibilità ta’ rkaptu alternattiv għas-sajd tal-lampuki. Dawn il-miżuri ser jiġu implementati fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi introdott is-Silver-T Service (Tuk Tuk) f’Marsaskala, speċjalment minħabba li f’din il-lokalità hemm aktar minn 3,085 resident anzjan?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħda taħdem biex jinġiebu l-vetturi meħtieġa li bihom se jkun qiegħed jingħata s-servizz tas-Silver T fuq livell nazzjonali. Il-pjan huwa li dawn il-vetturi jkunu hawn sa nofs din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Marsaskala fis-snin 2021 u 2022 u sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi n-numru ta' inċidenti tat-traffiku f'Marsaskala mis-sena 2021 sal-31/01/2023 qegħdin fit-tabella riprodotta hawn taħt.
Sena
Fatalitajiet
Inċidenti bil-feriti
Inċidenti sempliċi u dawk jinvolvu proprjetà tal-Gvern
Inċidenti semplici (LESA)
2021
0
21
18
67
2022
0
19
13
89
2023
0
3
0
7
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ċentri tal-Klabb 3-16 u fejn huma allokati? Kemm jattendu studenti għal dan is-servizz? X’inhija l-funzjoni tagħhom? Jista’ jgħid jekk dawn humiex bil-ħlas?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-bullying fl-iskejjel jiġi kkonsidrat bħala reat kriminali bħalma hemm fi Franza?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser nħarsu lejn il-possibilità li l-bullying fl-iskejjel jigi kkonsidrat bħala reat kriminali, wara li jsiru l-laqgħat mal-istakeholders involuti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5657, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm intefqu flus fil-gambling matul is-sena li għaddiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
It-Tielet Distrett Elettorali — tqassim ta’ tagħmir domestiku lill-familji fil-bżonn
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5656, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid kemm kien in-numru ta’ persuni/familji meqjusa bhala foqra li bbenefikaw mit-tqassim ta’ tagħmir domestiku fit-Tielet Distrett Elettorali? Lil min għandhom jikkuntattjaw dawn il-familji, biex ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, mill-2017 sal-aħħar tal-2022, tqassmu mat-tlieta u sittin tagħmir domestiku fil-lokalitajiet tat-Tielet distrett. Tajjeb nippreciża li din l-iskema tapplika għal Malta u Għawdex kollu. Dan it-tagħmir għin lill-dawn il-familji biex jaqilbu għal-apparat iktar effiċjenti.
Din hija skema imħaddma mil-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, liema każijiet ikunu rakkomandata lilha minn Social Workers u l-uffiċjali ta' l-aġenzija.
Din tapplika għal persuni li huma meqjusa vulnerabbli rrespetivament mid-distrett.
Pulizija – Ostaklu ta’ vettura waqt li jkun għaddej xogħol f’dar privata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli biex jinforza permessi li jkunu ġew imħallsin sabiex iħallu parkeġġ vojt biex isir xogħol, ngħidu aħna, f’xi dar privata f’każ li l-karozza tibqa’ ma titneħħiex? Peress li dawn il-permessi joħorġu mill-Kunsilli Lokali, fuq min jista’ jdur il-Kunsill jew inkella l-individwu konċernat biex il-karozza titneħħa jew għall-inqas iċemplu ħalli jneħħi l-karozza?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar dak li ġie mistoqsi mill-Onor. Interpellant, it-tneħħija ta’ vetturi tista' ssir minn dawk l-awtoritajiet imsemmija bir-Regolament 3 tal-Liġi Sussidjarja 65.13 kemm-il darba jkun hemm permess maħruġ u mwaħħal skont il-liġi. Infurmat li kien hemm sentenza tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva dwar dawn il-permessi.
Marsaskala, Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk — Popolazzjoni anzjana
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-aħħar statistika li għandu, kemm hu n-numru ta’ residenti anzjani minn 60 sena ‘il fuq li jgħixu fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk separatament u maqsumin skont l-etajiet tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt.
Numru ta' persuni li jgħixu fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk skont l-età
EtàLokalitàTotal
Iż-ŻejtunĦal GħaxaqMarsaskalaMarsaxlokk
60-648923238332962,344
65-697793307112402,060
70-748032996662221,990
75-795652124321391,348
80-843329923769737
85-892087014643467
90-946423529148
95+1338226
Total3,6561,3593,0851,0209,120
Sors: Informazzjoni preliminari miċ-Ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar 2021
It-Tielet Distrett — tqassim ta’ tagħmir domestiku lill-familji fil-bżonn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni/familji meqjusa bhala foqra li bbenefikaw mit-tqassim ta’ tagħmir domestiku fit-Tielet Distrett? Lil min għandhom jikkuntattjaw dawn il-familji, biex ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna ngħatat lil residenti anzjani minn 60 sena ‘il fuq li joqogħdu Marsaskala mis-sena 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-Kunsill approva li jinxtara vann sabiex ikun jistgħu jassistu lil anzjani fil-qadi tagħhom. Infurmat ukoll illi l-proċess tat-tender għadu jinsab fi stadju ta’ aġġudikazzjoni.
Ċentri ta’ Matul il-Jum: Drittijiet u l-Obbligi tal-anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jindika d-drittijiet u l-obbligi tal-anzjani li jattendu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum? Lil min għandu jikkuntattja jekk dawn id-drittijiet ma jkunux qed jiġu osservati?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-drittijiet u l-obbligi tal-anzjani li jattendu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum huma kif ġej:
Drittijiet tal-Anzjani:
· L-anzjan għandu jiġi trattat b’rispett, mill-impjegati taċ-ċentru, f’kull ċirkostanza.
· L-anzjan għandu jirċievi servizz ta’ kwalità.
· L-anzjan għandu dritt jistaqsi dwar servizzi offruti mill-anzjanità attiva u kura fil-komunità.
· L-anzjan għandu dritt iressaq ilmenti dwar is-servizz li jkun qed jingħata fiċ-ċentru.
Responsabbiltajiet tal-Anzjani:
· L-anzjan għandu juri rispett kemm lejn l-impjegati taċ-ċentru, kif ukoll lejn klijenti oħra li jattendu ċ-ċentru.
· L-anzjan huwa mħeġġeġ li jipparteċipa fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet; L-anzjan jista’ jagħżel hu liema attivitajiet jixtieq jieħu sehem fihom, fl-istess waqt għandu jirrispetta lil dawk li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet li ma jkunx interessat fihom.
· L-anzjan għandu jobdi u jimxi mar-regolamenti u l-policies taċ-ċentru.
· L-anzjan huwa responsabbli mill-affarijiet tiegħu.
F’każ li l-anzjan ikollu xi suġġeriment jew ilment jista’ jitkellem mas-supervisor taċ-ċentru fejn jattendi. Jista’ wkoll jikkuntattja liċ-Ċentru Servizz Anzjan, jew fuq it-telefown 22788900 jew billi jmur personalment fl-uffiċċju li qiegħed 3, Triq Żekka, Valletta. Jista’ wkoll iċempel bla ħlas fuq in-numru 153 jew jibgħat email fuq
aacc-services@gov.mt
.
Dawn id-dettalji huma disponibbli f’kull ċentru flimkien ma kaxxi apposta fejn l-anzjani jistgħu jiddepożitaw is-suġġerimenti u l-ilmenti tagħhom.
Marsaxlokk – Triq Xrobb l-Għaġin – ftuħ ta’ triq ġdida fir-raba’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi studji saru minn Infrastructure Malta u kif waslu għad-deċiżjoni li tinfetaħ triq ġdida qalb numru ta’ għelieqi li għadhom jinħadmu jew huma tajbin għar-raba’, fi triq Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk? Jista jgħid ukoll jekk ġewx ikkonsidrati alternattivi oħrajn u x’inhu l-iskop li jkun hemm din it-triq ġdida li għad trid tiġi ffurmata? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal dan il-proċess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fuq talba tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Infrastructure Malta qiegħda tesplora l-possibbiltà li tiġi eliminata dik il-parti minn Triq Xrobb l-Għaġin, li tgħaddi mill-fdalijiet tat-Tempju tas-Silġ, li bħala sit arkeoloġiku għandu l-għola protezzjoni possibbli (Klassi A) u ssir rotta alternattiva. Bħalissa Infrastructure Malta għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni fuq dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li fid-Djar tal-Anzjani, għall-anqas dawk li huma mmexxija mill-Gvern jew fejn il-Gvern għandu interess, isiru dispensers tal-ilma?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ilma fil-flixkun jingħata lil kull resident. Huwa importanti li l-użu tal-ilma f’ċerti każi jiġi superviżjonat. Id-dispensers tal-ilma ġewwa d-Djar tal-Anzjani mhumiex rakkomandati għaliex dawn jintlaħqu minn kulħadd, u jistgħu jkunu ta’ periklu għar-residenti li għandhom bżonn li l-ilma li jixorbu jiġi miżjud b’thickener.