Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #24620 Sitting 330 2011-03-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni l-ħabs — nuqqas ta' għarfien ta' kuntratt tal-manteniment u tal-aċċess għat-tfal

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22243, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu s-sentenzi ta’ ħabs mogħtija lil dawk il-persuni fuq akkuża ta’ nuqqas ta’ għarfien tal-kuntratt tal-manteniment u minħabba akkużi ta’ nuqqas ta’ aċċess għat-tfal?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22243 fejn fiha ngħad li kien hemm 80 persuna li ġiet mogħtija sentenza ta’ ħabs fuq akkuża ta’ nuqqas ta’ għarfien tal-kuntratt ta’ manteniment is-sentenzi mogħtija kienu imqassmin kif jidhru fit-tabella hawn taħt: 1 jumejn detenzjoni 39 ġimgħa detenzjoni 11 ġimgħatejn detenzjoni 1 tliet ġimgħat ta' detenzjoni 9 xahar detenzjoni 9 xahar priġunerija 2 xahrejn detenzjoni 2 xahrejn priġunerija 6 tlett xhur detenzjoni Rigward is-16-il persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs fuq akkuża ta’ nuqqas ta’ aċċess għat-tfal, is-sentenzi mogħtija kienu mqassmin kif jidhru fit-tabella hawn taħt: 12 ġimgħa detenzjoni 3 ġimgħatejn detenzjoni 1 xahar detenzjoni

Servizz ta' fostering

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn familji li qed joffru s-servizz ta' fostering? Kemm tingħata għajnuna kull koppja għal dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent hemm 168 foster carers . Dawn jirċievu assistenza ta’ €70 fil-ġimgħa għal kull tifel/tifla li tkun fil-kura tagħhom. Barra minn hekk, il-foster carers jirċievu assistenza oħra minn fondi allokati mill-gvern bħala assistenza lill- foster carers li jieħdu ħsieb tfal bi ‘bżonnijiet speċjali’ . Fit-2010 ġew allokati €73,000 f’dan ir-rigward. L-Aġenzija APPOĠĠ tagħti wkoll assistenza oħra finanzjarja permezz tac- Children’s Fund għall-bżonnijiet tat-tfal fil- Fostering skond kriterji stabilitta. Tfal li huma taħt Ordni tal-Ħarsien jirċievu wkoll għajnuna finanzjarja għal xi ħtiġijiet speċjali li jista’ jkollhom. Minn barra għajnuna finanzjari l- foster carers jingħataw ukoll għajnuna soċjali, permezz ta’ training u support minn ħaddiema soċjali mill-Aġenzija APPOĠĠ. Kull foster carer għandha allokat social worker f’dawn ir-rigward, filwaqt li t-tfal ukoll jiġu offruti servizz ta social worker .

għaqdiet volontarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-għaqdiet volontarji li qed jaħdmu mal-gvern biex jipprovdu servizzi maqbula? Liema huma dawn is-servizzi? Kemm huwa l-kontribut tal-gvern għal dawn l-għaqdiet separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li waslitli mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Hekk kif tasal l-informazzjoni meħtieġa mill-Kunsill Malti għall-Isport inpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll.

Eżenzjoni — siġġu tar-roti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il familja matul is-sena 2011 ibbenefikat mill-eżenzjoni għax tuża siġġu tar-roti? Kemm kien l-ammont f'valur ta' flus? Tista' tagħti l-istess informazzjoni anke għas-sena 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is-sena s'issa ġew mgħejuna 15-il persuna biex jixtru siġġijiet tar-roti. L-ammont ta' flus huwa ta' €15,287. Fis-Sena 2010, ġew mgħejjuna 99 persuna biex jixtru siġġijiet tar-roti. L-ammont ta' flus huwa ta' €86,630.50

Dipartiment tal-inland Revenue — imgħaxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw ir-rebates mid-Dipartiment tal-Inland Revenue għas-sena 2009? Kemm qed jitħallsu imgħaxijiet fuq dan il-ħlas dovut lit-taxpayers?

Response (FENECH, TONIO)

Nifhem li bil-kelma ‘rebates’ l-Onorevoli Interpellant qed jifhem ‘refunds’. Dwar meta se jitħallsu nirreferih għat-tweġiba li diġà ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24245. L-imgħax huwa ta’ 0.75% fix-xahar.

Benefiċċji għan-nisa

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'benefiċċji jagħti l-gvern lin-nisa li b'għażla jibqgħu d-dar sabiex jieħdu ħsieb it-trobbija tat-tfal u l-famlija tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema preżenti ta’ benefiċċji soċjali ma tipprovdix benefiċċju lin-nisa li jagħżlu li jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb it-trobbija tat-tfal u l-familja tagħhom.

Għajnuna lill-familji li għandhom l-anzjani magħhom

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'għajnuna jingħataw persuni li jieħdu ħsieb lil xi familjari anzjani tagħhom u li jkunu dipendenti fuqhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm żewg tipi ta’ għajnuna (mhux kontributorji) li tingħata lil min jieħu ħsieb xi familjari anzjani li jkun dipendenti fuqhom. Jekk xi membru tal-familja anzjan ikun kostrett jgħaddi ħajtu f’sodda f’jew wheelchair u jkollhom bżonn kura u attenzjoni full time , il-persuna li (ma tridx tkun miżżewġa jew għandha xi dipendenti jgħixu magħha ), qed iddur bih/biha tista tikkwalifika għall-Pensjoni tal-Wens, kemm il-darba tissodisfa it-test tal-mezzi. Persuni li jirċievu din il-pensjoni jistgħu ikunu intitolati wkoll għal kontribuzzjonijiet akkreditati fl-istess perjodu. Mill-banda l-oħra jekk il-persuna anzjana tkun fuq saqajha però jkollha bżonn l-kura u minħabba f’hekk il-persuna li tkun qed iddur biha ma tistax tidħol fid-dinja tax-xogħol, l-istess persuna tista jekk mhix miżżewwġa jew għandha xi dipendenti jgħixu magħha, tista’ tikkwalifika għall-Għajnuna Soċjali għal-Wens. Din it-tip ta’ għajnuna hija ukoll means tested .

Għajnuna supplimentari

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu l-Għajnuna Supplimentari? Tista' tgħid kemm huma rġiel u kemm huma nisa? Tista' tagħti l-informazzjoni dwar minn liema postijiet ġejjin u kemm hemm f'kull belt u raħal f'Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġġustamenti għat-test tal-mezzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sar it-test tal-mezzi wara li dan kellu jkun aġġustat? Tista' tgħid ukoll kemm kien qabel dan l-aġġustament? Meta sar l-aħħar aġġustament u dak ta' qablu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm aktar minn tip wieħed ta’ test tal-meżżi li jagħmel użu minnu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, fosthom Għajnuna Soċjali, Pensjoni tal-Età, Għajnuna għall-Mard, Children Allowance, Benefiċċju għall-Enerġija kif ukoll Għajnuna Supplimentari. Minn din is-sena kif imħabbar fid-diskors tal- Budget dawn it-testijiet tal meżżi kollha ġew miżjuda biż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

Politika Nazzjonali favur it-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet mnedija l-Politika Nazzjonali favur it-tfal? Tista' tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Grupp ta’ Ħidma qiegħed fil-fażi li jlesti l-aħħar Abbozz biex joħroġ għal Konsultazzjoni Pubblika.

Outpatients tal-Ortopedija — appuntamenti

Question

Jikkonferma l-Ministru li biex isir appuntament mal-outpatients tal-Ortopedija l-pazjent/a irid imur l-isptar stess u ma jistax isir jew jingħata appuntament minn fuq it-telefon? Jikkonferma li dan qed jiġri ukoll anke meta l-pazjent/a jkollhom imorru għar-riżultat u allura l-appuntament ikun setgħa ngħata dakinhar stess tal-ewwel viżta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li appuntamenti għall-ewwel vista jistgħu isiru billi l-pazjent: · Jmur personalment jew jibgħat lil xi qraba bit- Ticket of Referral fil- Main Reception tal-Isptar; · Jibgħat it- Ticket of Referral bil-posta lill- Main Reception tal-isptar jew lid-Dipartiment tal- Outpatients tal-Ortopedija, jew inkella bil- fax lid-Dipartiment tal- Customer Care tal-isptar fuq in-numru 25454185, jew tintbagħat scan tat- Ticket of Referral permezz ta’ e-mail fuq mdh@gov.mt · Fil-każ ta’ appuntament mal- Outpatients tal-Ortopedija, il-pazjent irid jew imur l-isptar stess jew inkella jista’ jċempel lid-Dipartiment tal- Outpatients tal-Ortopedija, jagħti ismu u n-numru tal-identita’ u l-appuntament jintbagħat lill-pazjent bil-posta. L-appuntament ma jingħatax minn fuq it-telefon għal raġunijiet ta’ data protection , peress li l-istaff ma jkunux jistgħu jivverifkaw l-identita’ ta’ min ikun qiegħed iċempel. L-appuntament għall-ewwel vista ma jistgħux jingħataw bit-telefon għax it- Ticket of Referral irid jiġi vetted mill-konsulent tal-Ortopedija qabel ma jingħata l-appuntament. Appuntament ghal routine follow-up jingħata lill-pazjent fl-istess ġurnata li jmur għall-ewwel vista. Fejn il-pazjent ikollu bżonn ta aktar investigazzjonijiet, l-appuntament għall- Outpatients jingħata wara li jkunu saru l-investigazzjonijiet mitluba mill-konsulent.
Leg 11 PQ #24058 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżamijiet għal skrivani mal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibagħtu għal dawk il-persuni li kienu għamlu l-eżami għal skrivani mal-gvern għall-ħabta ta' Frar/Marzu 2010 u kienu ukoll għaddew mill-interview? Sakemm huwa validu dan l-eżami? Kemm huwa n-numru ta' dawk li għaddew u għadhom qed jistennew biex jibagħtu għalihom għax-xogħol? Kien hemm persuni minnhom li diġà ngħataw post fejn jaħdmu? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li tweġiba għall-ewwel tliet partijiet ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari diġà ngħatat permezz tat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 19111, 19351, 21311, W184, 23037, 23049 u 22995. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-validita’ tal-eżami hija ta’ sentejn mid-data tal-publikazzjoni tar-riżultat, jiġifieri l-25 ta’ Ġunju 2010. Hemm sitta u ħamsin (56) persuna li għaddew minn dan l-eżami u fil-preżent jokkupaw xi kariga oħra fis-Servizz Publiku f’ Ministeri u Dipartimenti. Il-lista tal-Ministeri/Dipartimenti fejn jaħdmu dawn l-impjegati qed tipoġġa fuq il-Mejda taL-Kamra.

Slipway magħrufa bħala tal-hard standing

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex is-slipway magħrufa bħala tal-hard standing f'Marsaxlokk fejn hemm il-crane li jtellgħu lid-dgħajjes ma tiġix mirduma imma tibqa' bħala slipway minħabba li hemm numru ta' dgħajjes li ma jkunux jistgħu jużaw il-crane?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tas-Swieq bl-Ingrossa u Faċilitajiet tal-Flottot tas-Sajd qed jistudja numru ta’ alternattivi biex jitjieb l-aċċess u l-operat tal-Hard Standing li jinsab Marsaxlokk. Jien infurmat li sa llum għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżżjoni finali, u kull proposat għadha qed tiġi kkonsidrata.

Apparat ta' telemetrija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23858 u jgħid x'inhi r-raġuni li apparat tat-telemetrija li nxtara snin ilu u li jinsab fl-isptar mhux qed jintuża?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-apparat magħruf bħala 24 Hour Telemetry EEG System ġie stallat fin-Neuromedical Ward tal-Isptar Mater Dei f’Settembru 2009. Dan l-apparat iservi sabiex ir-riżultati li joħorġu mill-EEG Monitors ikunu jistgħu jiġu trasmessi b’mod elettroniku minn ħdejn is-sodda tal-pazjent u għalhekk jinqraw u jiġu interpretati mill-esperti b'mod effetiv ukoll jekk dawn l-esperti ma jkunux fiżikament viċin il-pazjent. S’issa dan l-apparat għadu ma jistax jintuża għall-iskop li għalih huwa ddiżinjat għaliex għad hemm diffikultajiet tekniċi sabiex jitqabbad mas-sistema tal-informatika tal-isptar. Diġa sar ħafna xogħol biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu u soluzjoni għalihom dalwaqt tiġi implimentata. Madankollu dan l-apparat ġie nstallat u qiegħed jintuża bħala magna għaliha (stand alone) fin-Neuromedical Ward.

Dipartiment tal-OPU — persuni li bbenefikaw

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23890 u jgħid kemm hija l-ispiża fid-Dipartiment tal-OPU għal saqajn artificjali mis-sena 2008 s'issa, sena b'sena? Kemm-il sieq saret u kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn? Il-gvern iżomm statistika ta' saqajn li jkunu ordnati privatament minn dawn l-istess persuni u allura li ma jieħdux saqajn provduti mill-gvern? Jista' jghid ukoll kemm huwa l-ħlas għal kull kejl li jittieħed f'dan l-istess dipartiment? Min huwa l-benefiċjarju ta' dan il-ħlas u kemm tħallas fl-istess perjodu hawn fuq imsemmi, sena b'sena? Fl-istess perjodu, sena b'sena, kemm-il żball ittieħed fil-qisien u allura kellhom jerġgħu jittieħdu l-kejl bi ħlas addizzjonali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: L-informazzjoni dwar il-mistoqsijiet Nru. 1 u 2 għadha qed tinġabar, u għaldaqstant din tingħata f’xi seduta oħra. Mistoqsija Nru. 3: Ma tinżammx statistika dwar persuni li jordnaw is-saqajn artifiċjali privatament. Mistoqsija Nru. 4: Mhuwiex possibli li jiġi kalkulat il-ħlas għal kull kejl sabiex issir sieq artifiċjali għaliex id-definizzjoni ta’ ‘kejl’ tinkludi wkoll li ssir il-forma, li pazjent jiġi msejjaħ biex jipprova is-sieq, isir l- alignment u assessment . Dawn il-proċeduri jsiru skont il-bżonnijiet ta’ kull pazjent individwali. Mistoqsija Nru. 5: Il-ħlas isir lill-kuntrattur li jirbaħ it- tender . It-tender tkopri is-sieq artifiċjali kif ukoll is-servizzi kollha relatati mal-proċess sabiex il-pazjent jiġi fornut bis-sieq artifiċjali adatta għall-bżonnijiet tiegħu. Mistoqsija Nru. 6: Minħabba bidliet fil-bżonnijiet tal-pazjent jista’ jkun il-każ li l-qisien iridu jittieħdu aktar minn darba. Dan peress li jista’ jkun hemm varjazzjoni fl- amputation stump bħala riżultat ta’ xi kundizzjoni medika tal-pazjent, żieda jew telf ta’ piż, jew bħala konsegwenza naturali tal-użu tas-sieq artifiċjali. Hemm ukoll każijiet fejn is-sieq artifiċjali jkollha bżonn tinbidel (jew kompletament jew parti minnha) f’ċirkostanzi partikolari bħal per eżempju fi tfal li jkunu għadhom qegħdin jikbru jew minħabba wear and tear bl-użu fit-tul tas-sieq artifiċjali.

Prezz tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-fuel li qed jiġi kkunsmat fil-preżent meta nxtara u b'liema prezz ġie mixtri? Jista' jagħti ukoll spjega ta' kif ġie defenit il-prezz li jinbiegħ u x'inhuma l-komponenti li huma nklużi fil-prezz?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23698.

Sptar St. Lukes — Dipartiment tal-OPU

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħsibijiet tal-gvern għad-Dipartiment tal-OPU li jinsab fl-Isptar St. Lukes u li jinsab f'post fejn mhux daqstant tajjeb għall-persuni li jkollhom diffikultà serja ta' mobilità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm pjanijiet sabiex area fl-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech tiġi refurbished biex l-Orthotics and Prosthetics Unit tiġi trasferita f’din l-area.

Dipartiment tal-OPU — persuni li bbenefikaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża fid-Dipartiment tal-OPU għal saqajn artificjali mis-sena 2008 s'issa, sena b'sena? Kemm-il sieq saret u kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn? Il-gvern iżomm statistika ta' saqajn li jkunu ordnati privatament minn dawn l-istess persuni u allura li ma jieħdux saqajn provduti mill-gvern? Jista' jghid ukoll kemm huwa l-ħlas għal kull kejl li jittieħed f'dan l-istess dipartiment? Min huwa l-benefiċjarju ta' dan il-ħlas u kemm tħallas fl-istess perjodu hawn fuq imsemmi, sena b'sena? Fl-istess perjodu, sena b'sena, kemm-il żball ittieħed fil-qisien u allura kellhom jerġgħu jittieħdu l-kejl bi ħlas addizzjonali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità — politika tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jirrigwarda l-persuni b'diżabilità li jindika x'inhi l-politika tal-gvern u li fuqha qed timxi l-istess Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità? Min huma l-membri tal-istess Kummissjoni u min jaħtarhom? Kemm hemm impjegati mal-istess Kummissjoni kemm fuq bażi full-time kif ukoll fuq bażi part-time? X'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont Artiklu 30 tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Kap 413), id-dokument imsemmi fil-mistoqsija għandu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu. Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport tas-sena 2009 u nformazzjoni oħra relatata mal-Mistoqsija.