B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11106 u 15967, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx il-costing exercise biex tiġi identifikata l-ispiża ta’ kull kors mogħti mill-Università ta’ Malta? Kemm hija l-ispiża ta’ kull student li qed jipparteċipa f’dawn il-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Università ta’ Malta kompliet twettaq il-ħidma biex tiżviluppa cost-based accounting system. Saru anke viżti barra minn Malta biex jaraw sistemi f’universitajiet barranin.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 25448 dwar ir-Rapport ta’ Inkjesta, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed jitwettqu r-rakkmandazzjonijiet dwar il-fostering speċjalment biex it-tfal li qegħdin fi djar residenzjali jingħataw servizz aktar adegwat fil-komunità?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-budget 2011 il-gvern alloka €400,000 biex jiġu ndirizzati l-bżonnijiet ta’ tfal li jeħtieġu kura barra mill-familja tagħhom. F’dan ir-rigward matul din is-sena l-Gvern qiegħed iwaqqaf il-Out of Home Care Programme li se jkun immexxi mill-Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali bl-għan li jiġu ddentifikati aktar familji li jistgħu joffru kura intensiva lit-tfal bi bżonnijiet speċjali, kif ukoll li tiġi mfassla għajnuna lid-djar residenzjali sabiex jiġu milħuqa aktar il-bżonnijiet tat-tfal. F’dan ir-rigward l-Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali għadha kif impjegat manager għal dan il-programm u qiegħda fil-proċess li timpjega diversi professjonisti oħra. Se jiġi mfassal programm ta’ taħrig speċjaliżżat, kif ukoll pakkett ta’ sapport intensiv u għajnuna finanzjarja għal dawn il-familji sabiex b’hekk ikunu jistgħu jilħqu u jieħdu ħsieb tfal li mhux qed jiġu milħuqa permezz tas-servizzi eżistenti.
Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali — Quality Service Charters
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 25966 tal-Għaxar Leġislatura, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali ifformulatx il-Quality Service Charters għall-benefiċċju tal-klijenti tagħha u biex ix-xogħol isir aktar b’mod professjonali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali isegwi l-Kodiċi ta’ Kondotta u ta’ Prattika għall-Ħaddiema fil-Qasam tas-Servizzi Soċjali u għal min Iħaddem, maħrug mid-Dipartiment għall-Istandards fil-Ħarsien Soċjali. Barra minn hekk, il-Fondazzjoni qed taħdem fuq kodiċi ta’ prattika interna li bħalissa tinstab fi stat ta’ żvilupp avvanzat.
Għall-benefiċċju tal-klijenti tagħha u biex ix-xogħol isir aktar b’mod professjonali, f’kull entratura tal-Aġenziji u l-bini fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, tpoġġew avvizi bil-Malti u bl-Ingliż tad-dmirijiet u drittijiet tal-klijenti għall-attenzjoni ta’ dawk li jagħmlu użu mis-Servizzi tal-Fondazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn childcare centres f’pajjiżna u kemm minnhom huma tal-gvern? Fejn jinsabu dawn il-childcare centres u x’ħin jiftħu u jagħlqu? Kemm iridu jħallsu l-ġenituri biex jagħmlu użu minn dan is-servizz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14245 tal-Għaxar Leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk finalment hijiex se tiġi emendata l-Mental Health Act liema liġi ilha ma tiġi emendata mill-1976?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-abbozz tal-liġi ġdida dwar is-saħħa mentali huwa finalizzat. Huwa maħsub li dan l-abbozz jiġi ppreżentata lill-Parlament aktar tard din is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura addottata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex jiġi riċiklat dak li jissejjaħ Fluorinated Greenhouse Gases?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi filwaqt li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tħajjar ir-riċiklaġġ ta' dawn il-gassijiet, dan mhux mitlub bil-liġi. F’każ fejn operatur ikollu bżonn ibattal il-gass minn xi sistema ta' tkessieh (refrigeration system) sabiex jerġa' jużah, l-awtorità titlob li l-gass għandu jinħażen fċkontenituri apposta, skont kif inhu meħtieġ biċ-ċertifikat maħruġ minn min ikun imanifattura l-istess gassijiet. F'każ li l-gass jiġi biex jintrema, l-Awtorita' tinforma l-operaturi li mhux permess il-ħruġ ta' gass fl-arja. Għaldaqstant l-operatur huwa mitlub li jiġbor il-gass f'kontenituri li jistgħu jergħu jintużaw (refillable containers) u jieħdu f'sit bil-permess li jaċċetta dan il-gass.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bring-in sites jagħtux irċevuta ta' dak li jiġi mormi fihom, speċjalment lil-kumpanniji kummerċjali? Jista' jgħid ukoll x'jiġri mill-materjal mormi fis-sites?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bring-in Sites jikkonsistu f’numru ta’ kontenituri mxerrda ma’ ħafna lokalitajiet pubbliki biex fihom jintrema skart separat. Minn dawn il-Bring In Sites ma tingħata l-ebda riċevuta. Il-materjal, li huwa riciklabbli, jiġi magħżul bl-idejn biex titneħħa kwalunkwe kontaminazzjoni u jintbagħat għar-riċiklaġġ.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26720 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li f'din is-sena kuntrarju għal dak li ġara s-sena li għaddiet, il-placement tal-istudenti tal-ICT ma kienx miftuħ għall-istudenti kollha, imma kien miftuħ biss għal dawk li għandhom livell għoli ta' edukazzjoni f'dan is-suġġett taħt l-iskema tal-iStudent Placement Programme tal-Malta Information and Technology Agency?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li permezz tal-iStudent Placement Programme l-MITA tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex studenti full-time fl-Informatika jsibu xogħol mal- industrija għall-perjodu tas-Sajf. Fl-2010 nstab xogħol ġo 50 entita’ għal 158 student minn 569 applikazzjoni.
Id- domanda mill- industrija hija għal studenti li jattendu korsijiet post sekondarji. Fil-fatt fl- 2010 ma kienx hemm domanda għal studenti li qegħdin jattendu korsijiet li huma ta’ livell anqas min MQF 4. Korsijiet ta MQF level 4 huma ta’ livell post-sekondarju bħalma huma
A levels
jew Diploma Nazzjonali.
Għalhekk din is sena, l-formola ta’ applikazzjoni tistipula korsijiet ta’ MQF livell 4 sa 6. Dan sabiex ma nisgwidwax studenti li jispiċċaw ma jintgħażlux għax ma jkunx hemm domanda mil-Industrija fil-level tagħhom.
Mhux eskluż li jekk ikun hemm domanda għal dawn l- istudenti, l-MITA testendi l- iskema skond il-ħtiega.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26753 u jgħid jekk huwiex inkwetat jew imħasseb bin-numru ta' files li jintilfu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jgħid ukoll jekk issirx xi tip ta' investigazzjoni interna meta file jintilef? Tinżamm xi tip ta' statistika meta file jiġi dikjarat li ntilef?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-files mill-2007 sa issa huma kollha diġitali u huma kollha aċċessibbli minn fuq computer. Is-sistema tal-filing ta’ qabel l-2007 hija totalment manwali u qed isiru sforzi biex is-sistema tal-immaniġġjar tal-files kif ukoll dik tal-arkivjar tkun waħda aktar robusta u waħda mill-proposti tista' tkun 'bar codes' fuq kull file, biex b'hekk ikun hemm audit trail ta’ fejn jinsab il-file. Proposta oħra hija li l-files ta’ qabel l-2007 jiġu scanned. Dan is-sajf ser isir eżerċizzju biex isir audit fuq il-files kollha u tiġi stabbilita l-aħjar proposta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex inkwetat jew imħasseb bin-numru ta' files li jintilfu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jgħid ukoll jekk issirx xi tip ta' investigazzjoni interna meta file jintilef? Tinżamm xi tip ta' statistika meta file jiġi dikjarat li ntilef?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija ħaditx passi dwar allegazzjonijiet li saru mid-deput li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta kien qed jitkellem fuq l-abbozz ta' liġi dwar il-logħob fejn allega ċerti affarijiet fuq presidenti ta' clubs tal-football? Sar xi tip ta' rapport lill-Pulizija? Jekk fl-affermattiv minn min sar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija se teżamina l-kontenut tad-diskors imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
kwestjoni dwar Energy Performance of Building Regulations
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li skont l-Energy Performance of Building Regulations tas-sena 2008 bini pubbliku ta' natura kummerċjali, b'mod speċjali banek kummerċjali u uffiċini tal-posta li għandhom floor area t'aktar minn 100 metru kwadru, għadu ma jistax jiġi assessjat skont l-istess avviż legali minħabba li għad m'hawnx is-software meħtieġ u lanqas saret sejħa għal assessuri ħalli jingħataw it-taħriġ meħtieġ u wara ċertifikat li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 3728 u 14791, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, infakkru li sabiex jiġu implimentati dawn ir-regolamenti dwar assessjar ta’ binijiet pubbliċi ta' natura kummerċjali kien meħtieġ li jinbena software dedikat u kumpless u li qabel il-finalizazzjoni tiegħu ma jistax isir xogħol ta’ assessjar fuq dan it-tipi ta’ binjiet. Huwa ppjanat li dan jkun lest matul dan is-sajf u kif diġà sar qabel, it-taħriġ fuq is-sistema jingħata immedjatament biex malajr kemm jista’ jkun sabiex tkun attwata l-aħħar fażi u l-iktar parti komplessa tat-twettiq tal-Energy Performance of Building Regulations.
Tista’ l-Ministru tgħid kif familja tista’ tagħmel użu mis-servizzi Proġett Ulied Darna u Programm Homestart? Fiex jikkonsistu eżatt dawn is-servizzi fil-komunità? Kemm hemm bħalissa familji li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi u minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Programm Ulied Darna huwa servizz fejn voluntiera mħarrġa joffru l-ħin, il-ħiliet, il-ħbiberija professjonali tagħhom, kif ukoll appoġġ materjali (fil-każ tal-Proġett Tereża), tagħrif u għajnuna prattika sabiex jiffaċilitaw il-ħajja ta’ familji li jkunu qegħdin jgħixu taħt stress fi djarhom stess. Il-familji jistgħu jiffaċċjaw ħafna sitwazzjonijiet li jkunu ta’ theddida għall-istabbiltà tal-familja, u li jżidu r-riskju li l-ulied jitneħħew mid-dar minħabba dawn il-problemi serji.
Il-Programm Ulied Darna għandu l-għan li jappoġġja lill-familji permezz tal-ħidma tal-voluntiera. Il-voluntiera jiġu mħarrġa, u ssorveljati minn ħaddiema professjonali u l-appoġġ tagħhom lill-familji jtaffi l-istress, isaħħaħ ir-rabtiet familjari u jippromwovi t-tgawdija tal-ħajja familjari kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-ulied.
L-għan ewlieni tal-Programm Ulied Darna huwa li jibni fuq il-ġenitur bħala l-aġent ta’ sostenn fil-ħajja tat-tfal, tant li d-dar titqies bħala l-isfond tas-sostenn, bil-għajnuna tal-voluntiera li joffru s-servizz tagħhom f’diversi programmi ta’ appoġġ li jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tal-familji.
Programm Ulied Darna jipprovdi għajnuna lill-ġenituri li jkollhom bżonn appoġġ permezz ta’ ħiliet fit-trobbija tat-tfal, ħiliet fit-tqassim u l-użu tal-flus, ħiliet ta’ kif wieħed iżomm l-ambjent tad-dar nadif u bla perikli, kif ukoll appoġġ emozzjonali.
Permezz ta’ dan il-programm, il-ġenituri jew il-persuni ewlenin li jieħdu ħsieb lit-tfal jiġu mħeġġa jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fit-trobbija tat-tfal bl-eżempju tajjeb u billi jaħdmu flimkien ma’ ġenituri oħrajn.
Is-servizz jipprovdi appoġġ prattiku sabiex il-familji jiġu mgħejuna jissodisfaw il-ħtiġijiet fiżiċi, emozzjonali, soċjali u edukattivi tat-tfal tagħhom, filwaqt li jipprovdi wkoll klima partikolari għal diskussjoni dwar kwistjonijiet ta’ trobbija tat-tfal, bħal-logħob, il-ġestjoni tal-imġiba u r-relazzjonijiet mat-tfal, bil-għan li l-ħajja tat-tfal fi ħdan il-familji tagħhom titjieb.
Is-servizz jgħin ukoll lill-ġenituri jiksbu l-kunfidenza fihom infushom sabiex jagħmlu użu minn riżorsi oħrajn fi ħdan il-komunità, li jistgħu jagħtuhom l-inkoraġġiment u l-appoġġ li jeħtieġu sabiex irabbu lill-uliedhom.
Il-programm jipprovdi wkoll għajnuna prattika lill-ġenituri, bħal servizz ta’ indukrar tat-tfal (
child minding
), u kif ukoll persuni li jakkumpanjaw lill-ġenituri għal appuntamenti mediċi.
Il-voluntiera li jaħdmu fi ħdan il-Proġett Tereża li huwa parti mill-programm ulied darna jirċievu donazzjonijiet bħal għamara, u affarijiet domestiċi, mingħand il-pubbliku ġenerali, li imbagħad jgħadduhom lill-familji b’diffikultajiet finanzjarji sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u jghinuhom jgħixu ħajja aħjar.
Fil-prezent hemm 31 familja li qed igawdu minn servizz ta’ voluntiera fi ħdan Programm Ulied Darna. Bħala lokalitajiet hemm diversi : Qawra, Kirkop, Marsa, Mosta, Valletta, Ħamrun, Żebbuġ, Żabbar, Bormla, Isla, Qormi, Rabat, Pembroke, Siġġiewi, Birkirkara, Tarxien, Balzan u Santa Venera. Dawn il-familji ma jinkludux dawk il-familji li jibbenefikaw mill-għajnuna mogħtija minn Proġett Tereża.
Il-programm
Homestart
gie mwaqqaf 5 snin ilu. Is-servizz beda bl-għajnuna finanzjarja tal-
HSBC
Malta Foundation
u l-
Vodafone Malta Foundation
, u bil-ħidma tal-Appoġġ. Peress li l-Appoġġ diġa’ kellha servizzi fil-komunita’ tal-Kottonera, il-
Homestart
ukoll beda hemm, pero’ maż-żmien, infirex mal-inħawi tal-Kottonera, bħal, per eżempju, Ħaż-Żabbar, il-Fgura u ż-Żejtun.
Dan is-servizz jingħata lill-familji li għandhom mill-inqas tifel jew tifla taħt il-5 snin. Familji bi tfal zgħar jistgħu jgħaddu minn ħafna diffikultajiet – jew minħabba raġunijiet ta’saħħa, jew għax iħossuhom waħedhom, jew għax għandhom problemi finanzjarji jew ma jistgħux ilaħħqu ma’ ħafna tfal żgħar. Fil-fatt, hemm diversi raġunijiet għalfejn ġenituri jistgħu jħossuhom għajjenin u f’diffikulta’ biex irabbu lill-uliedhom. U għalhekk jeżisti s-servizz ta’
Homestart
li jingħhata minn voluntiera li huma stess ġenituri jew li għandhom esperjenza ta’ trobbija tat-tfal. Il-voluntiera jirċievu taħriġ u preparazzjoni,mingħand persuna professjonista. Il-voluntiera jagħtu sapport emozzjonali u prattiku lil dawn il-familji fid-dar tagħhom stess. Il-voluntiera wkoll jirċievu sapport u gwida fil-ħidma tagħhom mill-istess persuna professjonali (
Homestart organiser
).
Kull familja li taħseb li għandha bżonn dan is-servizz tista’ tikkuntattja lill-uffiċċju ta’
Homestart
ġewwa Bormla. L-
organiser
tara l-bżonnijiet tal-familja u tara liema voluntier jew voluntiera jkun l-iktar addattat biex jaħdem ma’ dik il-familja.
Bħalissa hemm 11-il familja li qed jirċievi s-servizz għalkemm hemm grupp ġdid ta’ voluntiera li lesti jieħdu iktar familji (hemm 15-il familja li qed jistenna l-jingħataw voluntiera). Fil-preżent, is-servizz qed jingħata f’Ħaż Żabbar (3) , Bormla (4), Kalkara (1), Fgura (2) u Ħaż-Żebbuġ (1).
Tista’ l-Ministru tagħti aktar dettalji dwar is-servizz ta’ għajnuna fil-homework mogħti mill-Aġenzija Appoġġ għat-tfal li ġejjin minn familji żvantaġġjati? Liema huma dawk l-14-il lokalità fejn qed jingħata dan is-servizz? Kif jistgħu japplikaw il-ġenituri biex uliedhom jagħmlu użu minn dan is-servizz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li f'din is-sena kuntrarju għal dak li ġara s-sena li għaddiet, il-placement tal-istudenti tal-ICT ma kienx miftuħ għall-istudenti kollha, imma kien miftuħ biss għal dawk li għandhom livell għoli ta' edukazzjoni f'dan is-suġġett taħt l-iskema tal-iStudent Placement Programme tal-Malta Information and Technology Agency?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22274, tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jiswa kull kors li torganizza l-MCAST u mhux kemm qed jiswew lill-istudenti li jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-MCAST jikkalkula l-prezz tal-korsijiet tiegħu bħala ammont globali għal kull istitut u mhux għal kull kors individwali.
Prezz medju tal-korsjiet għal kull istitut huwa dan:
Agribusiness Institute €3,937
Institute of Art & Design €2,780
Institute of Building & Construction Engineering €4,747
Institute of Business & Commerce Institute €2,999
Institute of Community Services €2,438
Institute of Electrical & Electronics Engineering €3,020
Institute of Information & Communication Technology €2,376
Maritime Institute €8,614
Institute of Mechanical Engineering €2,771
Gozo Centre €3,616
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24495, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom il-ħabs il-168 persuna li qegħdin taħt arrest preventiv? X’każijiet allegatament wettqu dawn il-persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24495, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport magħmul minn Bord ta’ Inkjesta mmexxi minn Dr. Andrew Azzopardi dwar is-sitwazzjoni prekarja tat-tfal delinkwenti f’pajjiżna? Twettqu xi rakkmandazzjonijiet imniżżla f’dan ir-rapport? Jekk iva, liema huma dawn ir-rakkmandazzjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.