Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fil-kwistjoni tas-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni preżenti fejn huwa evidenti li s-servizz fejn għandu x'jaqsam mal-iskeda u minn fejn jirkbu dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku mar lura u mhux 'il quddiem? Jista' jgħid b'mod partikolari x'qed isir sabiex is-servizz li jingħata lir-residenti taż-Zejtun, ta' Wied il-Għajn u Fgura jitranġa ħalli dawn ir-residenti jkunu moqdija fl-iskeda li fil-preżent mhux qed tagħti servizz tajjeb?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta tinsab fi djalogu kontinwu mal-operatur tat-trasport pubbliku biex in-nuqqasijiet li jeżistu fis-servizz ikunu riżolti kemm jista’ jkun malajr. Irrid infakkar iżda illi minkejja li għad hemm nuqqasijiet fis-servizz, speċjalment dawk relatati ma' puntwalita' u regolarita', s-servizz il-ġdid diġa' wera kemm hu aħjar mill-qadim f’dawn l-oqsma: 1. karozzi illi ma jimlewkx bl-exhaust; 2. l-aħħar karrozzi eco-friendly possibli; 3. tnaqqis fit-tniggis tal-arja; 4. karozzi kollha aċċessibli għal persuni b’diżabilita’; 5. karozzi bl-arja kundizzjonata; 6. karozzi nodfa u komdi; 7. sewwieqa liebsin pulit 8. sewwieqa li jitkellmu b’kortesija mal-passiġġieri; 9. ticketing machines fil-vened;
Leg 11 PQ #22071 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 25

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21292 u 20887 li oriġinarjament saru lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġew riferuti lilu u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 25 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-Malta Council for Science and Technology tamministra r-Research and Innovation Fund li għandu l-iskop li jiffinanzja applikazzjonijiet li jsiru minn partijiet wara sejħa pubblika dwar proġetti għal Riċerka u Innovazzjoni.
Leg 11 PQ #22072 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 24

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21291 u 20886 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġew riferuti lilu u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 24 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru.22071
Leg 11 PQ #25483 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fgura — Triq il-Merħba - xogħlijiet

Question

Wara li saru numru ta' mistoqsijiet parlamentari li s'issa ma wasslu għal imkien, jista' l-Prim Ministru jgħid meta se ssir il-parti ta' Triq il-Merħba, Fgura li tinsab fi stat diżastruz għall-aħħar u dan b'detrimenti għall-proprjetà privata u aktar minn hekk qed tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa tar-residenti, l-aktar it-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija hija nkluża fil-programm ta’ toroq residenzjali li jridu jsiru. Dan ix-xogħol huwa ppjanat li jsir wara Ġunju 2011.

Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal tal-Aġenzija Appoġġ — Support Line

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet ta' abbużi fuq it-tfal li ġew riferuti mis-Support Line 179 lis-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal tal-Aġenzija Appoġġ? Kemm saru surprise home visits mill-ħaddiema soċjali sabiex jivverifikaw dawn l-allegati abbużi? X'azzjonijiet konkreti ttieħdu biex jieqfu dawn l-abbużi? Kemm kien hemm każijiet li ġew riferuti lill-pulizija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F'dawn l-aħħar sitt xhur ġew irrapurtati 78 każ ta' abbuż fuq it-tfal minn fuq il-linja ta' Supportline 179, dawn il-każijiet kollha ġew referuti lis-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal. Is-Servizz għall-Ħarsien tat-tfal jirċievi rapporti fuq abbuż tat-tfal minn ħafna entitajiet oħra u saru 1019 home visit f’dawn l-aħħar sitt xhur. In-natura tal-home visits tiddependi fuq jekk l-abbuż ikunx qed isir fid-dar jew barra mid-dar. Il-frekwenza tal-home visits tiġi stabbilita’ skond is-severita’ ta’ kull sitwazzjoni individwali. Azzjonijiet konkreti li jittieħdu biex dan l-abbuż jieqaf jiddependu fuq is-severita’ tal-abbuż li tiġi stabbilita fl-investigazzjonijiet. Is-social workers joffru s-sapport tagħhom lil dawk il-familji fejn il-ġenituri jikkoperaw u jipproteġu lit-tfal tagħhom, iżda matul dawn l-aħħar sitt xhur 19-il minur ġew protetti b’care order u tneħħew minn sitwazzjonijiet abbużivi jew li setgħu jwasslu biex il-minuri jkunu f’periklu. 30 każ ta’ minorenni ġew irreferuti lill-pulizija f’dawn l-aħħar sitt xhur.

Servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — drittijiet u dmirijiet ta' klijenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27043, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma d-dmirijiet u drittijiet tal-klijenti li jagħmlu użu mis-Servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumpanija Arriva — servizz dirett lejn l-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fis-servizz, suppost aħjar, tal-kumpanija Arriva tat-trasport pubbliku fin-naħa t'isfel ta' Malta, id-diretti lejn l-isptar Mater Dei tneħħew kollha jew kważi? B'mod speċifiku jista' jgħid għalfejn id-diretta li titlaq miż-Żejtun għall-Isptar Mater Dei tneħħiet u issa se jkun meħtieġ li persuna tirkeb aktar minn żewġ karozzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku illum l-ġurnata taħdem b’mod differenti minn kif kienet qabel. Ġiet introdotta sistema diċentralizzata ta’ rotot li qabel kienu kollha ċentrati fil-Belt Valletta. Din is-sistema l-ġdida tinvolvi madwar għoxrin interchange madwar Malta. Dan ifisser li ċerti servizzi diretti m’għadhomx joperaw direttament, imma jirrikjedu interchange. Minn naħa l-oħra, ċerti rotot oħra m’għadx għandhom bżonn interchange fil-Belt Valletta peress li qed jiġu moqdija b’għażla ta’ interchanges oħra. Għaldaqstant, ir-residenti kollha tan-naħa t’isfel ta’ Malta jridu jaqbdu ix-xarabank li teħodhom Raħal Ġdid u minn hemm jaqbdu karozza diretta lejn l-isptar Mater Dei bir-rotta numru X2 u li titlaq minn Raħal Ġdid kull nofs siegħa.

dental surgery assistants — skali taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiddaħħlu fl-iskali taċ-Ċivil l-impjegati li qed jaħdmu bħala dental surgery assistants?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru tas-Saħħa.

dental surgery assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern għall-persuni li qed jaħdmu bħala dental surgery assistants fl-Isptar Mater Dei? Hemm il-ħsieb li dawn ikollhom struttura bħal ta' professjonijiet u xogħlijiet oħra? Huwa maħsub li jiddaħħlu aktar persuni li jaħdmu bħala dental surgery assistants? Wara li jiskadi l-kuntratt preżenti ta' dawn il-persuni, hemm il-ħsieb li jiġġedded il-kuntratt jew li jiddaħħlu tal-post?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa hemm 16-il persuna li qegħdin jokkupaw pożizzjoni ta’ Dental Surgery Assistants bil-kuntratt għal tlett snin. Hemm grupp ieħor li għamlu l- interviews fil-15 ta’ Ġunju 2011 u qed jistennew li jiġi pubblikat ir-riżultat. Saru ħafna diskussjonijiet fuq ir-rwol tad-D ental Surgery Assistants fid-Diviżjoni tas-Saħħa u ġie mfassal pjan biex is-servizz ta’ dawn id-D ental Surgery Assistants ikun mifirux mad-diversi sptarijiet u entitajiet fi ħdan il-Ministeru. Id-Diviżjoni tas-Saħħa tista’ iġġedded il-kuntratti ta’ dawn id- Dental Surgery Assistants skont il-bżonn li jkun hemm għal dan is-servizz.

sajjieda li jridu jimlew il-log book peress li ma jafux jikbtu

Question

Jista' l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni oħra għall-ftit sajjieda li għandhom problema biex jimlew il-log book tagħhom meta jidħlu mis-sajd bil-konsegwenza li kull meta jinqabdu jispiċċaw jeħlu l-multi u jittellgħu l-Qorti primarjament minħabba li la huma u lanqas dawk li jkunu magħhom għas-sajd ma jkunu jafu jiktbu? Jista' jiġi kkunsidrat li dan ix-xogħol isir fil-Pixkerija ħalli r-records jinżammu hekk kif inhu xieraq, imma ma jkunx ta' dannu għal dawn il-ftit sajjieda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d- Direttorat ghall- Kontroll tas-Sajd qiegħed jaghti l-assistenza kollha mehtiega lis-sajjieda f’ kull qasam tas-sajd. L-obbligu li jintela’ il-Log Book joħroġ mir-Regolament tal-Kunsill Ewropew (KE 1224/2009) u tapplika għas-sajjieda kollha. Dan ir-regolament huwa maħsub biex ikun evitat kull sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-iStrateġija tal-Kommunità għall-Iżvilupp Sostenibbli fir-rigward tar-riżorsi u ħażna tal-ispeċi tal-ħut. Ninsab infurmat biex tkun iffaċilitat dan l-obbligu, l-informazzjoni meħtieġa tintela’ fuq formularju definit primarjament permezz ta’ immarkar u mili f’kaxxi stabbiliti. Ingħata t-taħriġ kollu meħtieġ u tqasmu ukoll fuljettti ta linji gwida (templates). Barraminhekk, l-Uffiċjali tas-Sajd qegħdin il-ħin kollu għad-disponibilità tas-sajjieda sabiex jagħtuhom l-assitenza kollha meħtieġa. Din il-ligi tobliga s-sajjieda biex jimlew il-logbook kull jum f’nofs il-lejl u qabel ma jidhlu fil port.

dental surgery assistants — skala u drittijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi skala jinsabu fiha u xi drittijiet għandhom id-dental surgery assistants li qed jagħmlu dan ix-xogħol fl-Isptar Mater Dei preżentament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dental Surgery Assistants jinsabu fi skala tlettax (13). Dawn l-impjegati għandhom id-drittijiet kollha li għandu kull impjegat fiċ-ċivil u tad-dipartiment ta’ fejn jaħdmu. Dawn għandhom ukoll l-obbligi hekk kif stipulati fil-Job Description tagħhom.
Leg 11 PQ #27475 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — Żoni Turistiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma klassifikati bħala zoni turistiċi f'pajjiżna? X'għajnuniet tat l-Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu lil kull wieħed minn dawn il-kunsilli lokali ta' dawn iż-żoni turistiċi fl-2008, 2009 u 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Belt Valletta — direzzjoni ta' kif jimxi t-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif inhi l-proċedura sħiħa, jekk hemm, sabiex triq tinbidel id-direzzjoni ta' kif jimxi t-traffiku, speċifikament fi Triq Melita l-Belt Valletta bejn Triq San Pawl u Triq Sant Ursula u jgħid kif din it-triq saret għar-residenti biss u għal min jagħti servizz f'din it-triq? Jista' jelenka d-dati ta' kull bidla skont il-proċedura ta' meta ġiet approvata din il-bidla/bidliet? X'ifisser tidħol biex tagħti servizz? Japprezza l-fatt li meta jingħad bil-kliem li s-sistema tat-traffiku l-Belt saret kif inhi biex jonqos it-tniġġis, fil-fatt għallinqas din in-naħa tal-Belt, din is-sistema qiegħda toħloq ħafna iktar tniġġis minħabba l-fatt li min jidħol minn Triq San Pawl, l-unika ħaġa li jrid jagħmel hi li jibqa' nieżel u joħroġ barra mill-Belt minn Victoria Gate, filwaqt li kieku m'hemmx din ir-restrizzjoni ta' Melita Street, wieħed jista' jdur għal triq Sant Ursula u joħroġ 'l barra mill-Belt ħdejn Kastilja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-arranġamenti tat-traffiku fi Triq Melita bejn kantuniera ma’ Triq San Pawl u kantuniera ma’ Triq Sant' Ursola huma parti mill-istrateġija ħolistika għall-Belt Valletta u dawn l-arranġamenti ġew implimentati fis-sena 2008 meta tnediet is-sistema tal-Controlled Vehicle Access (CVA). 'Tidħol biex tagħti servizz' tfisser li tali triq tista’ tintuża minn vetturi li jridu jaqdu lill-entitajiet jew residenti tat-triq.
Leg 11 PQ #27281 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każijiet ta' vjolenza fuq l-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ vjolenza fuq l-anzjani ġew rapportati lill-pulizija fis-snin 2008, 2009 u 2010 separatament? X’tip ta’ kategoriji ta’ abbużi kienu? Jista’ jgħid jekk dawn il-każijiet ġewx referuti lill-ħaddiema soċjali tad-Dipartiment tal-Anzjani sabiex dawn jippruvaw jgħinu lill-vittmi ta’ dawn l-allegati abbużi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta’ vjolenza fuq persuni ta’ sittin sena jew aktar li ġew irrapurtati lill-Pulizija matul dawn l-aħħar tlett snin huma s-segwenti:- Tip ta' rapport 2008 2009 2010 Bodily Harm 75 74 72 Domestic Violence 26 38 39 Homicides 0 1 0 Armed Robbery 3 4 9 Mugging 7 4 6 Snatch & Grab 31 53 58 Total 142 174 184 Sakemm dawn ir-reati ma jkunux xi każ ta’ natura soċjali, mhix il-proċedura li l-Pulizija tinforma lid-Dipartiment tal-Anzjani b’dawn ir-rapporti. Madankollu, vittmi ta’ reati jiġu offruti l-għajnuna tal- victim support unit, dejjem jekk ikunu jixtiequ. Dan billi jingħataw in-numru tat-telefon fejn jistgħu jaqbdu ma' din l-għaqda.

Spiża ta' student fi skejjel primarji u sekondarji tal-istat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-ispiża ta’ kull ġurnata għal kull student li attenda skola primarja jew sekondarja fl-iskejjel tal-istat fis-sena 2009 - 2010? Kemm kien hemm studenti assenti f’din is-sena f’dawn l-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispiża ta’ kull ġurnata għal kull student li attenda skola primarja jew sekondarja fl-iskejjel tal-istat fis-sena 2010 kienet ta’ €23.77c. L-informazzjoni l-oħra mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #27283 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Wied il-Għajn — għassa tal-pulizija ġdida

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 38001 tas-sena 2003, jista’ l-Ministru jgħid meta se tinbena għassa tal-pulizija ġdida f’post ċentrali f'Wied il-Għajn fejn tkun attrezzata tajjeb u li tkun miftuħa b’mod permanenti għal 24 siegħa kuljum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġà kien spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari imsemmija mill-Onorevoli Interpeallant, kollox jiddependi fuq id-disponibilità ta’ xi post ieħor li jkun addattat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-Għassa preżenti. Infurmat ukoll illi għalkemm il-Korp tal-Pulizija għamel diversi tentattivi sabiex jinstab tali post, sfortunatament, s’issa dan għadu ma seħħx. Però ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija preżenti qed tkun miftuħa regolarment, għalkemm, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-Pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-għassa, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Leg 11 PQ #27046 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn — qsim ta' fondi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn qassam il-fondi allokati lilu għas-sena 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-budget għas-sena 2011 tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li fih l-informazzjoni kollha mitluba

kwestjoni dwar ħlas tal-għalliema li jikkoreġu l-eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-għalliema impjegati mal-gvern u li jkunu ukoll markers fl-eżamijiet, fosthom għall-eżami tal-benchmarking, qed jaqtgħulhom 35% mill-ħlas filwaqt li għalliema oħra fi skejjel tal-Knisja jew indipendenti qed jaqtgħulhom 15%? X'inhi r-raġuni għal dan meta dawn l-għalliema qed jagħtu l-istess servizz? Tikkonferma l-Ministru li dan japplika ukoll għal eżamijiet oħra, inkluż tal-MATSEC?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-mod kif jiġi intaxxat l-income minn xogħol part-time huwa regolat mir-Regoli Dwar ix-Xoghol part-time kif ukoll mill-artikolu 90A tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Skont dawn ir-Regoli, min jaħdem full-time mal-gvern ma jistax ikun intitolat għar-rata ta’ 15% fuq ix-xogħol part-time jekk dan ikun qed jaħdmu mal-istess employer (f’dan il-każ il-gvern) li jkun impjegat miegħu fuq bażi full-time. Nies li huma mpjegati mal-gvern jew entitajiet oħra governattivi u qegħdin jagħtu servizz lill-Università ta’ Malta t-taxxa maqtugħa hi dik ta’ 35%. Din ir-rata qegħda tintuża minħabba li l-liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul (Cap. 123), speċjalment ir-Regoli dwar Xoghol Part-Time (L.S. 123.39) , ma tikkonsidrax dan ix-xogħol bħala part-time u għalhekk ir-rata ta’ 15% ma tistax tintuża. Dan joħroġ minn paragrafi ħamsa u sitta tal-imsemmija L.S. 123.39 li speċifkament jgħidu li dan id-dħul minn xogħol part-time mhuwiex meqjus bħala tali.

Fgura — servizzi ġodda tat-trapsort pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif iqabbel is-servizz li qed jingħata fil-preżent lir-residenti tal-Fgura ma' dak li qed jiġi propost mill-kumpanija l-ġdida tat-trasport pubbliku? Jista' jgħid jekk hemmx xi rotta li mill-Fgura tmur direttament għall-isptar u lura?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab ifurmat li r-residenti tal-Fgura se jibqgħu bl-istess frekwenza ta’ servizz li għandhom preżentament fir-rigward ta’ rotot li jmorru direzzjoni lejn il-Belt Valletta. Infurmat ukoll li r-residenti tal-Fgura ser ikollhom rotta ċirkulari bin-numru 121 li tmur ġewwa l- interchange ta’ Raħal Ġdid u minn hemm l-passiġġieri jistgħu jirkbu diversi rotot li jeħduhom f’lokalitajiet differenti, fosthom lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Tas-Sliema u San Ġiljan. Minn dan l- interchange , il-passiġġieri jistgħu jmorru lejn l-isptar Mater Dei permezz tar-Rotta X2.

Domestic Violence Unit — surprise home visits

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24380, tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma jsirux surprise home visits mid-Domestic Violence Unit f’każijiet l-vittmi li qed jiġu abbużati huma minuri u qed jgħixu mal-ġenituri tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’każ li jkun hemm minuri li jkunu ġew abbużati, huwa s-servizz għall-Ħarsien tat-Tfal li jintervjeni fuq il-każ. Jekk waqt l-intervent tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema soċjali fi ħdan is-servizz tal-Vjolenza Domestika jindunaw li hemm xi minuri li qed jiġu abbużati fid-dar tagħhom, dawn jiġu referuti għas-servizz għall-Ħarsien tat-Tfal. Is-servizz għall-Ħarsien tat-Tfal jinvestiga l-każ permezz ta’ diversi interventi wkoll permezz ta’ home visits u surprise home visits, wara li jiġi asserit li interventi bħal dawn ma jkunux se jpoġġu lill-minuri kkonċernati f’periklu jew f’riskju ta’ aktar abbuż b’mod partikolari jekk dan ikun qiegħed iseħħ mill-ġenituri stess.