Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #30587 Sitting 422 2011-12-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Regolamenti dwar il-Ħabs — kopja lil kull ħabsi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29951, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Regolamenti dwar il-Ħabs? Meta kriminal jidħol fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, qiegħed jingħata kopja ta' dawn ir-regolamenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull persuna li tidħol fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kemm jekk taħt arrest preventiv, kif ukoll b’sentenza, tiġi infurmata minn Uffiċjal tas-Servizz Korrettiv bid-drittijiet u bir-regolamenti relatati mal-kondotta tagħha u t-trattament li għandha tingħata. Fil-preżent qed jiġi mħejji dokument b’estratti mir-Regolamenti tal-Ħabs relatati mal-kondotta u trattament, kif ukoll id-drittijiet tal-priġunieri, kemm bit-test Malti u bl-Ingliż, sabiex jingħata lil kull persuna li tidħol fil-faċilità. Dan l-estratt ser ikun jinkludi wkoll id-drittijiet u l-obbligi taħt il-liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi. Dan kollu se jsir biex jikkumplimenta l-proċedura eżistenti. Ta’ min isemmi wkoll li r-Regolamenti dwar il-Ħabs tal-1995 qed jiġu riveduti sabiex jiġu aġġornati fid-dawl tal-liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-Regolamenti tal-Ħabs tal-1995.

Sptar Mater Dei — professjonisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm infermiera, ħaddiema soċjali, tobba u speċjalisti li bħalissa qed jagħtu s-servizz tagħhom fl-Isptar Mater Dei? Kemm-il siegħa fil-ġimgħa jaħdmu dawn il-professjonisti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — Dipartiment tal-Frodi - flus iffrankati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf id-Dipartiment tal-Frodi fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Kemm huwa stmat li ġew iffrankati flus sena b'sena minn mindu beda jaħdem dan id-dipartiment? Kemm hemm persuni jaħdmu f'dan id-Dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment għall-Frodi u Investigazzjoni ta’ Benefiċċji li huwa Dipartiment differenti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, beda jopera f’Jannar 2006. L-ammont ta’ flus li hu stmat li ġew iffrankati matul is-snin huma kif jidher hawn taħt: 2006 €3,507,111 2007 €3,482,411 2008 €3,491,500 2009 €3,789,178 2010 €3,716,295 2011 (sa Ottubru) €3,473,140 F’dan id-Dipartiment għall-Frodi u Investigazzjoni dwar Benefiċċji bħalissa hemm jaħdmu ħdax-il persuna.
Leg 11 PQ #30463 Sitting 413 2011-11-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skejjel li żaru siti storiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30319 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u ċioe jgħid kemm tfal tal-iskejjel żaru xi wieħed mis-siti storiċi ta' pajjiżna fis-snin 2009, 2010 u 2011, sena b'sena? Jista' jagħti din l-informazzjoni wkoll skont jekk hux minn skejjel tal-istat, tal-Knisja jew indipendenti? Liema kienu dawn is-siti storiċi li żaru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ħaddiema bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid mis-sena 2008 s'issa, sena b'sena kemm kien hemm persuni bi bżonnijiet speċjali li nstabilhom xogħol? Kemm kienu mas-settur privat u x'kienet in-natura tax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fgura — Triq il-Foss - xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30169, jista' l-Ministru jikkonsidra li Triq il-Foss fil-Fgura ssir mingħajr ma ddum u titlesta għallinqas sa Frar 2012 anke minħabba li jidher li x-xogħol fuq Smart City u servizzi anċillari waqgħu lura?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta bdiet il-proċess biex tinħareġ is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet f'din it-triq.
Leg 11 PQ #30318 Sitting 410 2011-11-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bord tal-Pulizija — każijiet pendenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29941, jista' l-Ministru jgħid meta jiltaqa' l-Bord tal-Pulizija? Kemm għandu każijiet pendenti quddiemu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bl-Att XIII tal- 2002 li bih ġie mwaqqaf il-Bord tal-Pulizija, dan għandu, skont l-Artikolu 50 (1) tal-Kap 164, jiltaqa’ mhux anqas minn darba fix-xahar. Ninsab infurmat illi dan il-bord għandu 40 ilment li għadhom pendenti.

Skejjel li żaru siti storiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tfal tal-iskejjel żaru xi wieħed mis-siti storiċi ta' pajjiżna fis-snin 2009, 2010 u 2011, sena b'sena? Tista' tagħti din l-informazzjoni wkoll skont jekk hux minn skejjel tal-istat, tal-Knisja jew indipendenti? Liema kienu dawn is-siti storiċi li żaru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

KNPD — persuni integrati fid-dinja tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew integrati persuni b'diżabilità severa fis-snin 2009 u 2010 separatament, kemm bil-għajnuna tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kif ukoll bil-għajnuna tal-Aġenzija Sapport? Tista' tagħti definizzjoni ta' persuni b'diżabilità severa? Tista' tgħid ukoll kemm hemm persuni b'diżabilità severa li huma reġistrati mal-Kumitat Nazzjonali tal-Persuni b'Diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-2009 il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali flimkien mal-ETC u l-KNPD nidiet il-programm ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea bl-isem ta’ Me2 – programm immirat lejn l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilita’ fid-dinja tax-xogħol. Permezz ta’ dan il-programm, fl-2010, 12-il persuna b’diżabilita’ tpoġġew fi placements ta’ Job Exposure. Fl-2011 56-il persuna tpoġġew fi placements, 31 klijent instabilhom xogħol fuq bażi part/full time, kif ukoll 21 persuna ġew mogħtija sapport sabiex ikomplu jistudjaw u bħalissa qed isegwu l-Pathway course tal-MCAST. Barra min hekk l-Aġenzija Sapport permezz tal-programmi tagħha fis-servizzi residenzjali, fis-servizz tal-komunità u dawk ta’ matul il-jum tapplika kunċett ta’ inklużjoni fil-komunita għal dawk kollha li jużaw dawn is-servizz. Il-livell ta’ inklużjoni jiddependi minn ħafna fatturi bħal aċċessibilità f’postijiet fil-komunita’; ix-xewqat tal-persuni li jużaw is-servizz u r-risorsi kemm finanzjarji kif ukoll umani disponibbli biex dawn it-tip ta’ programmi jitwettqu. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) jiddefenixxi "persuna gravement disabilitata" bħala “ persuna li għad għandha tul ta’ ħajja raġonevoli u li ma tkunx tista’ żżomm lilha nnifisha b’impieg jew xogħol għal rasha full-time , jew li ssir hekk inkapaċi meta jkollha l-età li tagħmel hekk, minħabba disabilità permanenti li jirriżulta - ( a ) minħabba li tkun truxa u muta għal kollox; jew ( b ) minn achondroplasia, hypopituitarism, osteogenesis imperfecta jew xi xort’oħra ta’ nanuiżmu; jew ( ċ ) minn waħda mill-mard li ġejjin, jiġifieri: Multiple Sclerosis Muscular Dystrophy Spina Bifida Systemic Lupus Erythematosus Haemophilia jew disordnijiet permanenti simili oħra tad-demm karatterizzati bi tnixxija ta’ demm kronika jew ripetuta Hydrocephalus Huntington’s Chorea Cystic Fibrosis T C II Deficiency Cerebellar Ataxia ; Chronic-Granulomatous Disease ; Leopard’s Syndrome ; jew ( d ) minn paralisi totali permanenti jew malfunzjoni gravi totali permanenti jew marda totali permanenti, sew jekk inhi kawżata b’amputazzjoni jew mod ieħor, taż- żewġ idejn jew riġlejn; jew ( e ) epilepsija bi frekwenza ta’ attakki f’għadd ta’ iktar minn erbgħa fix-xahar, b’dan li din il kundizzjoni tiġi konfermata b’investigazzjonijiet xierqa inkluża elettroenċefalogramma u li tiġi hekk ċertifikata minn newrologu jew psikjatra li jkun jaħdem mal-Gvern kemm-il darba li dik il-persuna investigata ma jkollhiex liċenza tas-sewqan; ( f ) indifferenza konġenitali lejn l-uġigħ; Persuna li tkun iċċertifikata bħala “persuna gravement disabilitata" tista’ tikkwalifika għal Pensjoni għal Diżabilita’ jekk tissodisfa d-disposizzjonijiet ta’ Artiklu 27 tal-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318). Mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilità hemm 10 713 persuni reġistrati.

Fgura — Triq il-Foss - wiċċ ġdid lit-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Foss fil-Fgura tingħata wiċċ diċenti minħabba l-inkonvenjent li qed toħloq għar-residenti? Meta hemm il-ħsieb li din issir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija ser tiġi asfaltata bħala parti mill-proġett ta' toroq li jgħatu għal Smart City. Ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta sa Frar 2012, dejjem jekk ma jinqalgħux problemi imprevisti.
Leg 11 PQ #29941 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — allowance

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29703, jikkonferma l-Ministru li dawk li għadhom iservu fil-korp qed jieħdu l-allowance skont iċ-ċirkulari relattiva li titratta l-allowance? Jista' jispjega l-fatt li persuni li ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tas-sena 2011 għadha ma saritx diġà qegħdin fil-lista u persuni oħra li gradwaw fis-snin ta' qabel mhux qegħdin fil-lista? Jista' jgħid min jiddeċiedi li jingħataw l-allowance marbuta mal-korsijiet u xi kriterji qed jintużaw? Kemm hemm persuni fil-korp li għandhom xi kwalifiki u mhux qed jingħataw dan l-allowance? X'inhuma r-raġunijiet għal dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-qualifications allowance lill-membri tal-Korp tal-Pulizija tingħata skont kif jipprovdu r-regolamenti vigenti u ċirkularijiet li jittrattaw dan is-suġġett. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija għandu jingħad, li dawk l-membri tal-Korp illi fit-Tweġiba għall-Mistoqsija numru 29703, ġew iddikjarati li ħadu l- qualifications allowance din is-sena, din l- allwance ġiet mogħtija peress li wieħed minnhom iggradwa minn universita’ rikonoxxuta barranija aktar kmieni din is-sena, filwaqt li t-tlieta l-oħra ipproduċew dokument li laħqu l-grad ta’ Diploma in Criminology illi dwaru mhux se ssir gradwazzjoni għax dawn għażlu li jkomplu bl-istudju tagħhom. Dwar dak li qed jingħad mill-Onorevoli Membru li hemm persuni oħra li gradwaw fis-snin ta’ qabel mhux qegħdin fil-lista, jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar il-persuni li qed jirreferi għalihom, inkun nista’ nitlob li ningħata tali tagħrif. Il- qualifications allowance tingħata wara li ssir talba mill-membru tal-Korp li jidhirlu li jkun hekk intitolat li jirċievi din l- allowance, u wara li tali talba tkun ipproċċessata mill-amministrazzjoni tal-Korp u jkun ikkonfermat li jkun hemm il-kriterji rikjesti. Peress illi kif ġa spegajt, il qualifications allowance tingħata fuq talba individwali tal-membru tal-Korp, mhux magħruf jekk hemmx xi membri tal-Korp li għandhom xi kwalifiki u mhux qed jingħata din l- allowance. Iżda preżentement hemm talba li ma kenitx ġiet milqugħa u dwarha hemm kontestazzjoni mill-membru nvolut quddiem il-Bord tal-Pulizija.

Rotta 110 tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li dik li kienet rotta 110 li kienet titlaq minn Birżebbuġa għaż-Żejtun u għall-Isptar San Luqa u wara tmur postijiet oħra, tiddaħħal bħala parti mis-servizz tal-Arriva u dan minħabba numru ta' ħaddiema, qraba ta' persuni anzjani fl-Isptar San Luqa u numru ta' studenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentement, minn Birżebbuġa, wieħed jista' jaqbad il-karozza li tkun sejra lejn il-Belt bin-numru 82 u li għandha frekwenza ta' 20 minuta, jew ir-rotta X4 li għandha frekwenza ta' 30 minuta. Dawn iż-żewġ rotot jieqfu il-Bombi jew il-Belt fejn minn hemm wieħed jista' jaqbad il-karozzi tal-linja kollha li jkunu sejrin lejn in-naħa ta' fuq ta' Malta, li huma rotot 12, 13, 21, 22, 23, 24, 31, 32, 33, 34, 35, 41, 42, 43 u 44. Dawn ir-rotot jgħaddu kull ftit minuti u jieqfu l-Imsida fuq l-istage bl-isem 'Kulleġġ'. Infurmat ukoll li minn Birżebbuġa għall-Junior College, wieħed jista' jaqbad ix-xarabank li tkun sejra Mater Dei li ġġib in-numru 210 u li għandha frekwenza ta' 20 minuta, u minn hemmhekk jibdel għar-rotot 22, 31, 32 jew 35 madwar karozza kull 10 minuti li jwasslu għal fuq l-istage tal-Imsida li jismu 'Kulleġġ'. Dan minbarra rotot 122 u 123 kull nofs siegħa li jgħaddu mill-Ħamrun jew Gwardamangia qrib il-Junior College.
Leg 11 PQ #30100 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

liġi dwar id-drittijiet tat-tfal

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29235, jista' l-Ministru jara jekk huwx possibbli li jpoġġi d-dokument imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Id-dokument imħejji mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mgħoddi lill-Kummissarju tat-Tfal huwa “working document” illi dwaru l-Kummissarju għad trid twettaq diversi konsultazzjonijiet ma' persuni li jaħdmu fid-diversi setturi involuti fil-“welfare” tat-tfal u m’huwiex dokument finali. Għalhekk huwa prematur illi dokument li għad irid jitkompla x-xogħol fuqu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

għajnuna lill-għaqdiet volontarji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa mis-sena 2008 sa Settembru 2011, sena, sena, bħala għajnuna lill-għaqdiet volontarji soċjali? Liema huma dawn l-għaqdiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont f'kull każ? Kemm huwa l-ammont li ġie bbaġitjat għas-sena 2011? Kemm kien l-ammont ibbaġitjat għas-sena 2008, 2009 u 2010 separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

informazzjoni dwar servizz ta' fostering

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-għajnuna jew benefiċċju lill-familji li joffru s-servizz ta' fostering fis-sena 2010? Kemm hija din l-istess għajnuna fis-sena 2011? Kemm huwa n-numru ta' dawk li qed jieħdu dan il-benefiċċju u kemm hija s-somma globali? Kemm hawn tfal li qed jiġu fostered u kemm hemm li qed jistennew li jiġu fostered?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

politika nazzjonali favur it-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet il-politika nazzjonali favur it-tfal? Min qed jaħdem fuq din il-politika? Meta se tiġi mnedija din il-politika nazzjonali favur it-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-abbozz tal-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal ġie ffinaliżżat u se jitnieda għall-konsultazzjoni pubblika fil-11 ta’ Novembru. Il-grupp ta’ ħidma li twaqqaf mill-Ministru responsabbli kien jikkonsisti f’: Ms. Doriana Bezzina; Dr. Albert Bell; Ms. Sina Bugeja; Dr. Lorna Buttigieg; Mr. James Carabott; Ms. Suzanne Gili; Dr. Anne Marie Mangion; Mr. Ian Mifsud; Ms. Roslynn Vella; Mr. Julian Xuereb. Barra l-grupp ta’ ħidma, dan id-dokument ħadmu fuqu wkoll bosta tfal, permezz ta’ eżerċizzji varji li saru magħhom matul it-tfassil ta’ din il-politika.

ammont ta' flus tal-eżami tal-mezzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-ammont ta' flus tal-eżami tal-mezzi matul din is-sena 2011? Kemm kien l-ammont tal-eżami tal-mezzi fis-sena 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar l-għajnuna supplimentari

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hija l-għajnuna supplimentari fil-ġimgħa għal persuna waħedha u għal koppja? Kemm kienet fis-sena 2010 u fis-sena 2009? Tista' tgħid kemm intnefqu flus fis-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 sa Settembru f'għajnuna supplimentari? Għall-istess snin kemm kienu l-persuni waħedhom u koppji li bbenefikaw minn din l-għajnuna? X'inhuma l-kriterji biex persuna jew koppja tieħu din l-għajnuna supplimentari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità — riċerki

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riċerki kollha li saru f’dawn l-aħħar sentejn mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #29705 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Żgħażagħ mressqa l-Qorti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28151, jista’ l-Ministru jgħid x’sentenzi ngħataw lid-99 żagħżugħ/a li kellhom il-każ tagħhom deċiż mill-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-99 żgħażagħ taħt it-18-il sena li kellhom il-każ tagħhom deċiż, is-sentenzi mogħtija kienu jinkludu piena karċerarja, proċediment eżawrit, twiddiba, liberta', multa, sospenzjoni tal-liċenzja tas-sewqan, sentenzi sospiżi, probation u liberta' kundizzjonata.