B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34886, jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il mara 'l fuq minn 50 sena saru testijiet minħabba l-marda tal-kanċer tas-sider u b'mod speċjali għall-breast screening? Kemm huwa maħsub li għad fadal nisa biex imorru jagħmlu dawn it-testijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mill-bidu tal-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-Sider f’Ottubru tal-2009, ġew mistiedna total ta’ 32,507 mara sa l-aħħar ta’ Mejju 2012. Minn dawn, aċċettaw din l-istedina total ta’ 18,314-il mara. Sa l-aħħar tal-ewwel ċiklu tal-programm fadal 10,390 mara li jridu jiġu mistiedna biex inkunu koprejna n-nisa kollha ta’ eta’ bejn il-50 u s-60 sena.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34891 u jgħid kemm daħlu flus skont il-liġi mill-gaming parlour minn meta bdiet tinġabar din it-taxxa? Xi jsir minn din it-taxxa miġbura?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li minn meta bdiet tinġabar it-taxxa mill-gaming parlours, l-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob ġabbret is-somma ta’ €167,102.88.
Bħal kull dħul minn tassazjoni fuq il-logħob din tmur fil-fond konsolidat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33364 dwar konsulent tal-Air Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn tħallsux mill-gvern u allura minn fondi pubbliċi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpleant illi l-inofrmazzjoni mutlba ma tistax tingħata għaliex hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jgħid minn meta daħal il-benefiċċju tal-enerġija sa din is-sena, kemm kienu l-persuni jew familji li bbenefikaw minn dan il-benefiċċju? jista' jgħid ukoll kemm kienu allokati flus sena b'sena u kemm minn dawn il-benefiċċji ġew imsarrfa? Jista' jgħid kemm kien l-akbtar benefiċċju u l-anqas ammont li kien hemm voucher minnhom?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli INterpellant illi l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
SENA
NUMRU TA’ TALBIET MINN FAMILJI LI BBENEFIKAW
AMMONT TA’ FLUS ALLOKATI
€
AMMONT TA’ FLUS IMSARRFA
€
L-GĦOLA VAWĊER
€
L-INQAS VAWĊER
€
2007
28304
2,004,248.37
2,004,248.37
871.8
0.56
2008
29639
2,651,334.17
2,651,334.17
1,220.52
0.20
2009
29308
4,384,301.23
4,383,188.04
2,215.71
0.55
2010
28622
4,528,116.02
4,482,164.21
2,539.25
0.51
2011
27899
4,575,506.29
4,058,062.53
2,332.20
0.53
2012
26096
2,854,141.55
208,865.05
5,424.73
0.51
Din l-istatistika qed tinkludi dawk il-vawċers li joħorġu lil każi umanitarji fejn l-ammont tal-vawċer mhux limitat. Għalhekk fil-kolonna l-ogħla vawċer dawn il-pagament zgur huma ta’ każi umanitarji (fejn hemm persuni b’diżabilità li minħabba d-diżabilità jkollhom jagħmlu użu eċċessiv tad-dawl).
Barra minn hekk irid jingħad li lanqas ammont ta’ vawċer ivarja peress li d-dritt għal benefiċċju jvarja skont jekk il-kont hux estimu jew le. Għalhekk matul is-sena fuq kull talba issir evalwazzjoni u jista’ jkun li fl-aħħar kont tas-sena partikolari ssir rikonċiljazzjoni u l-ammont li jkun dovut fl-aħħar jkun ammont żgħir bħal dawk li jidhru fit-tabella.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34557, 33052 u 32418 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32225, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mis-sena 2008 'l hawn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32735, tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar l-ispiża tal-korsijiet fl-Università ta' Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċess dwar l-ispiża għal kull kors mogħti fl-Università ta' Malta għadu għaddej u l-ewwel riżultati ser joħorġu minn hawn u ftit ieħor. Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni li dan il-proċess jieħu ħafna ħin u riżorsi. Fil-fatt Universitajiet oħra li għamlu dan il-proċess ħadu, tal-anqas, tliet snin biex ħarġu l-ewwel riżultati u għadhom sa llum jirfinaw dan il-proċess sabiex joħorġu riżultati ħafna aħjar. L-Università ta’ Malta bdiet il-proċess is-sena li għaddiet u qiegħda tiddeka r-riżorsi li tista’ biex dan il-proċess isir malajr kemm jista’ jkun.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa marbuta mal-iskorta li l-pulizija qed jagħmlu skont kif mitlub fil-mistoqsijiet parlamentari 34555 u 33084?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi huwa diffiċli sabiex wieħed jikkwantifika kemm tiswa s-sigurta’ li l-Pulizija tagħmel ma' persuni. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija d-differenza fl-iskala tas-salarju fil-grad ta’ kuntistabbli tal-Pulizija. Però jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni paga medja ta’ kuntistabbli, mingħajr allowances ta’ Ħdud u festi, huwa stmat illi fil-preżent din tiswa madwar € 1,154 kull ġurnata, mingħajr ħlasijiet ta’ overtime li jista’ jkun hemm.
investigazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-care workers
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk xi dipartiment jew entità oħra li taqa' fid-dekasteru tiegħu ġietx mitluba jew inkella ħadet l-inizjattiva li tinvestiga l-kundizzjonijiet tal-care workers li qed jagħtu servizz lid-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk fl-affermattiv, min għamel din l-investigazzjoni u x'irriżulta? Jekk ittieħdu xi azzjonijiet x'kienu dawn l-azzjonijiet?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Saru numru ta’ investigazzjonijiet mid Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg fuq il-kundizzjonijiet ta’ care workers, kemm jekk dawn kienu qed jaghtu servizzi f’Dipartimenti tal-Gvern kif ukoll jekk dan is-servizz kien f’intraprizi privati. F’kazi fejn irrizulta li kien hemm xi nuqqasijiet, ittiehdu dawk il-mizuri necessarji biex dawn jigu rettifikati.
Jekk l-Onor Interpellant ghandu xi kaz partikolari f’mohhu, nitolbu jispecifika ghal x’hiex qed jaghmel riferenza, anki b’mod kunfidenzjali, halli din tkun tista tigi indirizzata.
Jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il mara 'l fuq minn 50 sena saru testijiet minħabba l-marda tal-kanċer? Kemm huwa maħsub li għad fadal nisa biex imorru jagħmlu dawn it-testijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liem mard tal-kanċer qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jara mal-awtorita kompetenti jekk bankina wiesgħa li saret fi Triq il-Bumellies fiż-żona ta' St. Peter's ġewwa Ħaż-Żabbar, tistax tonqos bi ftit ħalli b'hekk ikun jista' jsir aktar parkeġġ ta' karozzi mingħajr ma jkun hemm ostaklu għat-traffiku li jkun għaddej minn din l-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32736, dwar it-24 Hour Telemetry EEG System, jista' l-Ministru jghid jekk is-servizz bediex jew le? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid ukoll kemm-il darba ntuża?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-servizz tal-Video EEG Long Term Monitoring inbeda mill-14 ta' Mejju 2012 u sa issa sar studju fuq żewġ pazjenti matul total ta' ħamest ijiem.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32607, dwar persuna li kienet iddikjarat li tagħmel diskriminazzjoni fil-ħlas lill-impjegati tagħha, jista' l-Ministru jgħid jekk din l-investigazzjoni ġietx konkluża jew le?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjoni rilevanti giet konkluza. Ma nstabet l-ebda evidenza li saret xi diskriminazzjoni fil-ħlas tal-impjegati koncernati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32598 dwar il-call centre li ngħata lill-Aviation Group, jista' l-Ministru jgħid jkekk kienx hemm sejħa għall-offerti għal dan is-servizz? Jikkonferma li l-ħas qed isir minn fondi pubbliċi? Jekk iva, minn liema fondi qed jiħallas?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għal dan is-servizz intużat is-sistema ta' negotiated procedure mal-World Aviation Group (kumpanija parti-sussidjarja tal-Airmalta), bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Il-fondi għal dan is-servizz qed jinħarġu mill-budget ta' Transport Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33084, filwaqt li l-prassi tista' tinbidel speċjalment fejn hemm persuni pubbliċi li kulħadd jaf li għandhom xi forma ta' skorta jew għassa, jista' l-Ministru għallinqas jagħti dettalji mingħajr ma jissemmew il-persuni u l-ispejjeż jew in-nefqa marbuta ma' dawn kif mitlub fil-mistoqsija oriġinali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 10 persuni li għandhom sorveljanza tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32840 u jgħid x'passi konkreti ttieħdu ħalli l-care workers li qed jaħdmu fil-qasam tas-saħħa ma jkomplux jiġu sfruttati u abbużati minħabba kundizzjonijiet ħżiena fl-impjieg tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kuntratturi li għandhom kuntratt mad-Dipartiment tas-Saħħa biex jipprovdu servizzi ta’ care workers, huma responsabbli biex jassiguraw il-kundizzjonijiet tax-xogħol skont il-liġijiet tal-pajjiż. Id-Dipartiment tas-Saħħa huwa l-klijent li jirċievi dawn l-impjegati u minkejja dan, qed jistudja kif itejjeb il-kuntratti fit-tenders futuri. Barra minn hekk, qed jipprepara korsijiet ta’ informazzjoni u struzzjoni ghal care workers sabiex jiġu nfurmati biex jifhmu n-natura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33052 u 32418 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32225, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mis-sena 2008 'l hawn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33490 u 33044 u jgħid kemm ġie jiswa il-ktejjeb ta' propoganda li jismu Minn Qalbna...Għalik? Kif tqassam u kemm ġie jiswa t-tqassim tiegħu? Kemm-il kopja ġiet imqassma? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol u jekk ingħatax b'direct order jew le?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa il-ktejjeb ta' propoganda li jismu Minn Qalbna...Għalik? Kif tqassam u kemm ġie jiswa t-tqassim tiegħu? Kemm-il kopja ġiet imqassma? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol u jekk ingħatax b'direct order jew le?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Żejtun — Ġebel San Martin - servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil mill-kumpannija Arriva ħalli ż-żona ta' Ġebel San Martin fiż-Żejtun tiġi moqdija kif kien isir fil-passat? Jekk iva, x'tibdil seħħ u jekk le ghaliex hemm din ir-reżistenza ħalli dawn in-nies għallanqas jieħdu l-istess servizz li kellhom qabel u forsi aħjar ukoll?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mis-27 ta’ Mejju 2012, se tiġi emendata ir-Rotta 84 sabiex tibda tipprovdi servizz lir-residenti ta’ Ġebel San Martin. Infurmat ukoll li se tiġi emendata l-frekwenza ta’ din ir-rotta fejn minn kull 60 minuta l-frekwenza se tiġi għal kull 30 minuta.