Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Djar Residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport u f’liema lokalitajiet qegħdin? Kemm hemm residenti f’dawn id-Djar Residenzjali? Kemm hija l-lista ta’ stennija biex persuni b’diżabilità jirċievu dan is-servizz?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport tmexxi 10 residenzi fil-komunità f’Malta u oħra f’Għawdex. Dawn huma parti mis-servizz tas-Supported Independent Living, li l-għan tiegħu hu li jagħti sostenn lill-persuni b’diżabilità fi djar jew appartamenti mmexxija mill-Aġenzija waqt li jsegwu programmi u pjanijiet personalizzati sabiex jakkwistaw ħiliet li jgħinuhom jgħixu indipendenti fil-komunità.
Lokalità
Numru ta’ persuni b’diżabilit
à
Bormla
6
B’Buġia
4
Mtarfa
7
Siġġiewi
3
Kirkop
3
Fgura
2
Pembroke
4
Żabbar
6
Marsa
3
Żurrieq
4
Rabat, Għawdex
10
Il-lista ta’ stennija qiegħda tiġi riveduta biex tirrifletti d-direzzjoni lejn id-de-institulizzazzjoni, bl-għan li kemm jista’ jkun persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità bis-sapport meħtieġ. Flimkien mal-persuna b’diżabilità, qed nevalwaw is-sitwazzjoni ta’ kull persuna biex naraw liema għażliet huma l-aktar addattati għall-bżonnijiet tagħhom.
St. Thomas Community Living – Suġġerimenti mir-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-residenti tas-St. Thomas Community Living għandhomx kumitat fejn ikunu jistgħu jagħtu l-kontribut u s-suġġerimenti tagħhom u ta’ sħabhom residenti fit-tmexxija ta’ din id-dar residenzjali?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-djar residenzjali tal-Gvern, kif ukoll djar fejn il-Gvern jixtri sodod, inkluża dik ta’ St.Thomas Community Living, kollha għandhom kumitat magħmul mir-residenti stess fejn jistgħu jagħtu l-kontribut u s-suġġerimenti tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tad-dar fejn ikunu qed jgħixu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13104 fejn ġejt infurmat li mis-sena 2023, il-bus shelters ġodda reġgħu waqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 363.79 ‘Ordni dwar delegazzjoni ta’ funzjoni lil Kunsilli Lokali (Bus Shelters)’, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters għal kull lokalità separatament mill-bidu ta’ din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-informazzjoni rikjesta qed tinġabar.
Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn – Proġetti minn Infrastructure Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru minn Infrastructure Malta fil-lokalitajiet taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament, mill-bidu tas-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti hemm ippjanati f’dawn l-istess lokalitajiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, u Wied il-Għajn, mill-bidu tal-2022 sal-lum, twettqu dawn ix-xogħlijiet: Triq il-Qattus, Għaxaq, Triq Dun V Scicluna Hernandez, Għaxaq, Triq Tgeżwira, Għaxaq, Trejqet Santu Kristu, Għaxaq, Triq Wied Ħas Saptan/Sqaq il-Pont/Trejqet R Dimech, Għaxaq, Triq Connaught/ Triq il-Kantur/ Triq Kamumilla/Ta’ Ganza Area, Żejtun, Triq il-Ġiebja Rumana, Żejtun, Triq il-Wilġa/Triq Santa Katerina, Marsaxlokk, Triq il-Kajjik/Triq iċ-Ċippi Maraxlokk, triq alternattiva lejn Delimara, Xatt il-Batterija ta’ Riħama Wied il-Għajn, Triq San Nikola, Triq id-Difiża Kostali, Wied il-Għajn, Misraħ is-Suq, Żejtun, Triq Dun Ġużepp Demicoli, Għaxaq, Trejqet ir-Rummien and PO Triq il-Bwar, Għaxaq, Triq San Piju X / Triq San Profilju /, Triq Santa Fawstina / Triq Santa, Monika / Triq San Ġużepp / Triq Beland Żejun, Triq Delimara Marsaxlokk, it-triq li tagħti lejn il-kamra tan-nar Santa Katerina, Marsaxlokk, Triq Mons. Cachia Abela.
Din hija l-lista ta’ toroq li l-Kunsilli Lokali msemmija pproponew lil Infrastructure Malta biex iwettqu xogħlijiet infrastrutturali fihom: Tal-Barrani Junction; Trejqet Ir-Rummien & P/o Triq Il-Bwar /Triq Il-Gebelin /Triq Dwardu Buttiġieġ /PO Triq Dun Ġużepp Demicoli/Triq IĠĊ-Hareb/ Triq Iċ-Ċimiterju/ Triq Id-Dejl/Triq Il-Bizzilla/Triq Rebbiegħa/ Triq Napuljun Caruana Dingli/Triq Santa Tereża/Alleys - Set 1/ Vjal Il-Labour, Ghaxaq. Mistah Santa Marija /Triq Zebbug & Triq Ir-Remissi/Triq Santa Cecilia/Misraħ Pizzuto/Wegghet Ġużeppi Pulis Montebello/Triq Wied Il-Ghajna/Triq Mons Cachia Abela/ Triq San Duminku/ Triq Il-Qadi/ Triq Id-dahla ta San Tumas/ Xeht il -Forom/ Triq Dun Mikiel Cassar/ Triq San Alfonsu/ Triq Sant Anglu/ Mistrah Mikiel Anton Vassalli /Sqaq Tal-Usif Nru 1, Zejtun. Triq 8 ta'Mejju /Triq San Frangisk/Triq Santa Katerina/ Triq Il-Galjazz /Triq Lepanto/ Triq Il-Felukka /Triq Arznell/Triq Trunċiera /Triq Bir Rikka & Ta'Silġ, Marsaxlokk. Triq l-Iskal /Triq Il-Gross/Triq Salvu Buħaġiar /Triq Is-Silla /Triq Il-Gramastri /Triq San Nikola/P/o Santa Marija /Triq Artilieri /Triq Il-Bajja /p/o Triq La Sengle /Triq Vajrita, Marsaskala.
Marsaskala — Lista ta’ toroq li għandhom bżonn l-asfaltar
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ toroq li għandhom bżonn ta’ asfaltar u li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala kien indika lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li s-segwenti lista ta’ toroq li għandhom bżonn ta’ asfaltar ġiet indikata lill-Ministeru kkonċernat:
Lista ta’ Toroq – Kunsill Lokali ta’ Marsaskala
Sena
Isem tat-Triq
L-ewwel Sena 2023
Triq La Sengle
Triq Frans Grech
Triq Salvu Buhagiar
Triq l-Iskal
Triq Vajrita
It-Tieni Sena 2024
Triq San Nikola
Triq Santa Marija
Triq il-Bajja
Triq is-Silla
Triq il-Qrempuċ
It-Tielet Sena 2025
Triq il-Granmastri
Triq il-Gross
Triq il-Qrempuċ
Informazzjoni pprovduta mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u korretta sad-data ta: 9 ta’ Novembru 2023
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġu organizzati korsijiet dwar it-trobbija tat-tfal mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala speċjalment meta f’din il-lokalità hemm madwar 5,000 familja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li t-tip ta’ kors li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant, ma jaqax taħt wieħed mis-servizzi li jipprovdi il-Kunsill Lokali taħt l-Artikolu 33 tal-Kap. 363 tal-Ligijiet ta’ Malta (Att dwar il-Gvern Lokali).
Madankollu infurmat illi bħalissa għaddej kors minn persuna li offriet minn jeddha li tgħin lill-ġenituri biex irabbu it-tfal. Dwar dan infurmat illi l-Kunsill qiegħed joffri il-premises u sa issa qed jattendu madwar 6 familji.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux sejjer isir taħriġ tal-IT lill-anzjani li jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum kif ukoll għar-residenti ta’ St. Thomas Community Living? Jekk iva, jista’ jgħid meta dan it-taħriġ ser ikun organizzat?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-18 ta’ Settembru 2023 beda taħriġ tal-IT fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta' Marsaskala fejn anzjani membri fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva li jgħixu fil-Komunità, kif ukoll dawk residenti fid-dar residenzjali St. Thomas Community Living, setgħu jipparteċipaw f’dan it-taħriġ.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ser jorganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali għar-residenti kollha f’Marsaskala għal din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-Laqgħa Ġenerali Annwali hija skedata li ssir nhar it-22 ta’ Novembru sabiex jiġi ppreżentat il-budget tal-Kunsill Lokali hekk kif rikjest mil-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq Tal-Barrani u fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll kemm hu maħsub li ser idum sejjer dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet għal dan il-junction upgrade għadhom qed jiġu ffinalizzati. L-aġenzija qed tistenna li jaslu f’idejha riżultati ta’ studji li saru dwar l-andament/il-mudell tat-traffiku fit-triq imsemmija. Dan ser jgħinna nifhmu aħjar is-sitwazzjoni tal-inħawi u nwasslu proġett li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Programmi ta’ riabilitazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’attivitajiet ġew implimentati f’dawn l-aħħar tliet snin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex il-priġunieri jiġu riabilitati qabel ma joħorġu mill-ħabs?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Fl-aħħar snin sar investiment kbir sabiex ikun hemm aktar focus fuq ir-rijabilitazzjoni ta' min qed jiskonta sentenza ta' priġunerija.
Fil-fatt fl-aħħar tliet snin ġew varati numru ta’ programmi riabilitattivi fi ħdan it-Taqsima ta’ Kura, Reintegrazzjoni u Edukazzjoni (CREU) ġewwa l-ASK, fosthom il-programm magħruf bħala Thinking Skills, l-Anger Management, il-Life Skills Programme, is-Sex Offender Treatment Programme, it-Terapija tal-Familja u s-Psychoeducational Groups: Motivation to Desist from Addiction kontra t-teħid tad-droga. It-Thinking Skills Programme ġie mfassal sabiex jindirizza problemi fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-priġunieri, fejn wieħed jinnota bosta drabi li jkollhom ħsibijiet proto-kriminali li jridu jiġu kkonfrontati u indirizzati sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontinwità fil-karriera kriminali li wieħed ikun qabad. Is-Psychoeducational Groups ġie żviluppat u maħdum permezz ta’ sħubija mal-Aġenzija Sedqa. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jgħin lill-priġunier iħaddan sens ta’ motivazzjoni sabiex ma jagħmilx aktar użu minn sustanzi illeċiti. Il-Life Skills Programme huwa wkoll imfassal apposta sabiex ikun jista’ jiġi implimentat fuq bażi individwali kif ukoll fi gruppi. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jindirizza ħtiġijiet partikolari li jaf ikollhom il-priġunieri fejn jidħol il-qasam tal-aspett soċjali tagħhom u kif dawn jintegraw fil-ħajja soċjali tagħhom kemm fil-ħabs kif ukoll fil-komunità. Kemm l-Individual Managing Anger Programme (I-MAP) u s-Sex Offender Treatment Programme qed jiġu implimentati fuq bażi individwali u huma mmexxija minn professjonisti tal-CREU li għandhom taħriġ speċjalizzat fl-oqsma li jinvolvu reati sesswali u problemi ta’ rabja eċċessiva. CREU qiegħed ukoll fil-proċess li jimplimenta għall-ewwel darba l-iSTOP Programme. Dan b’riżultat ta’ ħidma sfiqa mal-Appoġġ. L-iskop ta’ dan il-programm huwa li jiġu indirizzati numru ta’ kundizzjonijiet li jsostnu l-abbuż domestiku. Dan il-programm għandu jolqot dawk ir-residenti rġiel li jirrikorru għal xi forma ta’ vjolenza jew abbuż fir-relazzjonijiet tagħhom.
Ma’ dawn il-programmi manwalizzati li joffri l-CREU, kien hemm programmi oħra speċjaliżżati li ġew offruti flimkien ma’ msieħba soċjali oħra lill-priġunieri. Fl-Incredible Years Programme ġew indirizzati l-ħiliet tar-residenti nisa bħala ġenituri u sar b’kollaborazzjoni mal-Home Based Therapuetic Service (HBTS) tas-Servizzi fil-Komunità taħt l-FSWS. Programm ieħor li jindirizza l-ħtiġijiet tal-priġunieri nisa ġie implimentat b’kollaborazzjoni bejn il-CREU u l-entità ta’ Dar Hosea, magħruf bħala Sexual Health and Positive Relationships.
Fejn indikat, il-priġunieri jingħataw ukoll servizzi ta’ terapija fuq bażi individwali sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-problemi ta’ saħħa mentali u problemi konjittivi assoċjati ma’ attitudnijiet jew ħsibijiet kriminali.
Qed jingħata wkoll servizz ta’ Terapija tal-Familja b’kollaborazzjoni bejn il-CREU, Mid-Dlam għad-Dawl u l-Institute of Family Therapy. Dawn is-sessjonijiet isiru fuq bażi regolari u għandhom l-għan li jindirizzaw diffikultajiet li jaf ikunu preżenti fil-familja. Servizz ieħor li qed jingħata u huwa riżultat ta’ din l-istess kooperazzjoni fejn priġunieri qed ikollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ tfal minuri f’dar apposta ġewwa l-Marsa. Din id-dar hija mgħammra sabiex tkun aktar addattata għat-tfal.
Ta’ min jgħid li apparti dawn il-programmi kollha l-priġuniera jingħataw ukoll servizz individwali fejn ħaddiema soċjali jgħinu lill-priġunier jindirizza problemi ta’natura soċjali. B’kollaborazzjoni ma’ entitajiet u servizzi esterni bħal FSWS, International Protection Agency (IPA); Identità; Sigurta’ Soċjali; ARMS; LESA; Transport Malta u l-Awtorita’ tad-Djar, il-pjan ta’ kura ta’ kull priġunier qiegħed jiġi mfassal b’mod aktar ħolistiku u kull parti mill-ħajja tal-priġunier u l-familja tiegħu/tagħha qiegħed jiġi indirizzat jew offrut l-għajnuna meħtieġa b’koperazzjoni ma’ servizzi esterni. Dan sabiex il-pjan ta’ kura li jkun beda mill-ASK jitkompla fil-komunità. It-Taqsima tal-CREU qiegħda taħdem ukoll ma’ Organizzazzjonijiet mhux Governattivi bħalma huma Dar Hosea, l-Ordni Sovrana ta’ Malta, YMCA u Suret il-Bniedem fost oħrajn.
Jitfasslu wkoll programmi edukattivi b’riżultat ta’ kollaborazzjoni tal-CREU ma’ entitajiet esterni, fosthom il-Lifelong Learning fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-JobsPlus, l-FSWS, l-MCAST u l-Università ta’ Malta. Dawn il-korsijiet jikkonsistu minn suġġetti vokazzjonali bħal: food handling course; carpentry; hairdressing; barbering; electrical skills, tile laying u crafts. Apparti dawn is-suġġetti ġew varati korsijiet ta’ natura akkademika jew inkella korsijiet li jtejbu ħiliet oħra, fosthom hemm Beginners English Course; Beginners Maltese Course; ICT skills; Spanish; Art; Basic Budgeting and Functional Numeracy; Basic Literacy and Numeracy; Self-management; Taking initiative; Personal Empowerment; Maths u Maltese as a Foreign Language, Art u Customer Care. Ma’ dawn wieħed iżid ukoll programmi sportivi u attività fiżika oħra li ssir ġewwa l-Faċilità għal priġunieri kemm nisa kif ukoll irġiel. Dawn jinkludu sport bħal Futbol, Volleyball, Tennis, Yoga u sessjonijiet ta’ weight management. Dawn isiru kemm fil-piċċ ġewwa l-Faċilità, kif ukoll fid-diviżjoni stess.
Ta’ min isemmi li riċentament ġie implimentat proġett flimkien mal-Università ta’ Malta li l-bażi tiegħu hija l-edukazzjoni. Dan huwa l-proġett ESF.02.064, imsejjaħ Participation for Employment at CCF: Social Inclusion through Education and Training u permezz tiegħu ġew imħarrġa diversi priġunieri, kif ukoll kien hemm fih element ta’ Train the Trainer.
Dawn il-programmi ġew varati kollha in-house u huma meqjusa bħala parti integrali mill-pjan ta’ kura li jibda jiġi mfassal malli persuna tidħol il-ħabs. Minbarra dan kollu, hemm ukoll programmi esterni fejn priġunieri jkunu jistgħu jattendu għalihom permezz tal-prison leave. Dawn huma programmi kemm edukattivi kif ukoll programmi li jindirizzaw l-addictions u programmi ta’ integrazzjoni soċjali.
Ix-xogħol ġewwa l-faċilità korrettiva, huwa wieħed mill-pilastri tar-riabilitazzjoni, hekk kif huwa parti kruċjali mill-mixja tal-priġunier fejn jingħata d-dinjità mistħoqqa u jħossu utli jagħti s-sehem tiegħu. Il-proċess sabiex priġunier jingħata xogħol huwa wieħed konformi mat-terapija li jkun qiegħed jingħata minn persuni professjonali. Il-kapaċitajiet tal-individwu jiġu identifikata u ikkunsidrata għat-tip ta’ xogħol li wieħed jingħata. Dan sabiex inkunu ċerti li l-persuna ma jitqigħedx f’periklu la għalih u lanqas għal ta’ madwaru. Għalhekk parti mill-proċess ukoll huwa wieħed edukattiv, sabiex l-individwu jingħata ċ-ċans ukoll li jesperjenza tipi ta’ xogħolijiet differenti. Dawn it-tnejn jaħdmu f’sinerġija flimkien sabiex l-iskop aħħari jintlaħaq b’mod sħiħ – dak li persuna joħroġ mill-vizzju kriminali, f’konformità mal-liġi, lura f’soċjetà li tilqgħu.
Matul dawn l-aħħar snin, l-industrija tax-xogħol ġewwa l-ħabs qiegħda dejjem tikber u tikkonforma ruħha mal-progress tal-ħajja soċjali. Fost ix-xogħolijiet tas-sengħa li jaħdmu fihom il-priġunieri insibu: electrician, fitter, mastrudaxxa, bennej, xogħol ieħor ta’ manutenzjoni, ħjata, kċina, bakery, laundry, hairdressing.
Ix-xogħol fil-ħabs, kif ukoll fuq livell soċjali huwa kruċjali għal persuna sabiex jkompli jimxi fit-triq 'il quddiem lejn ir-riabilitazzjoni u għalhekk bħala ħabs nagħtu valur b’saħħtu lil dan is-settur sabiex aħna wkoll inkunu katalisti fil-progress tagħhom.
Fl-aħħar snin ukoll sar investiment massiċ fic-centru mediku li nbena u sar kollu ġdid, fejn mhux biss ġie mtejjeb l-ambjent tal-istess sezzjoni iżda sar investiment bla preċedent fin-numru ta’ professjonisti li jaħdmu hemm. Dawn il-professjonisti kuljum jaħdmu wkoll għar-rijabilitazzjoni tal-priġunieri.
Apparti l-kollaborazzjoni diġà msemmija aktar 'il fuq mal-fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, hemm kollaborazzjonijiet ukoll ma’ organizzazzjonijiet oħra bħar-RisE fejn qed jiġi offrut servizz ta’ after-care wara li priġunieri jkunu skontaw is-sentenza tagħhom u anke mal-Caritas fejn priġunieri jmorru għall-programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni/benefiċjari li qed jirċievu l-għajnuna tagħhom mill-mentors taċ-Ċentri tal-LEAP ta’ South Eastern Region u x’tip ta’ għajnuna qed jingħataw il-klijenti tagħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-FSWS illum tagħti s-servizzi tagħha fil-kommunità permezz tal-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità magħrufa bħala ACTS (Agency for Therapeutic and Community Services).
L-istatistika disponibbli sa issa tkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2023 u t-30 ta’ Ġunju 2023 u turi li f’ dawn l-ewwel 6 xhur tas-sena li qegħdin fiha, l-professjonisti tal-ACTS ħadmu fuq 177 kas ta’ persuni li avviċinaw l-Aġenzija ACTS fi ħdan l-FSWS, għal għajnuna. Dawn il-177 kas kienu mqassma skont kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Problema Primarja (
Primary Presenting Problem
)
Għadd
Problemi ta' imġieba (Behavioural problems)
2
Abbuż fuq Tfal (Child abuse)
4
Impjiegi (Employment issues)
10
Relazzjonijiet fil-Familja (Family relations/ relationships)
9
Diffikultajiet finanzjarji (Financial difficulties)
64
Akkommodazzjoni (Housing problem)
22
Nuqqas ta' sostenn u gwida (Lack of support and guidance)
22
Problemi legali (Legal issues)
5
Solitudni (Loneliness)
13
Saħħa mentali (Mental health issues)
7
Aċċess u kura tat-tfal (Child care or access)
1
Problemi ta' Saħħa (Health related issues)
3
Separazzjonijiet (Separation related issues)
4
Diżabbilità (Disability related issues)
3
Vjolenza Domestika (Domestic violence)
1
Problemi matrimonjali (Marital problems)
3
Ħiliet fit-trobbija u relazzjonijiet bejn tfal u ġenituri
(Parenting skills / child-parent relationship)
4
TOTAL
177
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6096 u jgħid kemm intefqu flus fil-gambling matul is-sena li għaddiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ flus minfuqa minn klijenti mhux ‘dataset’ li jinġabar mill-Awtorità. Minħabba l-fatt li in termini ta’ flus milgħuba (wagers), dawn l-istess flus jekk ma jintilfux, jistgħu jiġu milgħuba drabi oħra, u r-rebħ jista' jerġa' jiġi milgħub, ma jagħmilhiex possibbli li wieħed jiddetermina l-ammont eżatt.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9135, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-website ġdida tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala twettqitx?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li peress li l-Kunsilli Lokali kollha kienu rċevew direttiva min-naħa tad-Divi¿joni għall-Gvern Lokali sabiex il-websites ma jibqgħux personalizzati fis-sens li ma jkollhomx domain specifika għal Kunsill Lokali partikolari, il-website tal-Kunsill Lokali issa hi integrata fil-website tal-Kunsilli Lokali kollha.
Kunsilli Lokali ta' Wied il-Għajn u taż-Żejtun — Quality Service Charters
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9134, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali ta’ Wied il-Għajn u taż-Żejtun hux beħsiebhom jagħmlu quality service charters?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li peress li din il-legislatura dalwaqt tasal fi tmiemha, allura issa ghandu jkun il-Kunsill Lokali il-ġdid li jiddeċiedi jekk jagħmilx quality service charter jew le. Ninsab informat mill-Kunsill Lokali taz-Zejtun li l-istess Kunsill Lokali taz-Zejtun ser ikun qiegħed jahdem fuqu fix-xhur li ġejjin u aktarx jigi kkonfermat u implimentat fil-leġizlatura li jmiss.
Jista’ l-Ministru jgħid meta saret il-laqgħa ġenerali annwali s-sena l-oħra u meta se ssir il-laqgħa ġenerali annwali ta’ din is-sena f’Wied il-Għajn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala illi il-laqgha annwali is-sena l-oħra saret f'April 2022 u ta’ din is-sena ghad trid issir peress li din ser tkun l-aħħar waħda ta' din il-leġislatura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10082, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, u jara, permezz tal-aġenzija konċernata, li ssir bankina fi Trejqet it-Torri, Wied il-Għajn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala illi ‘Trejqet it-Torri’ hija trejqa dejqa ħafna li minnha jgħaddu ftit vetturi.
Il-possibbiltà li issir bankina hija diffiċli għaliex it-triq hija dejqa ħafna.