Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajn Tuffieħa — Blat fis-sit tat-Torri - Studji

Question

B’referenza għall-blat fis-sit fejn hemm it-torri ta’ Għajn Tuffieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux l-istudji li ġew imsemmija mill-coastal unit fid-dipartiment tal-public works? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx riżultati dwar l-istudji u jekk it-torri huwiex fil-periklu li jiġġarraf?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni fuq is-sit minn uffiċjali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, uffiċjali mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u Inġinier Ġeotekniku, instab li m’hemmx periklu għat-torri minħabba li x-xaqq fil-blat qiegħed ’l barra mill-istess torri. Saret analiżi tal-faċċata tal-irdum permezz ta’ drone fejn instab li parti li qiegħda ftit ’l isfel mit-torri qiegħda fi stat perikoluż u għalhekk l-aċċess għal din il-parti ġie magħluq.

Wage Regulation Orders — Reviżjoni jew aġġornar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ reviżjoni jew aġġornar tal-Wage Regulation Orders, fid-dawl, li kien diġà sar xogħol preparatorju fil-leġislatura preċedenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

EIRA

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-liġi tax-xogħol (EIRA) tiġi emendata jew issir liġi ġdida, kif kien qed jiġi kkunsidrat fil-leġislatura preċedenti, wara ħidma tajba li saret minn grupp ta’ persuni li kienu nħatru għal dan il-għan?

Response (ABELA, ROBERT)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Marsaxlokk, Triq Xrobb l-Għaġin — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26450, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li fi Triq Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk (li tinsab fejn it-Tempju ta’ Ġuno, fil-viċinanza tal-knisja fiż-żona ta’ Tas-Silġ), isir intervent żgħir biex jissewwew il-ħofor li hemm minħabba li din it-triq jgħaddu bosta karozzi minnha u dan sakemm jitlesta l-pjan li kif qal il-Ministru, jinsab fil-fażi tat-tfassil u preparazzjoni? Jista’ jgħid ukoll meta dan il-pjan hu maħsub li jitlesta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru d-diskussjonijiet neċessarji għal pjan konkret li jinvolvi wkoll li temporanjament jiġu rranġati l-ħofor li hemm.

Awtorità tal-Artijiet – Bejgħ jew kiri ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu tenders għal bejgħ jew kiri ta’ proprjetà mill-Awtorità tal-Artijiet mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm tenders li ma kien hemm ebda offerta għalihom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2020 sal-ġurnata tal-lum gew ippublikati 551 tender li 239 minnhom ma’ kellhom l-ebda offerta.

Marsaxlokk, Triq Xrobb l-Għaġin – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser titranġa l-biċċa triq fi Triq Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk (li tinsab fejn it-Tempju ta’ Ġuno, fil-viċinanza tal-knisja fiż-żona ta’ Tas-Silġ) u li għadu ma sarx xogħol fuqha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta hija konxja mis-sensittivita tas-sit in kwistjoni, u għaldaqshekk qed tistudja l-possibilitajiet kollha b’koordinament mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, sabiex tlesti pjan konkret għall-implimentazjoni. S’issa il-pjan għadu fil-fażi tat-tfassil u preparazzjoni.

Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol mis-sena 2008 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kellhom edukazzjoni terzjarja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li rreġistraw għax-xogħol mis-sena 2008 sal-aħħar ta' Jannar 2025, kif ukoll in-numru ta' persuni li rreġistraw u għandhom edukazzjoni terzjarja, maqsuma sena b’sena, jinsab fit-tabella t’hawn taħt. Sena Total ta’ Persuni jirreġistraw għax-xogħol Persuni jirreġistraw għax-xogħol li kellhom edukazzjoni terzjarja 2008 6,373 70 2009 7,680 93 2010 6,606 78 2011 6,587 91 2012 6,811 113 2013 7,401 145 2014 6,287 141 2015 4,615 98 2016 2,912 72 2017 2,167 71 2018 1,765 62 2019 1,642 64 2020 2,765 158 2021 1,167 76 2022 1,046 68 2023 955 76 2024 1,115 71 2025 1,117 67

Awtorità tal-Artijiet — Kuntratti mal-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24648 u jgħid kemm saru kuntratti bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar u jipprovdi l-lokalità tal-artijiet jew proprjetajiet li għaddew?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-2017 sal-2024 saru 266 kuntratt bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri l-lokalitàjiet varji li fihom saru dawn il-kuntratti.

Ir-Rabat Għawdex — Esproprjazzjoni ta’ art

Question

B’referenza għall-esproprjazzjoni ta’ art fi Triq Għajn Qatet, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-estratt mill-Gazzetta tal-Gvern dwar dan l-esproprju?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.

Għawdex — Esproprazzjoni ta’ art

Question

B’referenza għall-esproprjazzjoni tal-art fi Triq Għajn Qatet, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid meta din it-triq ġiet skemata bħala triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq tidher għall-ewwel darba fuq l-iskema tat-toroq li jridu jinfetħu fil-pjanti tan-1965 kif ukoll sussegwentament fit-Temporary Provision Schemes tan-1988 u fil-Local Plans tat-2006. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn id-dokumenti msemmija. Fil-passat saret ukoll mistoqsija parlamentari 3809 rigward din iż-żona.

Awtorità tal-Artijiet – kuntratti ma’ SportMalta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru kuntratti bejn l-Awtorità tal-Artijiet u SportMalta u liema artijiet jew proprjetajiet ġew trasferiti permezz ta’ dawn il-kuntratti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

Esperti tal-Qorti – Due Diligence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk isirx due diligence fir-rigward tal-ħatra tal-esperti tal-Qorti, speċjalment fejn ikun hemm inkjesti maġisterjali? Jekk dan id-due diligence qed isir, min jagħmlu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Ġustizzja jwettaq due diligence fuq dawk il-persuni li jkunu esprimew l-interess tagħhom biex iservu bħala esperti tal-Qrati, u dan salv il-kunsens bil-miktub tagħhom. Id-Dipartiment tal-Ġustizzja jikkompila lista ta’ tali persuni, li tinġieb a konjizzjoni tal-Qrati. L-Qrati għandhom id-diskrezzjoni li jagħżlu minn din il-lista jew imorru lil hinn mit-tali lista u jinnominaw esperti abbażi tal-artikolu 650 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta..

Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet — Kondominja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kondominja mill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab f’din it-tabella t’hawn taħt: Jannar - Ottubru 2024 Malta Għawdex Amministraturi ġodda 596 106 Tiġdid/tibdil ta' Amministraturi 792 64 Reġistrazzjoni ta' Regolamenti 22 5

Home Ownership — Proċeduri fil-qrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intemmux il-proċeduri fil-qrati dwar plots li tqassmu bl-iskemi tal-Home Ownership? Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri u fiex waslu l-proċessi biex min għandu minn dawn il-plots, jingħata t-titlu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li kien hemm diversi proċeduri fil-Qrati b’konnessjoni ma’ plots li tqassmu bl-iskemi tal-Home Ownership. Hemm proċeduri li ntemmu u oħrajn li għadhom għaddejjin. Fil-każ ta’ dawk li ntemmu, il-plots jgħaddu għand l-Awtorità tad-Djar wara li takkwista t-titlu mingħand l-Awtorita tal-Artijiet, biex tiffinalizza l-proċeduri tagħha mal-persuni li jkunu ġew allokati l-plots.

Home Ownership — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kuntratti saru fl-aħħar snin bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar dwar plots għall-iskemi tal-Home Ownership?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ kuntratti ta’ akkwist li saru mal-Awtorità tad-Djar ta’ plots tal-Home Ownership fl-aħħar snin huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Mill-2022 'l hawn dan ix-xogħol ingħata spinta skont kif ġie mwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-aħħar elezzjoni. Sena meta saru kuntratti tal-Akkwist mal-Awtorita tad-Djar Numru ta' plots akkwistati 2018 1 2019 16 2020 5 2021 1 2022 95 2023 66 2024 86 TOTAL 270

Ħal Għaxaq – Triq il-Bwar – Installazzjoni ta’ lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser isir lift fi Block B Section 2, Triq il-Bwar, Ħal Dmikki, Ħal Għaxaq? Jekk fl-affermattiv, meta ser isir dan ix-xogħol? Jekk dan ix-xogħol mhux ippjanat, tista’ l-installazzjoni tal-lift tiġi kkunsidrata għaż-żmien li ġej?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha previst li tinstalla lift fl-imsemmi blokk fis-sena 2025.

Wied il-Għajn – Triq Frans Grech

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir xogħol fi Triq Frans Grech Wied il-Għajn sabiex din tiġi mwessa’ ftit biex meta jkun hemm karozzi pparkjati, il-karozzi jkunu jistgħu joħorġu mill-garaxxijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ħadna nota ta’ dan is-suġġeriment.

Iż-Żejtun — Vjal 25 ta’ Novembru - Traffiku

Question

Jista’ l-Ministru permezz tal-Awtorità konċernata jara li jittieħdu l-passi meħtieġa minħabba li minn wara l-ħamsa ta’ wara nofsinhar fi Vjal 25 ta’ Novembru fiż-Żejtun qed ikun hemm traffiku fid-direzzjoni lejn iċ-ċentru taż-Żejtun?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdet nota u ser tiġi evalwata s-sitwazzjoni fi Vjal 25 ta’ Novembru, fiż-Żejtun.

Raħal Ġdid – Servizzi fiċ-Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid x’servizzi qegħdin jingħataw fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u jekk hemmx lista’ ta’ stennija għal dawn is-servizzi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.