Legislature:
Category:
Reset
Active:

Facilitators

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm Learning Support Assistants (facilitators) ġewwa Malta u f'liema skejjel qegħdin? Kemm hemm tfal li ġew statemented u f'liema skejjel jinsabu? Kemm ġew impjegati LSAs xahar b'xahar minn Settembru 2007 sa Mejju 2008?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Eżamijiet tas-SEC

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 110, tista' l-Ministru tgħid jekk fil-każ tas-suġġetti msemmija kienx hemm bidla fis-setters tal-karti? Tikkonferma li din is-sena meta mqabbel ma' snin oħra l-livell tal-karti kien ogħla ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-setters tal-karti ta’ l-eżami tal-matematika fil-livell tas-SEC ta’ Mejju 2008 u ta’ Mejju u Settembru 2007 kienu l-istess. Fil-każ tal-fiżika fl-istess livell is-setters tal-karti ta’ l-eżami f’Mejju 2008 u ta’ Mejju u Settembru 2007 kienu l-istess minbarra persuna waħda li ma kinetx eliġibbli li tkun setter din is-sena. Fis-suġġetti kollha fil-livell tas-SEC, l-eżaminaturi jippreparaw tlett karti, Paper 1, Paper 2A u Paper 2B, li jkun fihom mistoqsijiet li jitolbu firxa wiegħsa ta’ ħiliet. Din is-sena bħal fi snin oħra l-eżaminaturi tal-matematika u tal-fiżika qagħdu attenti biex ikun hemm bilanċ bejn mistoqsijiet diffiċli u oħrajn inqas diffiċli u biex il-livell ikun jixbaħ kemm jista’ jkun il-livell tas-snin ta’ qabel.

Żurrieq — Football grounds

Question

Tista' l-Ministru tgħid min qed jieħu ħsieb iż-żewġ grounds li saru riċentement ftit qabel l-elezzjoni fiż-Żurrieq u x'inhi r-raġuni li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq minkejja li talab biex ikun jista' jamministrahom jew inkella jiġu devoluti lilu qatt ma ngħata tweġiba dwar dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Isport qed jistenna li jingħata uffiċjalment l-amministrazzjoni tal-faċilitajiet sportivi msemmija. Sad-data li saret il-Mistoqsija mill-Onor. Interpellant, il-KMS kien għadu ma rċieva l-ebda talba uffiċjali mingħand il-Kunsill Lokali Żurrieq.

Ħal Qormi — Skola Sekondarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jkunu lesti biex jintużaw il-lockers fl-iskola sekondarja ġdida ġewwa Ħal Qormi fejn jirriżulta li mhux it-tfal kollha għandhom locker minkejja li kien intqal li kull student se jkollu l-locker tiegħu? Tapprezza li dan il-fatt qed joħloq problemi għal ċertu studenti aktar minn oħrajn minħabba t-toqol tal-basket ta' l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-installazzjoni tal-lockers li ġew ipprovduti lill-Kulleġġ Sant’Injazju Skola Sekondarja Subien tal-Ħandaq baqgħet sejra sa Jannar 2008. L-użu ta’ dawn il-lockers jitlob organiżazzjoni tajba bbażata fuq regoli li jiżguraw: * it-tqassim personaliżżat tagħhom lill-istudenti; * ħinijiet stipulati għall-użu tagħhom mill-istudenti * superviżjoni ġenerali regolari min-naħa ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-iskola biex tiżgura li dawn jintużaw b’ responsabbilta’ u dixxiplina; * superviżjoni attenta ta’ x’jitqiegħed fihom mill-istudenti * sistema ta’ tqassim ta’ ċwievet, żamma tal-kopji tagħhom, ħlas ta’ kapparra biex tkopri t-telf taċ-ċwievet u tal-ħsarat. Jekk ma jkunx hemm sistema tajba f’postha li tieħu ħsieb timmanniġġja sewwa l-użu tal- lockers, din ir-riżorsa taf toħloq ħafna diżordni u abbużi fl-iskola. Din is-sena l-amministrazzjoni l-ġdida, qassmet il- lockers lill-istudenti l-ġodda ta’ l-ewwel sena. Dan l-arranġament mexa tajjeb ħafna. Din l-esperjenza issa tagħmilha possibli għall-amministrazzjoni ta’ l-iskola li, fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss, l-istudenti kollha jkunu jistgħu jagħmlu użu, b’mod dixxiplinat u responsabbli, minn locker allokat lilhom.

Knisja Parrokkjali taż-Żejtun — Restawr

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk saritx xi talba mill-parroċċa taż-Żejtun lil min hu konċernat biex il-Knisja Parrokkjali tiġi restawrata? Jekk fl-affermattiv, meta saret din it-talba u x'kienet it-tweġiba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s'issa Heritage Malta għadha ma' rċeviet ebda talba mill-Parroċċa taż-Żejtun dwar ir-restawr tal-knisja. Madankollu ninfurmak li bħalissa d-Diviżjoni tal- Konservazzjoni fi ħdan l-istess aġenzija qed tagħmel xogħol ta' restawr fuq l-Oratorju ta' l-istess knisja, proġett li ingħata lilha mill-parroċċa wara li kien hemm sejħa għall-offerti. Aktar tard matul is-sena ser ikun qed isir ukoll xogħol ta' konservazzjoni fuq il-qanpiena tal-bronż li kien hemm fil-kampnar ta' l-Oratorju.

Ħal Far — Adult Training Centre

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm nurse fl-Adult Training Centre ta' Ħal Far minħabba li qed ikun hemm numru ta' problemi marbuta ma' tqassim ta' pilloli minħabba li l-carers ma jistgħux jagħmlu x-xogħol ta' nurse anke minħabba l-fatt li mhumiex kwalifikati għal dan ix-xogħol?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #889 Sitting 15 2008-06-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Ħaddiema sospiżi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mal-MEPA li jinsabu sospiżi u kemm ilhom sospiżi mix-xogħol? Jista' jgħid dawn jekk hux qed jitħallsu jew le, u kemm qed jitħallsu jekk hux full jew part pay? X'inhi r-raġuni skond kull każ li dawn jinsabu sospiżi u min huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità preżentament għandha impjegat wieħed li jinsab sospiż fuq full pay. Ġie sospiż f’Ottubru 2003 minħabba li ġie akkużat li kkommetta atti kriminali.

Operazzjonijiet — Waiting list

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 74 dwar waiting list f'ċertu operazzjonijiet u l-istess dikjarazzjoni fit-tweġiba, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-passi li l-gvern beħsiebu jieħu fiż-żmien li ġej?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Aġenzija Appoġġ — Social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tas-social workers ta' l-Aġenzija Appoġġ fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Qed isir assessment komprensiv minn dawn il-professjonisti fl-ewwel ġranet meta persuna tidħol f'dan il-post bħala priġunier? Qed isir pjan ta' azzjoni ma' kull priġunier li fih ikun hemm indikat kif dan jista' jirċievi għajnuna prattika waqt li hu jkun qed jiskonta s-sentenza tiegħu? Qed isir after care service ma' l-ex-priġunieri kollha? Qed ikunu megħjuna fil-prattika l-familja ta' kull priġunier?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-ewwel assessment soċjali ta’ persuna meta tidħol fil- Faċilita Korrettiva ta’ Kordin isir minn ħaddiem soċjali u żewg psikologi mpjegati ma’ din il-Faċilita’. Dan it-team jidentifika dawk il-każijiet li jkunu ser jiġu riferuti lill-ħaddiema soċjali ta’ l-Aġenzija Appoġġ. Ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali ta’ l-Aġenzija Appoġġ jikkonsisti f’sapport lill-priġunieri li jiġu riferuti lilha waqt li dawn ikunu qegħdin jiskontaw is-sentenza, kif ukoll preparazzjoni għall-integrazzjoni tagħhom lura fil-komunita. Dan jinkludi għajnuna fuq problemi dwar relazzjonijiet ma’ membri tal-familja jew nies oħra, problemi ta’ saħħa, u abbuż ta’ droga jew alkoħol. L-Aġenzija Sedqa ukoll tipprovdi servizz speċjaliżżat lill-priġunieri, fosthom billi tagħmel programmi ta’ riabilitazzjoni fil-Kommunita’ Sta. Marija. Ninsab infurmat ukoll li x-xogħol mal-familji tal-priġunieri, fejn meħtieġ, normalment isir minn ħaddiema soċjali f’servizzi oħra ta’ l-Aġenzija Appoġġ u mhux minn dik li xogħol prinċipali tagħha hu mal-priġunieri.

Uffiċjali Edukattivi — Riżultati ta' l-intervisti

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jkunu ppubblikati r-riżultati ta' l-intervisti li saru lil persuni li applikaw għall-Uffiċjal Edukattiv? Kemm applikaw u għal liema suġġett jew livell u kemm se jiġu magħżula għal kull suġġett u livell? Min kienu l-persuni li għamlu l-intervisti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-proċess għadu mhux finallizzat. Intefgħu 70 applikazzjoni, fejn kien hemm min applika għal aktar minn suġġett wieħed filwaqt li kien hemm 6 applikazzjonijiet li ġew irtirati. Żewġ applikanti li applikaw għall-Franċiż ġew avżati li l-post ma kienx vakanti. Dawk magħżula jistgħu jkunu assenjati fis-settur primarju u/jew f’dak sekondarju. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-suġġetti , kemm applikaw għalliema għalihom u l-lista tal-Bord li għamel l-intervisti.

Skejjel — Xiri ta' affarijiet ta' l-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux permess li skejjel jiddettaw mingħand min jixtru affarijiet li jkunu meħtieġa għall-iskola fosthom uniformijiet, żraben, kotba u ħwejjeġ oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li mhix il-politika tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li l-iskejjel jiddettaw mingħand min jixtru l-affarijiet li jkunu meħtiega għall-iskola.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Rapporti fuq għalliema/membri ta' l-istaff

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-proċedura addottata tal-Ministeru u tad-Direttorati ta' l-Edukazzjoni meta jirċievu telefonati jew ittri anonimi biex jagħmlu xi rapport jew ieħor, inkluż rapporti fuq għalliema jew membri ta' l-istaff oħra? Dawn jiġu nvestigati jew injorati? Il-policy addottata hija konformi ma' dik li qed tiġi addottata mill-bqija tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li meta jidħlu allegazzjonijiet anonimi lid-Direttorati Edukattivi dawn jiġu investigati u jittieħdu l-passi neċessarji. Ma jistax jingħata feedback lil min ikun għamel l-allegazzjoni peress li dan jibqa’ anonimu u xi drabi l-investigazzjoni tkun limitata peress li ma jkunx hemm identita’ ta’ min qed jagħmel l-allegazzjoni.

Prinċipali tal-Kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Prinċipali tal-Kulleġġi għandhomx jieħdu ordnijiet mingħand impjegati fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru jew inkella mingħand id-Diretturi Ġenerali u/jew uffiċjali għolja oħra ta' l-istess direttorati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nifhem li bejn is-sezzjonijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Kultura. Żgħażagħ u Sport għandu jkun hemm sinerġija sħiħa għal ġid ta’ l-istess Ministeru u d-diversi benefiċċjarji tiegħu.

Water Services Corporation — Telephone number

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li n-numru tat-telefon li jidher fuq il-letterhead tal-Water Services Corporation 21249851-7 ma' tista' taqbad qatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numri tat-telefon (21249851-7) li semma L-Onor. Carmelo Abela, ilhom li inbidlu minn Mejju 2007. In-numru l-ġdid hu 22445566. Lis-stationery kollu tal-Korporazzjoni inbidel ukoll ma l-introduzzjoni tan-numru ġdid. Barra minn hekk il-Korporazzjoni kienet infurmat lill-pubbliku bil-bidla ta' dan in-numru permezz ta' avviżi fil-gażżetti.

Universita' ta' Malta — Taħriġ

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28886 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 590 dwar taħriġ fl-Universita' ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-preżent għaddejjin taħdidiet mal-Unions li jirraprezentaw lill-istaff akkademiku fuq l-aħjar mod kif xi taħrig imsemmi fil-mistoqsija jigi indirizzat.

Kapijiet u Assistenti Kapijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex? Tista' tindika wkoll fejn m'hemmx Kap jew Assistant u fejn hemm persuni li huma fil-kariga imma bħala acting?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Universita' ta' Malta — Promozzjonijiet/appointments

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 29278 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 604 dwar promozzjonijiet u appointmentsfl-Universita' ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Universita’ ta’ Malta tippublika l-listi ta’ promozzjonijiet ta’ membri ta’ l-istaff akkademiku fuq il-website tagħha. Infatti kemm il-darba jkun hemm rapporti f’xi gazzetti fuq dawn il-promozzjonijiet. Ħatriet mhux akkademici ta’ l-Universita’ li huma ta’ natura għolja bħal ta’ uffiċjali ewlenin, jiġu ppublikati wkoll fuq il- website ta’ l-Universita’. Sal-lum m’hemmx l-użanza li ħatriet oħra jiġu ppublikati.

Warrant permanenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 29588 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 610 dwar warrant permanenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-preżent hemm 151 għalliem li s’issa m’għandhomx warrant permanenti. Dawn qed jgħallmu f’diversi skejjel u suġġetti (tabella ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra). Jingħataw il-warrant permanenti dawk li jkunu eleġibbli skond l-Att ta’ l-Edukazzjoni. Jekk ma jkunux konformi ma’ din il-liġi jingħataw il-warrant temporanju.

Luxol club

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29589 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 610, tista' l-Ministru tgħid għaliex inħass l-ħtieġa li l-formula li ġiet addottata bosta drabi ma ġietx segwita f'dan il-każ imsemmi tal-klabb tal-Luxol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’ dan il-każ ma ngħatatx l-art lill-assoċjazzjoni sportiva Luxol ghaliex l-art hija ta’ l-iskola Primarja Biċe Mizzi Vassallo.. Il-ftehim, jipprovdi biss għall-użu , żvilupp u management ta’ l-art in kwistjoni. Il-Gvern jibqa’ l-propjetarju assolut ta’ l-art bi dritt ta’ użu sħiħ u esklussiv waqt il-ħin ta’ l-iskola.

Prezzijiet ogħla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sid ta' ristorant, ħanut, night club eċċ nstab li għolla l-prezzijiet wara l-1 ta' Lulju, 2007? Kemm kienu ġustifikati? X'passi ttieħdu kontra dawk li ma kellhomx raġun?

Response (FENECH, ANTONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi mill-1 ta’ Lulju 2007, nstabu mitejn u ħmistax (215) -il ħanut, ristorant, etc li għollew il-prezzijiet. Minn dawn tmienja u sebgħin (78) minnhom nstabu li kienu ġustifikati għaliex iż-żieda fil-prezz kienet tirrifletti ż-żiediet fil-materja prima u fl-ispejjeż ta’ l-operat tal-istabbiliment. L-Osservatorju ta’ l-Ewro baqa jsegwi dawk l-istabbilimenti li ma kellhomx raġun permezz ta’ l- ittra ufficjali - ‘First Direction letter’ u viżti regolari lill-istabbilimenti konċernati sakemm tittieħed l-azzjoni rimedjali . Ħlief għal żewġ każijiet li għadhom pendenti, dawn l-istabbilimenti kollha qablu li jniżżlu il-prezz jew reġgħu lura għall-prezz originali.