Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #1279 Sitting 26 2008-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini ta' skejjel

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjoniet għall-bini u/jew għall-alterazzjonijiet fil-bini ta’skejjel? Liema huma l-iskejjel, min għamel kull applikazzjoni u meta saret kull waħda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha erba' u tletin (34) applikazzjoni għall-bini u/jew alterazzjonijiet ta’ skejjel kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "school", "skola", "skejjel" jew "class room".

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Tista’ l-Ministru tgħid hemmx applikazzjonijiet pendenti għall-ftuħ ta’skejjel li jgħallmu l-Ingliz lill-barranin? Jekk iva, min għamel l-applikazzjoni, meta saret kull waħda u f’liema lokalitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għall-ftuħ ta’ skejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin.

Żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fl-ewwel ħames xhur tas-sena kemm inqabdu żgħażagħ taħt l-eta’: a) f'post ta’divertiment; b) jixorbu l-alkoħol anke fit-triqat? X’passi ttiehdu f’kull każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, il-Pulizija sabet 47 persuna taħt is-sittax il-sena f’postijiet ta’ divertiment, li erbgħa minnhom kienu ukoll servuti b’xorb alkoħoliku. B’riżultat ta’ dan, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti kontra 30 persuna responsabbli mill-postijiet ta’ divertiment fejn instabu dawn iż-żgħażagħ. Inqabdu ukoll sitt persuni taħt l-eta' jixorbu l-alkoħol fi triqat fejn ġew mogħtija titwijba skond l-Att III ta’ l-2007.
Leg 11 PQ #1270 Sitting 25 2008-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Alkoħol — Użu ħażin

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm il-Ministeru tiegħu nefaq flus (bħal fl-Aġenzija Sedqa u fl-isptarijiet) f'dawn l-aħħar tliet snin minħabba l-użu ħażin ta' l-alkoħol? Kemm daħlu nies f'dan il-perijodu fl-isptarijiet minħabba din il-problema serja li għandna f'pajjiżna?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li li ma tinżammx statistika dwar nefqa ta’ flus fl-isptarijiet kategorizzata skond id-dijanjożi. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Illitteraliżmu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa stmat li hemm persuni illiterati f’Malta u f’Għawdex? Tista’ tgħid jekk hemmx statistika li turi l-etajiet ta’dawn? Jekk fl-affermattiv, tista tgħid kemm minn dawn huma taht it-18-il sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond iċ-ċensiment ta’ l-2005 Malta - 24,235 Għawdex u Kemmuna - 1,886 Total - 26,121 10 - 19 - 938 20 - 29 - 1,392 30 – 39 - 1,845 40 – 49 - 3,971 50 – 59 - 5,584 60 – 69 - 4,401 70 – 79 - 4,980 80 – 89 - 2,629 90+ - 381

Football Malti — Ksur ta' Liġi

Question

Waqt l-istaġun tal-football li għadu kemm intemm, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li tressqu l-Qorti fuq ksur tal-liġi fl-Istadium Nazzjoniali, fil-Victor Tedesco Stadium, fil-ground tal-Hibernians f'Kordin, fis-Centenary Stadium u fil-Gozo Stadium? Jista' jagħti dawn id-dettalji għal kull post separatament u jgħid għal liema logħbiet jirreferu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Rigward it-tieni parti ninsab infurmat li ma tinżammx statistika f' liema logħobiet irriżulta dan il-ksur tal-liġi.

Illitteraliżmu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta persuna tiġi identifikata li hija illiterata x’qed isir mid-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni biex din il-persuna tiġi nkoraġġita li terġa' tipprova taqra u tikteb?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li meta d-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni jindunaw li tfal fl-ewwel snin tal-primarja jkollhom diffikultajiet fil-qari u fil-kitba, dawn jingħataw għajnuna individwali permezz ta’ l-għalliema ta’ l-Edukazzjoni Kumplimentarja. F’dawn il-programmi individwali issir enfasi fuq il-qari u l-kitba. Din l-għajnuna tingħata kemm fil-klassi kif ukoll barra mill-klassi, skond il-ħtiġijiet individwali tat-tfal. Fil-primarja hemm ukoll programmi li jsiru mill-għalliema tal-Litteriżmu biex jippromwovu l-interess fil-qari. Dawk l-istudenti li jbatu mid- Dyslexia ukoll jingħataw għajnuna minn għalliema speċjalizzati. Isiru wkoll programmi għall-ġenituri. Twaqqaf ukoll grupp ta’ uffiċjali li qed jaħdem fuq policy fil-livell ta’ l-iskola primarja fuq il-ħiliet bażiċi fil-Litteriżmu, fil-Matematika u fl-ICT għat-tfal. Fis-settur sekondarju l-istudenti jingħataw taħriġ fil-Litteriżmu u fil-Matematika bażika fi gruppi jew klassijiet żgħar.

Century Stadium — Ġlied ġo l-Istadium

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tressqux xi nies il-Qorti wara li kif ġie rrappurtat fil-media lokali, pulizija li kien qed jaqdi dmirijietu ssawwat fis-Century Stadium waqt logħba bejn Żebbuġ R u Gozo F.C. li ġiet ukoll abbandunata x-xahar li għadda? Minbarra dan tressqu jew se jitressqu xi nies oħra li ġġieldu, waddbu oġġetti, fost ħwejjeġ oħra waqt l-istess logħba?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fil-logħba tal-futboll li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant, il-pulizija żammet tnejn minn nies għal investigazzjoni u resqithom quddiem il-Qorti fuq akkużi dwar dawn l-inċidenti.

Eżamijiet tal-MATSEC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti mqassma f’subien u bniet, li bħalissa qed joqgħodu għall-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell avvanzat u dak intermedjarju separatament? Tista’ tgħid kemm minn dawn l-istudenti kienu minn skejjel tal-gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti? Tista' tgħid ukoll għal liema suġġetti qed joqogħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta' studenti li applikaw biex joqgħodu għall-eżamijiet tal-Avvanzat u dak Intermedjarju f'Mejju 2008 huwa 3,706, li minnhom 1,513 huma subien u 2,193 huma bniet. L-istudenti li qagħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC minn skejjel differenti kienu mqassmin hekk: Statali 2,098 Tal-Knisja u Indipendenti 366 Studenti Privati 1,242 Is suġġetti li qagħdu għalihom huma; Fil-livell Intermedju: Malti, Għarbi, Ingliż, Franċiż, Grieg, Taljan, Latin, Ġermaniż, Russu, Spanjol, Accounting , Ekonomija, Marketing , Storja, Ġografija, Filosofija, Reliġjon, Soċjoloġija, Matematika Applikata, Matematika Pura, Bijoloġija, Kimika, Fiżika, Xjenza Ambjentali, Arti, Mużika, Computing, Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Eng. Draw & Graph. Comm ., Home Economics u Oqsma ta’ l-Għerf. Fil-livell Avvanzat: Malti, Għarbi, Ingliż, Franċiż, Grieg, Taljan, Latin, Ġermaniż, Russu, Spanjol, Accounting , Ekonomija, Marketing , Storja, Storja, Ġografija, Filosofija, Reliġjon, Soċjoloġija, Matematika Applikata, Matematika Pura, Bijoloġija, Kimika, Fiżika, Arti, Mużika, Computing, Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Engineering Drawing , Graphical Communication u Home Economics .

Facilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’nies miżmuma fil-Facilita’Korrettiva ta’ Kordin u li qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs? Kemm hemm minnhom li kienu sentenzjati għal għomorhom u li b’hekk mistennija jibqghu l-ħabs sal-mewt? Dawn huma kollha Maltin? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm nies miżmuma l-ħabs li m'humiex sentenzjati? Kemm minn dawn huma barranin u ta’ liema nazzjonalita’?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li n-numru totali ta' priġunieri miżmuma fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin hu ta' 413. Minn dawn hemm 8 priġunieri sentenzjati għal għomorhom, li ħamsa minnhom huma Maltin. In-numru ta' priġunieri li ma humiex sentenzjati huwa ta' 136, li minnhom hemm 76 Malti u 60 barrani, li ġejjin minn dawn il-pajjiżi:- Amerika, Brażil, Ingilterra, Bulgarija, Kanada, Chad, Ċina, Olanda, Estonja, Franza, Germanja, Guinea, Ungerija, Libja, Liberja, Malażja, Messiku, Niger, Niġerja, Palestina, Panama, Somalja, Sudan, Sirja, Tuneżija u Turkija.

Studenti fil-Junior College

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom? Kien hemm min tkeċċa? Jekk iva, għal liema raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li n-numru ta’ studenti li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College f’din is-sena skolastika: Bniet Subien 900 585 Numru ta’ studenti li telqu mill-istudji tagħhom matul is-sena skolastika: Bniet Subien 52 64 Ma kien hemm ebda student li tkeċċa matul din is-sena.
Leg 11 PQ #1266 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Agenzija Sedqa — Action plan

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana jekk l-Aġenzija Sedqa ipprezentatx lill-Ministeru tiegħu b'action plan' sabiex jiġi mplimentat biex jonqos drastikament l-użu ta' l-alkoħol fost iż-żgħażagħ u t-tfal? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-'action plan' propost minn din l-Aġenzija? Xi twettaq s’issa minn dan il-pjan ta' azzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fl-2001 l-Aġenzija Sedqa, flimikien mal-Health Promotion Unit fil-Ministeru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, kienu ippreżentaw abbozz ta’ politika nazzjonali dwar l-alkoħol lil diversi Ministeri u lill-Kelliemi ta’ l-Oppożizzjoni dwar Affarijiet Soċjali. Dan kien jinkludi, fost affarijiet oħra, proposti ta’ tibdil fil-liġi li tirregola l-konsum ta’ l-alkoħol minn minuri, li sussegwentement gie attwat permezz ta’ emendi fil-kodici tal-Liġijiet tal-Pulizija fl-l-2007. Minn dak iż-żmien ’l hawn ġie deċiż li r-responsabilita’ ta’ tifsil ta’ policies dwar is-suġġett tgħaddi f’idejn il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuz tad-Droga, l-Alkoħol u Vizzji Oħra, flimkien mad-Direttorat għall- Policies u l-Implimentazzjoni ta’ Programmi. Ta min jgħid li Sedqa regolarment tagħmel kampanji fil-mezzi tax-xandir bil-għan li tikkumbatti dan l-abbuż. Sedqa għandha wkoll programmi estensivi u elaborati fl-iskejjel primarji u sekondarji biex jedukaw tfal u żgħażagħ kontra l-abbuż ta’ sustanzi perikolużi għas-saħħa, inkluż l-alkoħol.

Studenti fil-Higher Secondary

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom qabel ma ntemmet is-sena skolastika? Kien hemm xi studenti li tkeċċew? Jekk iva, għal liema raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ studenti, subien u bniet li daħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi f’din is-sena skolastika huwa ta’ 1638. (Subien - 716/Bniet – 922) It-total ta’ studenti li rriżenjaw huwa ta’ 173, filwaqt li ma kien hemm ebda tkeċċija. In-numru ta’ dawk li twaqqfu formalment wara li ma baqgħux jattendu (terminations) kien ta’ 57.
Leg 11 PQ #1268 Sitting 24 2008-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Aġenzija Appoġġ — Social workers

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 729, jista' l-Ministru jindikalna f'dawn l-aħħar tliet snin, kemm kienu l-każijiet li ġew riferuti mill-Assessment Team tal-Facilita' Korrettiva ta' Kordin lill-Aġenzija Appoġġ? Sar pjan ta' azzjoni ma' kull każ fejn f'dan il-pjan ta' riabilitazzjoni jkun hemm involut il-priġunier? Kemm kien hemm familji ta' priġunieri f'dan il-perjodu li sabu għajnuna minn servizzi oħra ta' l-Aġenzija Appoġġ u mhux dak li x-xogħol prinċipali tagħha hu mal-priġunieri? Għaliex ix-xogħol soċjali ma' dawn il-familji ma jsirx mill-istess social workers li qed jaħdmu mal-priġunieri li l-każ tagħhom ġie riferut mill-Assessment Team?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li bejn l-2005 u l-2007 kien hemm madwar 56 każ, riferut mill-Assessment Team indikat, lill-ħaddiema soċjali fl-Appoġġ. Fl-2007 il-ħaddiema soċjali ta’ Appoġġ kienet qed taħdem ma’ madwar 40 minn dawn il-każijiet Dan in-numru jinkludi każijiet ‘long term’ li jibqħu miftuħa fuq diversi snin. Il-priġunieri dejjem ikunu nvoluti f’kwalunkwe pjan ta’ azzjoni dwarhom. Ninsab infurmat ukoll li mhux dejjem hu possibbli jew professjonalment indikat li jkun l-istess ħaddiem soċjali li jaħdem mal-priġunieri u l-familji tagħhom.

Football Malti — Ħlas lill-Pulizija

Question

Issa li ntemm l-istaġun tal-football Malti, jista' l-Ministru jgħid kemm f'somma totali għandhom jieħdu l-pulizija għal xogħol li għamlu waqt logħob tal-football fid-diversi stadiums f'Malta u Għawdex separatament? Meta sar l-aħħar ħlas?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li s-somma totali li għandhom jieħdu l-pulizija għal xogħol li għamlu waqt il-logħob tal-futbol fid-diversi stadia tammonta għal €40,162.11, (€36,335.87 huma dovuti ghall-loghobiet f'Malta u €3,826.24 f’Ghawdex). Infurmat ukoll li l-aħħar ammont li tħallas kien ikopri sa Frar ta’ l-2008 fil-każ ta’ Malta u sa Novembru ta' l-2007 fil-każ ta’ Għawdex.

Timber Carriers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Gvern sabiex jieħu l-flus dovuti mill-gvern Russu dwar timber carriers li kienu mibnija għall-kumpannija Sudoimport? Kemm huwa l-ammont li huwa dovut lil Malta? Ġie jew qed jiġi kkunsidrat li minflok ma jingħataw flus jsir ftehim u pajjiż jingħata ħwejjeġ oħra li huma meħtieġa għall-pajjiż?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Bini ta' skejjel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 77 dwar bini ta' skejjel, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-prijoritajiet edukattivi għas-sentejn li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-prioritajiet edukattivi jinkludu l-bini u r-refurbishment ta’l-iskejjel biex jitwaqqfu l-Kulleġġi ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat. Ninsab infurmata li l-pjanijiet dwar bini ta’ skejjel għas-sentejn li ġejjin jinkludu t-tkomplija ta’ bini ta’ tliet skejjel ġodda li għaddej bħalissa, il-bidu ta’ bini ta’ skola ġdida fil-Mosta u r-refurbishment ta’ numru ta’ skejjel li l-aktar għandhom bżonn.

Shooting Federation Maltija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se tinżamm il-wegħda li saret fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti li jibnew ranges ġodda għall-użu tax-Shooting Federation Maltija ħalli b'hekk ikunu jistgħu jiġu organizzati kompetizzjonijiet ta' natura internazzjonali li jattiraw numru kbir ta' kompetituri u mhux biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 231.

Zona Schengen

Question

Wara li Malta ilha xi xhur fiz-zona Schengen, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'tip ta' lmenti rċieva l-gvern jew d-dipartiment u kif qed taħdem is-sistema b'mod ġenerali? X'tip ta' ftehim hemm ma' pajjiżi oħra ħalli jagħtu l-għajnuna tagħhom lil pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-sistema ta' l-applikazzjoni tal-visa. Bla dubju, minkejja l-preparamenti li jsiru minn qabel, xorta jibqa element ta' rfinar li jsir wara li tibda titħaddem is-sistema. Dan jirriżulta f'ilmenti li jistgħu jiġu ndirizzati f'qasir żmien biex b'hekk l-affariet jirranġaw. Hemm ilmenti oħra pero li jirrigwardaw żieda qawwija fil-kapaċita amministrattiva bħal per eżempju n-nuqqas ta' Konsolati Maltin f'ċerti pajjiżi terzi u l-fatt li m'għadux possibli li tinħareġ "visa at the border". L-ilmenti li jirriżultaw minn dan l-istat ta' fatt trid aktar żmien biex issolvihom, aktar analiżi u ħsieb ta' wieħed x'jista u ma jistax jagħmel, u fuq kollox aktar flus. Minkejja dan, sabiex ittaffi kemm jista' jkun dawn iż-żewġ problemi, l-Ministeru, grazzi għall-għajnuna ta' l-awtoritajiet Taljani, Awstrijaċi u Spanjoli qed juża l-Konsolati ta' dawn il-pajjiżi sabiex jinħarġu visas għall-Malta minn 90-il pajjiż fejn Malta m'għandhiex Ambaxxata jew Konsolat. Minbarra dan, saru diġa u qed ikomplu jsiru arranġamenti biex, f'pajjiżi b'territorju kbir, jiġu ngaġġati intermedjarji (aġenti ta' l-ivjaġġar) biex ikunu huma li jieħdu ħsieb iwasslu l-applikazzjonijiet għall-visas u d-dokumentazzjoni meħtieġa lil eqreb Ambaxxata jew Konsulat Malti (li ma jkunx onorarju). B'mod ġenerali, s-sistema ta' l-ipproċessar tal-visa tibda billi l-Ambaxxati Maltin idaħħlu fis-sistema kompjuteriżżata l-applikazzjoni tal-visa wara li tkun saret verfikazzjoni tad-dokumenti u interview żgħir ma' l-applikant. Meta l-applikazzjoni tintbagħat elettronikament mill-Ambaxxata din tasal l-ewwl għand is-Central Visa Unit u hemmekk jibda proċess elettroniku ta' approvazzjoni minn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern. Ir-risposta terġa fl-aħħar tasal għand l-Ambaxxata kkonċernata biex din toħroġ il-visa.
Leg 11 PQ #894 Sitting 16 2008-06-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Facilitators

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm Learning Support Assistants (facilitators) ġewwa Għawdex u f'liema skejjel qegħdin? Kemm hemm tfal li ġew statemented u f'liema skejjel jinsabu? Kemm ġew impjegati LSAs xahar b'xahar minn Settembru 2007 sa Mejju 2008?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Nterpellant li ma gie impjegat hadd mill-Ministeru ghal Ghawdex bhala LSA minn Settembru 2007 sa Mejju 2008.