Legislature:
Category:
Reset
Active:

Supply Teachers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ċerti supply teachers hux qed jiġu msejħa sabiex jgħallmu għal ftit minuti biss kuljum, jew skont il-ħtieġa, xi drabi anke għal 30 minuta jew siegħa waħda biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għalliema supply fis-settur primarju jiġu mpjegati biex jimlew vakanzi li ma jkunux jistgħu jimtlew b’għalliema oħra regolari. Dawn l-għalliema jkunu mal-klassi l-jum kollu. Fis-sezzjoni sekondarja għalliema supply jingħataw numru ta’ lezzjonijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ l-għalliema supply li qed jimlew vakanzi fl-iskejjel sekondarji ta’ l-istat li turi l-ammont ta’ lezzjonijiet fil-ġimgħa li dawn jagħtu.

Investiment barrani

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar kif kien maqsum l-investiment barrani ta’ €417 miljun fl-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet u liema kienu dawk il-kumpanniji li għamlu dan l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Diskussjonijiet Bejn Malta u Brażil — Kumpanniji li joperaw fiż-żewġ pajjiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss ma’ delegazzjoni Brażiljana li xi ftit tal-jiem ilu kienet f'pajjizna? Jista’ jgħid jekk hemmx prospetti pożittivi għall-ħidma bejn Malta u l-Brażil u kumpanniji rispettivi li joperaw fiż-żewġ pajjiżi?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bulebel — Sptar privat ġdid

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sorvelja għamlet u qed tagħmel is-Sovritendenza fis-sit fejn ser jinbena sptar privat ġdid f'Bulebel? X’instab meta s-Sovritendenza għamlu l-analiżi tagħhom fuq dan is-sit li għandu jew jista’ jkollu relevanza storika kbira?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ sptar privat f’Bulebel, limiti taż-Żejtun, kien sorveljat mill-bidu minn arkeologu ikkwalifikat u approvat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Din is-sorveljanza saret skond il-kundizzjonijiet tal-permess maħrug mill-MEPA għall-dan l-iżvilupp. Kien waqt din is-sorveljanza li ħarġu l-fdalijiet ta’ żewġ oqbra antiki. Is-Sovrintendenza intervejniet minnhufih u ssospendiet dan l-iżvilupp sabiex dawn il-fdalijiet setgħu jigu spezzjonati u evalwati. Minnhufih ordant li jisiru skavi aktar estensivi tas-sit kollu. Dan ix-xogħol għadu u ser ikompli għaddej u qed isir taħt is-sorveljanza tas-Sovrintendenza. Kien b’riżultat ta’ dawn l-iskavi tas-Sovrintendenza li s’issa nstabu b’kollox fdalijiet ta’ tlettax-il qabar maqtugħ fil-blat. Dawn l-oqbra huma tal-perjodu Puniku u dak Ruman. L-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-qobra ivarja minn wieħed għall-ieħor.

Attard — Triq fi stat diżastruż

Question

Jista' l-Ministru jara li malajr kemm jista' jkun tiġi asfaltata t-triq li minn Ħ'Attard tagħti għal Pitkali peress li din hija fi stat diżastruż u tintuża minn bdiewa, xerrejja, nies li jattendu għall-football kif ukoll familji li meta jkun temp sabiħ imorru bil-familja f'Ta' Qali? Jista' jara wkoll li l-ħofor kbar li żviluppaw wara l-aħħar xita fid-dawra li hemm bejn fejn jittajjru l-ajruplani żgħar sal-Stadium Nazzjonali f'Ta' Qali, jimtlew?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT għamlet spezzjoni tas-sit in kwistjoni u inkludiet ix-xogħol ta tiswijiet meħtieġa fil-programmi tagħha ta' xogħolijiet ta manutenzjoni ta' toroq li jiġi esegwit meta jkun hemm il-fondi neċessarji.

Rabat — Triq Santa Rita - Fdalijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi fdalijiet instabu fis-sit li qed isir xi xogħol fih li jinsab fi Triq Santa Rita, fir-Rabat Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-2008 instabu fdalijiet arkeoloġici fi Triq Santa Rita fir-Rabat waqt xogħol ta’ kostruzzjoni approvat mill-Awtorita Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar. Dawn ix-xogħolijiet kienu qed ikunu sorveljati minn arkeologu approvat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u skond il-kundizzjonijiet tal-permess tal-iżvilupp. Dawn ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni kienu mwaqqfa mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali sabiex issir spezzjoni u evalwazzjoni ta’ dawn il-fdalijiet. Mill-ispezzjoni ta’ dan is-sit ġie stabbilit li kienu nstabu fdalijiet ta’ qtugħ fond fil-blat. Dan il-qtugħ jista’ jkun parti minn foss tad-difiża ta’ mas-swar tal-belt antika ta’ Melita. Dawn il-fdalijiet ġew protetti skond il-liġi tal-Patrimonju Kulturali u skond il-liġi tal-Ippjanar għall-Izvilupp. L-iżviluppatur ġie mġiegħel ibiddel id-disinn tal-kostruzzjoni minn kif kien oriġinarjament approvat mill-MEPA, sabiex dawn il-fdalijiet ikunu ippreservati.

Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jghid x’inhu n-numru ta’ karozzi tal-linja li qed joperaw bħalissa? Kemm minnhom ġew impurtati f’dawn l-aħħar ħames snin? Xi pjani hemm biex jigu mpurtati aktar karozzi tal-linja biex jieħdu post dawk qodma? X’għajnuna se jagħti l-Gvern lis-sidien li jridu jixtru karozzi ġodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni jaħdmu mas-Sovritendenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu mas-Sovritendenza u x’inhu x-xogħol tagħhom? Hemm xi ħsieb li jiżdiedu aktar nies ma’ din l-entita`?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm 6 persuni jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Ix-xogħol tas-Sovrintendenza huwa deskritt f’KAP 445 tal-liġijiet ta’ Malta. Apparti dawn id-doveri, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali hija wkoll responsabbli biex tesegwixxi l-Poteri Speċjali tal-Istat fil-qasam tal-wirt kulturali. Bħalissa qed isir xogħol ta’ capacity building fis-Sovrintendenza, li fost diversi obbjettivi hemm ukoll l-impjieg ta’ uffiċjali ġodda.
Leg 11 PQ #6514 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklamar ta' Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jghid jekk il-Gvern hux qed jieħu ħsieb li jirriklama lil Malta bħala post għal għanijiet speċifiċi bħal turiżmu sportiv, dak reliġjuz u anke għal dawk li huma nteressati fil-fortifikazzjonijiet? Japprezza l-Prim Ministru li dawn jistgħu jgħinu biex iżidu konsiderevolment in-numru ta’ turisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-istrateġija tal-marketing tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħraf il-ħtieġa li sabiex Malta tattira l-aktar interessi wiesgħa ta’ turisti lejn Malta, huwa meħtieġ li jintlaqtu l-interessi kollha li kapaċi jissodisfa l-prodott Malti. It-tliet oqsma msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma ftit minn fost ħafna li jiġu promossi mill-MTA. Il-marketing tal-prodott Malti huwa wieħed sofistikat ħafna u ma jikkonsistix biss minn reklamar. Ir-reklamar fil-fatt huwa ħolqa waħda f’katina ta’ attivitajiet li tinkludi wkoll relazzjonijiet pubbliċi, l-użu ta’ midja elettroniċi, l-użu ta’ newsletters elettroniċi fi ħdan il-customer relationship management u mezzi diretti oħra li permezz tagħhom nilħqu l-klijenti prospettivi tagħna. Huwa bis-saħħa ta’ din l-istrateġija li jirnexxielna nifirxu l-istaġjonalita’ tagħna u niġbdu d-diversità ta’ turisti li jirnexxielna nġibu kull sena.

Malta Enterprise — Għajnuna minn kumpanniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal għajnuna minn kumpanniji quddiem il-Malta Enterprise biex jiftħu f’Malta jew f'Għawdex? X’tip ta’għajnuna ntalbet? Liema xogħol qed jiġi proġettat li jsir?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-Malta Enterprise għandha 48 applikazzjoni li qegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni. L-għajnuna li qed tiġi mitluba tinkludi - Fabbriki - Art Is-setturi huma varji u jinkludu: Riċiklaġġ, soluzzjonijiet ambjentali, ikel, farmaċewtika, għamara u tiswija ta’ karozzi.
Leg 11 PQ #6195 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' fabbriki

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini ta’ fabbriki ġodda u għall-estensjoni ta’ fabbriki f’Malta u Ghawdex? Kemm ilha pendenti kull applikazzjoni? Minn min saret?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha tmienja u erbgħin (48) applikazzjoni għall-bini jew estensjonijiet ta' fabbriki f'Malta u Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi lista ta' dawn l-applikazzjonijiet bid-dettalji mitluba. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta waħda mill-kliem "fabbrika", "fabbriki", "factory", "factories", "manifattura", "manufacture".

Studenti fi skejjel tal-istat — Spiża

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża li saret fis-sena skolastika 2007 - 2008 ta' kull ġurnata għal kull student li attenda skola primarja jew sekondarja fl-iskejjel ta' l-istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ispiża ta’ kull ġurnata għal kull student li attenda skola primarja jew sekondarja fl-iskejjel ta’ l-istat kienet ta’ €17.93 u €19.90 għas-snin 2007 u 2008 rispettivament.

Ħal Qormi — Triq il-Mitħna - ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tissewwa l-ħsara li saret bil-maltemp fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi speċjalment fil-parti t’isfel tagħha li tinsab faċċata tax-showroom il-ġdida ta’ Joinwell?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ tiswija fejn ġie indikat sar nhar it-Tnejn 16 ta’ Frar.
Leg 11 PQ #6204 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Insib

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: - i) X'inhi r-raguni li l-Gvern waqqaf l-insib għall-gamiema, pluviera, summiena u mlievez meta dawn huma permessi li jiġu kkaċċjati u meta l-Kumitat Ornis qabel li l-insib ta' dawn l-ispeċi ma jikser l-ebda regolament Ewropew u l-Gvern jista' japplika deroga biex dan isir? ii) Skont il-ftehim mal-Unjoni Ewropeja, il-Gvern kellu jagħmel studju biex sal-aħħar tal-2008 jistabbillixi n-numru ta' għasafar tal-għana li jistgħu jiġu maqbuda mis-selvaġġ. Sar dan l-istudju? Jekk iva, ġie stabbilit kif u min jista' jaqbad dawn l-għasafar? iii) Jista' jgħid fiex wasal l-istudju li qed isir dwar il-migrazzjoni tal-gamiema u s-summiena? Kemm hemm nies /osservaturi li qed jieħdu sehem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #6508 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pilloli Amlodipine

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom out of stock il-pilloli tal-pressjoni Amlodipine tal-5mg? Jaf li dawn mhumiex jingħataw la mill-ispiżerija tal-għażla tiegħek u lanqas mill-kliniċi tal-gvern? Jaf l-Ministru li l-kliniċi tal-Gvern qed jagħtu l-istess pilloli iżda tal-10mg?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-pilloli Amlodipine 5mg qegħdin in stock. Kunsenja oħra mistennija fil-ġranet li ġejjin. Dawn il-pilloli kienu out of stock minħabba problemi fil-process tal-għoti tat-tender mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Sakemm jiġi konkluż dan il-process id-Dipartiment tal-Procurement [Taqsima tas-Saħħa] ħareġ sejħa oħra għall-offerti għal ammont fil-limitu Dipartimentali.

Timber carriers

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwistjoni tal-Vapuri Russi hija kwistjoni li l-Gvern Nazzjonalista WIRET mingħand il-Gvern Laburista ta’ qabel l-1987. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt għal dan ix-xogħol kien ingħata taħt il-Gvern Laburista ta’ qabel l-1987, li messu kien jaf x’kapaċita kellha l-Malta Drydocks dak iż-żmien biex tonorha f’tali kuntratt! Dokumenti illi rnexxielna nsibu minn sorsi oħra oltre dawk li suppost kellhom fil-METCO, (għaliex dawn bejn l-1996 u l-1998 misterjożament ma nstabux jew intilfu mal-waqa tal-Gvern Laburista bħalma ġara wkoll lil dokumenti tal- Malta Drydocks u tal- Malta Shipbuilding ) hemm dokumentat illi l-figuri proposti mill-Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-1996, u cioe US$32M, lanqas biss kellhom it-tama illi jinġabru! Dan qed nissostanzjah b’dokument illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fejn f’ meeting li sar fl-uffiċju tal-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien, l-Onorevoli Leo Brincat, kien diġa ntwera d-dubju li dawn il-flejjes għad qatt jinġabru (kemm il- loan repayments fuq il-vapuri kif ukoll dawk tal- Countertrade ). Dan kollu kien kurrenti tiegħu l-ex-Prim Ministru Alfred Sant. Ir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, u cioe’ dik imwieġba minn Ministru ieħor, ingħatat fl-2004. Sa dak iż-żmien, b’mod matematikament reali, l-figuri mogħtija kienu figuri li l- Malta Drydocks kienet qed titlob. Dawn l-ammonti ma kinux qed jieħdu inkonsiderazzjoni l-bejgħ tas-sitt vapuri illi sar mill-amministrazzjoni Laburista fl-1997, liema ammont xorta f’termini reali kien għadu dovut. Minn dakinhar sa Frar 2007, saru diversi tentattivi u negozjati twal (kif diġa ġie spjegat lilu fir-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1299) sabiex il-Gvern Malti jirkupra xi flejjes. Sabiex jintlaħaq xi ftehim, il-kumpanija Russa talbet illi jitnaqqsu mis-somma dovuta l-ammont ta’ US$34.725M (liema ammont jirriżulta li kien dħul nett mill-bejgħ ta’ sitta mill-vapuri lil kumpaniji terzi). Fuq il-bilanċ, f’dan l-istadju, saru aktar negozjati bejn iż-żewġ partijiet, kif ukoll id- Deutsche Bank għal- factoring tal-ammont dovut. Kif ġa spjegajt, id-Deutsche Bank għadda lil Gvern Malti s-somma ta’ US$9M bħala full and final settlement . Is-somma ta’ interessi msemmija kienet ġiet innegozjata ma’ flus mitluba mill-kumpanija Russa f’penali ta’ late deliveries ta’ żewġ vapuri, kif ukoll non-deliveries tas-sitt vapuri l-oħra. Il-Protokolli msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma ftehim ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi u mhux xi għotja ta’ flus. Mill-Protokoll iffirmat fl-1992, li huwa kontinwazzjoni u binja fuq dawk ta’ qablu, jirriżulta illi l-kummerċ miftiehem li kellu jsir u li kien qed isir bejn Malta u l-Unjoni Sovjetika, ġie fi stadju illi max-xoljiment ta’ l-istess Unjoni Sovjetika, kien hemm xogħol maħdum jew meqjus li qed jinħadem mill-kumpaniji Maltin illi spiċċa fil-Port Ħieles u f’Port fi Vienna (xogħol li kien telaq minn Malta fl-era ta’ l-Unjoni Sovjetika, u wasal fir-Russja wara li xoljiet l-Unjoni). Għaldaqstant dan irriżulta f’bilanċ li Malta kellha tieħu fuq il-merkanzija kif ukoll fi ħlasijiet li kellhom isiru lill-port fi Vienna. Saru negozjati twal bejn il-Ministeri Maltin u dawk Russi (li kienu marbuta wkoll ma dawk tal-Vapuri Russi). Peress li l-Gvern Russu qatt ma ried jirrikonoxxi dawn id-djun, ġie deċiż li d- Deutsche Bank jassisti lill-Gvern Malti, billi daħal ukoll għad-dejn tal-Kumpanija Russa. Riżultat ta’ dan, Malta rkuprat mid- Deutsche Bank is-somma ta’ US$6M oħra. Ninsab infurmat li sal-lum, id- Deutsche Bank għadu lanqas ġabar sold mingħand il-Gvern Russu, la fuq il-vapuri u lanqas fuq il-Protokoll mar-Russja.

Timber carriers Russi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3541 u cioè: b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3541.

Timber carriers Russi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 4816 u 3541 u cioè: b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3541.

Malta Enterprise — Ftehim mal-inkwilini tal-fabbriki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ ftehim għandha l-Malta Enterprise mal-inkwilini tal-fabbriki fl-industrial estates kollha? Jista’ jgħid kemm hemm kirjiet, ċnus u xi forom oħra ta’ ftehim?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise ma tallokax fabbriki fl-Oqsma Industrjali. Din il-funzjoni hi eżerċitata mill-Malta Industrial Parks Limited. Hemm diversi tipi ta’ ftehim, l-iktar komuni huma kirjiet, ċnus u konċessjonijiet enfitewtiċi. Sal-lum hemm: Kuntratti ta’ Kera: 98 Konċessjonijiet Enfitewtiċi: 200 Permessi ( Encroachment ): 29 Hemm 348 letter of intent jew ittra ta’ allokazzjoni li għad iridu jimmaterjalizzaw f'kuntratti ta’ kera jew ċens. Hemm ukoll żewġ kuntratti li jagħtu l-possibilita li jsir ftehim ta’ kera.

Timber carriers Russi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 5340, 4816 u 3541 u cioè: b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3541.