Jista’ l-Minsitru jgħid fuq liema toroq ġodda fid-diversi bliet u rħula sar xogħol ta’ kisi ta’ tarmac fl-ewwel erba’ xhur ta’din is-sena finanzjarja? F’liema lokalitajiet? Kemm swiet kull waħda? Xi programm hemm għall-kumplament ta’din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara li jsir xi ħaġa biex fl-Isptar Mater Dei ma jibqax jkun hemm kjuwijiet biex jinġabru il-mediċini waqt il-ħin stipulat kif ukoll biex jinġabru wara l-ħin? Jaf li jkun hemm anzjani li jkollhom joqgħodu bil-wieqfa għal żmien twil minħabba f’hekk?
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-pjan tal-Gvern għal iskema l-Ispizerija tal-Għażla Tiegħek? Meta se titkompla? Liema huma dawk il-bliet u l-irħula li bħalissa qed topera din l-iskema?
Tikkonferma l-Ministru li qed ikun hemm nuqqas ta’għalliema fl-iskejjel primarji tal-Gvern? Tikkonferma ukoll li hemm pjan biex dawk li bħalissa qed jgħallmu il-physical education fil-primarji se jiddaħħlu biex jgħallmu fil-klassijiet bħala class teachers fil-primarji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jimpjega Supply Teachers biex jimlew il-vakanzi li jkun hemm fis-settur primarju. Ma jirriżultax li hemm xi pjan biex jitneħħew xi għalliema mis-servizzi peripatetiċi inkluż dak tal-Edukazzjoni Fiżika biex jintbagħtu jgħallmu fl-iskejjel primarji. Bħalissa qed joħorġu sejħiet interni għal għalliema biex jagħtu servizz f’oqsma varji inkluż fis-settur peripatetiku fl-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel primarji.
Tista’ l-Ministru tara li malajr kemm jista' jkun jintgħażel Kap ta’ skola għal Junior Lyceum Carlo Diacono fiż-Żejtun? Taf li l-iskola ilha mingħajr tmexxija adegwata għal diversi xhur u b’hekk qed tbati l-amministrazzjoni u it-tmexxija ġenerali tal-iskola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kap tal-Liċeo tal-Bniet, Kulleġġ San Tumas More, Żejtun, intagħżlet u diġa bdiet tmur l-iskola biex tieħu l-handing over.
Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk il-proġetti li bdew jew hu maħsub li se jibdew sal-aħħar ta’din is-sena fil-pjan għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta? Kemm hu stmat li se jintnefaq fuq dawn il-proġetti f’din is-sena finanzjarja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li fid-diskors tiegħu lill-kunsill ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħadd 17 ta’ Mejju l-Ministru qal li jrid jinvestiga għaliex il-prezzijiet fir-ristoranti għolew bi kwazi 12 % f’xahar u dan minn Marzu sa April 2009, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif se jinvestiga? Huwa konxju li l-prezzijiet fir-ristoranti jistgħu jirriflettu l-għoli fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, ż-żieda fil-prezz tal-laħam impurtat kif ukoll ħwejjeg oħra li ilhom jogħlew għal xhur sħaħ?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid il-flus li ngħataw f'għajnuna mill-Malta Enterprise lil numru ta' kumpanniji li sabu ruħhom fid-diffikultajiet tant li kienu qed jaħdmu b'ġimgħa mnaqssa ta' erbat ijiem fil-ġimgħa, minn liema baġit ħarġu? Huwa possibbli li b'mod kumplessiv jgħid kemm huwa dan l-ammont? Jekk le, jista' jagħti l-ismijiet tal-kumpanniji li ġew mgħejjuna?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8236.
L-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Malta Enterprise lil numru ta' kumpanniji li sabu ruħhom fid-diffikultajiet tant li kienu qed jaħdmu b'ġimgħa mnqassa ta' erbat ijiem fil-ġimgħa, ħarġu mill-Vot tal-Incentivi tal-Malta Enterprise.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali li għandhom jitħallsu f’kontijiet tad-dawl u ilma minn fabbriki li joperaw minn Malta u Ghawdex? Kemm hemm li ilhom aktar minn sena li ħallsu xi kont u kemm ilhom aktar minn tliet snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-kategorija ta' klijenti li qed jirreferi għaliha mhiex kategorija distinta fil-ħdim tal-kontijiet (bħal m'huma per eżempju il-kontijiet residenzjali) ma nqisx li nista' nipprovdi l-informazzjoni li qed jitlob mingħajr il-permess tal-klijenti infushom. Dawn għandhom relazzjoni purament kummerċjali ma' l-Enemalta u allura hu fin-natura ta' din ir-relazzjoni li l-informazzjoni li ssir magħrufa lill-Enemalta tkun trattata b'rispett għall-kunfidenzjalita'.
Jista’ l-Ministru jgħid kif jista’ jiġġustifika ż-żieda fil-prezzijiet tal-fuel mill-1 ta’ April 2009 meta l-prezzijiet fis-suq internazzjonali għadu baxx? Jista’ jgħid ukoll x’impatt se jkollu fuq l-industrija li għaddejja minn żminijiet diffiċli? Kif jissostanzja l-fatt li waqt li l-Gvern qed jgħin lil industriji li qegħdin f’diffikultà jkompli jżidilhom il-piżijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Kuntrarju għal dak li qed jaħseb l-Onor Interpellant, il-prezz ta' "fuels" (ie petrol u diesel) żdiedu fi Frar u f'Marzu fis-swieq internazzjonali u mhux naqsu!
Għalekk kienet meħtieġa żieda fil-prezz lokali għaliex kuntrarju għall-bakketta maġika li l-Partit Laburista jippretendi li għandu meta l-prezz taż-żjut jgħola fis-swieq internazzjonali irid jogħla hawn Malta ukoll!
L-Onor Interpellant forsi nnota li f'Mejju ma saritx reviżjoni oħra tal-petrol u d-diesel imma l-prezz baqa' l-istess. Dan seħħ għaliex il-prezz internazzjonali ma ċċaqlaqx f'April u allura l-anqas ċċaqlaq f'Malta.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu nispera li l-Onor Interpellant mhux jissuġġerixxi li nissusidjaw il-fuels lill-industrija għaliex naħseb jaf illi dan hu kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u illegali. Jekk jidhirlu li xorta għandna nagħtu dan is-sussidju nkun kurjuż ħafna nkun naf mill-but ta' min għandu jiġi dan is-sussidju?
Port il-Kbir — Bini ta' pont għal fuq il-breakwater
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-pjan biex jinbena l-pont għal fuq il-breakwater li kien twaqqa' fil-gwerra? Jista' jgħid kemm huwa stmat li se jiswa? X’użu se jsir minnu? Se jkun aċċessibli għall-pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Marittima bħalissa qed tiffinaliżża it-tender għad-disinn u l-bini ta’ dan il-pont. Il-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar 2.5 miljun ewro u hu mistenni li jkun lest sa l-2010. Il-pont ser iservi sabiex jerga jgħaqqad il-breakwater mal-art u titnehha l-'eyesore' li hemm bħalissa. Ser iservi wkoll bhala attrazzjoni, kemm ghat-turisti kif ukoll għall-Maltin, minn fejn ikunu jistgħu jgawdu il-veduta panoramika tal-Port.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7266 u 5999 u jgħid meta huwa maħsub li jkunu allokati l-fondi meħtieġa lill-Awtorità dwar it-Trasport u f'liema prijorità tinsab din it-triq li tinsab fil-Fgura?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għalkemm ġew allokati fondi, x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant isir meta r-riżorsi jkunu jippermettu u meta jkunu mgħamula x-xogħolijiet ta' prijorita' ogħla.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7437, 7245, 6871, 5732, 5337, 4812 u 3539 u jgħid kemm huwa stmat li t-tneħħija tal-capping fuq dawl u ilma se tiswa lill-industrija globalment f'sena waħda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma hemmx mod kif dan il-kalkolu jista' jsir għax jiddependi mill-livelli futuri ta' konsum tal-klijenti nvoluti.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-57 kumpanniji li qal li fetħu f’dawn l-aħħar sitt xhur u li jaħdmu fil-qasam tal-ambjent? Jista jgħid x’inhi l-attivita` ta’ kull kumpannija u kemm qed tħaddem nies fil-preżent? Jista' jgħid ukoll jekk dawn il-kumpanniji ndikawx li se jkabbru fil-futur qarib? Jekk fl-affermattiv, jista’ jghid liema huma u kemm se jżiedu nies?
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raguni li l-kumpannija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx mgħejjuna mill-Gvern biex tevita li jkun hemm tkeċċijiet tal-ħaddiema?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise avviċinat hi stess lil din il-kumpanija sabiex tara hemmx lok fejn tista’ tgħin. Saru numru ta’ laqgħat fejn il-kumpanijia ġiet mistiedna tfassal pjan ta’ investiment li imbagħad seta’ jservi biex jiġi stabbilit bażi ta’ għajnuna. Jidher li minkejja dan, il-kumpanija xorta għamlet id-deċiżjonijiet tagħha. Minn naħa tagħna, id-diskussjonijiet mistennija jkomplu.
Nieħu l-okkażjoni li nerġa’ ntenni lill-Onorevoli Interpellant, li l-Gvern igħin biss f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn jidher li hemm prospetti ta’ sostenibbilita’ għal futur.
Jista' l-Ministru jara li l-Uffiċċju tal-Passaporti jaġġorna l-website u l-formoli flimkien mal-proċedura anke fl-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali minħabba li minn meta nbidlet il-procedura u l-formola għall-passaport għadha tidher l-antika kemm fuq il-website kif ukoll għand il-Kunsilli Lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi sew il-formoli li wieħed jakkwista mill-Uffiċċju tal-Passaporti kif ukoll il-formoli li hemm disponibbli fuq il-websajt, huma dawk aġġornati skont il-proċeduri l-ġodda.
Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ġie infurmat u l-Kunsilli Lokali jistgħu jistampaw il-formoli l-ġodda minn fuq is-sit www.passaporti.gov.mt u jgħadduhom lill-applikanti li jkunu jinħtieġuhom.”
Tista' l-Minsitru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinbena xi skola, primarja jew sekondarja fi ħdan il-Kullegg ta' San Nikola? Jekk fl-affermattiv, tista tagħti d-dettalji meħtiega?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed jiġu evalwati l-possibiltajiet kollha dwar l-iskejjel sekondarji fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola. Meta jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji dawn jiġu mħabbra lill-imsieħba kkonċernati.
Persuni li applikaw biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni biex jidħlu mal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar sejħa li kien hemm riċenti? Kemm kien hemm rġiel u kemm nisa? Kemm kien hemm applikanti li kellhom il-marka tal-Ingliż li kienet fi grad sitta (6)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 237 persuna, 194 irġiel u 43 nisa, li applikaw għal dħul ta' taħriġ għal kuntistabbli skont sejħa għal applikazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta' Marzu 2009. Minn dawn kien hemm 40 applikant li kellhom il-marka tal-Ingliż fil-grad 6.
Tista l-Ministru tgħid kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja ta' Wied il-Għajn li huma identifikati bħala illitterati jew għandhom diffikultajiet fil-qari u fil-kitba? Qed isir xi programm individwali jew lezzjonijiet fil-litteriżmu fi gruppi għal dawn l-istudenti? Jekk iva, kemm-il darba jsiru? Qed isiru programmi fuq il-ħiliet bażiċi bħal fil-matematika u fl-ICT?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Minn popolazzjoni ta’ l’fuq minn 620 student, hemm:
Tlett studenti bi bżonnijiet speċjali li huma lliterati u jsegwu Programm Individwali Edukattiv (IEP).
Tnejn u ħamsin student li għandhom livell differenti ta’ diffikulta’ fil-qari u fil-kitba u li jingħataw is-servizz tal-
Complementary
Teachers
.
Fl-ICT inħossu li m’għandniex tfal li għandhom problemi bażiċi marbutin ma’ dan is-suġġett; xhieda ta’ dan huwa l-involviment f’diversi proġetti u fil-wirja annwali li ttellgħet bejn l-20 u t-22 ta’ Mejju 2009.
Fir-rigward tal-matematika, l-għalliema jħaddmu l-prinċipju tat-tagħlim differenzjat fejn ikun hemm bżonn, ħalli t-tfal kollha jintlaħqu fid-diversita’ tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il klassi hemm fl-Iskola Primarja ta' Wied il-Għajn u kemm hemm studenti f'kull klassi, bniet u subien separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ klassijiet fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn huwa ta’ 20. In-numru ta’ studenti f’kull klassi, bniet u subien huwa kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.