Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konsultazzjoni pubblika li nżammet fl-2013 li ġabret l-aktar opinjonijiet dwarha

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienet il-konsultazzjoni pubblika li l-aktar li ġew riċevuti opinjonijiet dwarha matul is-sena 2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-portal www.konsultazzjoni.gov.mt beda jopera minn Mejju 2014. Għaldaqstant il-Ministeru m’għandux rendikont preċiż tal-konsultazzjonijiet pubbliċi li saru qabel ma twaqqaf dan il-portal. Mandanakollu hu ċar li l-gvern sa mill-bidu tal-leġislatura fl-2013, dejjem ikkonsulta bl-aktar mod wiesgħa qabel ittieħdu deċiżjonijiet, u dana bħala stil tal-politika tiegħu – Gvern li Jisma’.

Allowance għal persuni b’diżabilità severa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal allowance għal assistenza miżjuda għal diżabilità severa? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal assistenza miżjuda għal persuni b’diżabilità severa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex persuna tikkwalifika għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, irid li l-ewwel ikun jikkwalifika għall-Assistenza għal Diżabilità Severa skont kif stipulat fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali (Kap 318) u tkun iċċertifikata minn Bord Multi Dixxiplinarju li d-diżabilta` tagħha iżżommha lura milli tidħol fid-dinja tax-xogħol. Ir-rata fil-gimgħa ta’ din l-Assistenza hija ta’ €150 fil-ġimgħa.

Persuni b’diżabilità b’impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità b’impjieg, kull sena, bejn is-sena 2009 u s-sena 2019?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, in-numru ta` persuni b’diżabilità fl-impjieg fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn l-2009 u l-2018, u fl-aħħar ta’ Lulju 2019, huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt: 2009 - 2019 Persuni b’diżabilit à fl-impjieg Diċembru 2009 1,384 Diċembru 2010 1,495 Diċembru 2011 1,591 Diċembru 2012 1,699 Diċembru 2013 1,797 Diċembru 2014 2,007 Diċembru 2015 2,318 Diċembru 2016 2,850 Diċembru 2017 3,499 Diċembru 2018 3,578 Lulju 2019 3,713

Assistenza lil persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ħa u se jkompli jieħu sabiex jassisti persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus għandha diversi skemi li huma mmirati għall-persuni b’diżabilità li jixtiequ jsibu impjieg. Fost dawn l-iskemi u programmi ta’ għajnuna mill-Fond Nazzjonali u oħrajn iffinanzjati parzjalment mill-Unjoni Ewropea hemm: Il-Programm Sheltered Employment Training jipprovdi taħrig assistit għal persuni b’diżabilitajiet aktar severi bl-għan li jtejjbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati jissapportjaw lill-persuni li jattendu. Is-sena programm ta’ taħrig jinkludi ukoll perjodu f’ambjent reali tax-xogħol. Il-Pre-Employment Training huwa taħriġ speċifiku li jiffoka fuq ħiliet ta’ impjegabbilità, komunikazzjoni, soċjali, kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti. Dan it-taħriġ huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Korsijiet offruti huma; · Award in Pre-Employment Skills · Award in Life and Communication Skills · Award in Basic Clerical Training · Basic ICT Skills L-iskema tal-Bridging the Gap (BTG) toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat (skont il-bżonn). Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra l-employer ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħas-sick leave. L-Iskema t’Aċċess għall-Impjiegi (A2E), kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Gvern Malti, tipprovdi sussidju ta’ €125 fil-ġimgħa għal kull persuna b'diżabilità ġdida f’impjieg full-time għal 156 ġimgħa. Fil-każ ta’impjieg part-time jingħata sussidju pro-rata ta’ jew 20, 25 jew 30 siegħa fil-ġimgħa. Fl-impjieg ta’ persuni b’diżabilità kumpaniji (mhux governattivi) jistgħu jitolbu biex: · Jiġu eżentati mill-ħlas tal- kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità. · Jirċievu inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’diżabilità diġà mpjegata sa massimu ta’ € 4,500, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja. Barra mill-iskemi/programmi msemmija hawn fuq, il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) li ġiet imwaqqfa bejn Jobsplus u min iħaddem, tgħin lill-persuni b'diżabilità kif ukoll lil min iħaddem biex it-tnejn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn suq tax-xogħol aktar aċċessibbli u aktar differenti bl-għajnuna tal- job coaches. Il-Fondazzjoni għandha l-għan li ssib modi biex bihom tneħħi l-barrieri u tkabbar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'diżabilità. Il-Fondazzjoni tipprovdi servizz ippersonalizzat bi pjan t’azzjoni skont il-ħtieġa tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll servizz lil min iħaddem billi tassistih biex jimpjega persuni b’diżabilità permezz tal- job carving.

Konsultazzjonijiet pubbliċi li nżammu fl-2013

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi li saru matul is-sena 2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-portal www.konsultazzjoni.gov.mt beda jopera minn Mejju 2014. Għaldaqstant il-Ministeru m’għandux rendikont preċiż tal-konsultazzjonijiet pubbliċi li saru qabel ma twaqqaf dan il-portal. Mandanakollu hu ċar li l-gvern sa mill-bidu tal-leġislatura fl-2013, dejjem ikkonsulta bl-aktar mod wiesgħa qabel ittieħdu deċiżjonijiet, u dana bħala stil tal-politika tiegħu – Gvern li Jisma’.

Konsultazzjonijiet pubbliċi li nżammu fl-2014

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi li saru matul is-sena 2014?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Allowances għall-carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal allowance għall-carers? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal allowance għall-carers?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex persuna tkun tikkwalifika għall-Għajnuna għall-Carers, irid ikun idur b’qarib tiegħu il-ġurnata kollha u jgħix fl-istess dar ma’ l-anzjan/a u ma jkunx f’impjieg, skont kif elenkat fil-liġi tas-Sigurta` Soċjali (Kap 318). Ir-rata tal-benefiċċju hija ta €92.72 fil-ġimgħa u ma jsirx test tal-mezzi.

Hansens Disease – għoti ta’ għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ għajnuna tingħata lil min ibati minn Hansens Disease?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jbagħtu mill-Lebbra, huma intitolati għall-Għajnuna tal-Lebbra. Din l-għajnuna ma tkunx means tested u tammonta għal €36.58ċ fil-gimgħa.

Tuberikolożi — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ għajnuna tingħata lil min ibati mit-tuberkolożi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.i Interpellant lli persuni bit-Tuberkolożi, huma intitolati għall-Assistenza għat-Tuberkolożi, li ma tkunx means tested u li tammonta għall-€29.24ċ fil-ġimgħa. L-ispeċjalista tal-benefiċjarju, jiddetermina jekk il-persuna għadx għandha l-bżonn li tkun assistita mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali, rigward l-għotja fuq din il-kundizzjoni. Dan il-benefiċċju jingħata anke` jekk il-persuna li tbgħati mill-kundizzjoni msemmija, tkun f’impjieg.

Assistenza għal Diżimpjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ assistenza tingħata għal diżimpjieg?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex persuna tirċievi l-Assistenza għad-Diżimpjieg, trid tkun qed tirreġistra għax-xogħol taħt l-Ewwel Parti tar-Reġistru. Din l-Assistenza hija means tested u titla’ sa massimu ta’ €105.93ċ fil-ġimgħa, f’każ ta’ persuna waħedha u tiżdied b’€8.15ċ fil-ġimgħa għal kull membru ieħor fil-familja.

Allowance għal Persuni b’vista batuta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għall-allowance għall-persuni b’vista batuta? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal allowance għal persuni b’vista batuta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex persuna tkun eleġibbli għall-Assistenza għall- Vista Batuta, trid tkun iċċertifikata minn oftalmologu li l-vista tagħha hija tant baxxa, li ma tħallihiex twettaq xogħol fejn il-vista hija essenzjali. Din l-Assistenza tingħata mill-eta` ta’ 14- il sena u tammonta sa massimu ta’ €104.85` fil-ġimgħa. Meta persuna b’din il-kundizzjoni tagħlaq is-60 sena, r-rata titla’ sa massimu ta’ €114.18` fil-ġimgħa. Persuni li jbgħatu minn din il-kundizzjoni, jistgħu jkunu qed jaħdmu u d-dħul mix-xogħol ma jkunx ikkunsidrat fl-assessment illi jsir sabiex tingħata l-Assistenza.

Servizzi ta’ Foster Care –benefiċċji lil min jagħti servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli u jagħti elenku tal-benefiċċji u r-rati applikabbli għal allowance ta’ servizz ta’ foster care?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm familji kif ukoll istituzzjonijiet li jagħtu servizz ta’ fostering għandhom dritt għall-Foster Care Allowance. Tali allowance titħallas lill-kap tal-familja li jkollu l-affidament approvat skont l-Att dwar il- Foster Care , jew lill-Kap tal-Istituzzjoni li tkun iċċertifikata li qiegħda tieħu ħsieb tfal illi ma jkunux baqgħu jgħixu mal-familja/qraba tagħhom. Ir-rata imħallsa għal din l- allowance tammonta għal €100 fil-ġimgħa għal kull tifel jew tifla li qed jiġu fostered .

Tfal b’Diżabilità — allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal allowance għal tfal b’diżabilità? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal allowance għal tfal b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità, titħallas lill-familji li għandhom tfal li jkunu qegħdin jitħallsu allowance għat-tfal illi jkunu ċċertifikati li qegħdin isofru minn diżabiltà skont kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Ir-rata dovuta hija dik ta’ €20 fil-ġimgħa għal kull tifel jew tifla li jkunu ġew iċċertifikati li għandhom diżabilità skont kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurta` Soċjali, u li jissodisfaw l- assessment tal-bord mediku imwaqqaf bis-saħħa tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.

Allowances Supplimentari ta’ Ltim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal-allowance supplimentari ta’ ltim? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal Allowance Supplimentari ta’ ltim?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Allowance Supplimentari ta’ Ltim, titħallas lill- persuna li jkollha l-kura ta’ iben jew bint li jkollhom il-ġenituri mejtin u tal-inqas wieħed mill-imsemmija ġenituri jkun ċittadin Malti. Ir-rata fil-ġimgħa għal din l- allowance hija ta’ €106.85 għal kull iben jew bint taħt kura u titħallas bejn l-età ta’ 16-il sena u 21 sena.

Allowance tal-Istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal Allowance tal-Istudenti? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal allowance tal-Istudenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance tal-Istudenti, titħallas lill-familji li d-dħul annwali tagħhom ma jeċċedix il-€25,045 u li għandhom kura u kustodja ta’ tfal ta’ età bejn is-16 u l-21 sena, li jkunu qegħdin jattendu edukazjoni full-time mingħajr ma jirċievu stipendju jew jirreġistraw għax-xogħol għall-ewwel darba. Ir-rata mħallsa fil-ġimgħa tammonta għal €8.66 għal kull tifel jew tifla eleġibbli.

Allowance Supplimentari tat-Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal Allowance Supplimentari tat-Tfal? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal Allowance Supplimentari tat-Tfal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance Supplimentari ta’ €2.43 fil-gimgħa ma tingħatax biss lill-istudenti li jaħdmu imma anke lill-persuni oħra li jaqilgħu anqas mill-paga minima nazzjonali.

Allowance tat-Tfal għal Tfal Addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal Allowance tat-Tfal għal Tfal Addizzjonali? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal Allowance tat-Tfal għal Tfal Addizzjonali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance tat-Tfal għal tfal adddizzjonali, titħallas lill-familji li jkunu diġà qed jirċievu l-Allowance tat-Tfal, li jkollhom wild ġdid fil-familja. Għaldaqstant ir-rata li tkun diġà qiegħda titħallas għal kull wild fil-familja, tibda titħallas ukoll għall-wild ġdid. Ir-rati applikabbli jibdew minn €8.66 fil-ġimgħa sa massimu ta’ €24.08 fil-ġimgħa skont id-dħul annwali tal-familja.

Triq id-Dejma bejn il-Fgura u Bulebel – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jew l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu jaraw hux possibbli li ssir zebra crossing fi Triq id-Dejma bejn il-Fgura u Bulebel, fl-inħawi tal-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u dan sabiex ir-residenti tal-akkwata jkollhom iċ-ċans li jaqsmu b’anqas periklu?

Response (BORG, IAN)

Il-Gvern qed iwettaq investiment bla preċedent sabiex pajjiżna jilħaq il-mira nazzjonali li gradwalment ikollna infrastruttura tat-toroq tal-aqwa kwalità, b’aktar effiċjenza u sikurezza għal dawk li jużawha u bil-kapaċità u s-sistemi kollha meħtieġa biex b’mod sostenibbli tibqa’ twieżen il-progress soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna anke fil-futur. Infrastructure Malta mill-ewwel bdiet ħidma bla heda f’ħafna toroq f’kull lokalità. Minbarra proġetti kbar f’toroq arterjali, għaddejja wkoll bi programm ta’ ħidma ta’ titjib ta’ mijjiet ta’ toroq oħra, kemm residenzjali kif ukoll dawk fil-kampanja. Bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ madwar 120 triq residenzjali f’ħafna lokalitajiet differenti li se jsiru din is-sena bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun. Qed jiġu aġġudikati wkoll is-sejħiet għall-offerti għal kuntratt ieħor li permezz tiegħu Infrastructure Malta se tkun qed tibda tibni mill-ġdid 170 triq residenzjali oħra aktar tard din is-sena. Fl-istess ħin, l-aġenzija qed tagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt, kif ukoll qed twettaq programm ta’ manutenzjoni u tiswijiet ta’ ħafna toroq oħrajn li jkunu jeħtieġu li jsirilhom intervent urġenti sakemm jasal il-waqt biex dawn ukoll jinbnew mill-ġdid. L-intervent mitlub biex tiżdied is-sigurtà għar-residenti u kull min jivjaġġa bil-mixi fl-inħawi msemmija jinsab fil-pjanijiet tal-aġenzija sabiex isir fiż-żmien li ġej.