Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żoni Marittimi Mħarsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’progress qed isir fuq l-immaniġġjar ta’ żoni proposti bħala Żoni Marittimi Mħarsa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol għaddej fuq żewġ binarji: l-għażla ta’ Żoni Protetti fil-Baħar ġodda u l-immaniġjar tagħhom. Dwar siti protetti ġodda, qed tingħata attenzjoni speċifika għas-sikkek u l-għerien fil-baħar wara r-riżultati tal-Proġett LIFE Baħar għal Natura 2000, li għadu għaddej. Sar ukoll seminar internazzjonali dwar “Żoni fil-Mediterran: Qsim ta' Kompetenza għal Konservazzjoni Effettiva” f’ nofs Settembru 2017, ma’ diversi esperti nazzjonali u internazzjonali, inklużi rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-UE. Dwar it-tmexxija ta’ siti protetti fil-baħar, il-proċess biex jitlestew il-Pjanijiet ta’ Tmexxija nbeda fl-aħħar tal-2016, u bħalissa għaddej minn fażi ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenija. Minbarra dan, l-emfasi tal-ERA hija wkoll fuq siti li mhumiex imħarsa, permezz tal-kopertura tal-Programm Nazzjonali ta' Monitoraġġ tal-Baħar li qiegħed jiġi implimentat mill-ERA bħalissa.

Fondi mill-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi fondi mill-Unjoni Ewropea li jindirizzaw l-immaniġġjar tal-iskart? U jekk iva, jistgħu jingħataw id-dettalji?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart u l-ekonomija ċirkolari huma priorità f’Malta u hemm diversi fondi Ewropej li huma acċċessibbli u jikkontribwixxu sabiex Malta tersaq aktar lejn il-miri dwar ir-riċiklaġġ taħt obbligi tal-UE. Il-Ministeru applika kemm għall-fondi li jipprovdu aktar għarfien u innovazzjoni u kif ukoll qed jaħdem sabiex jaċċessa fondi ta’ tip infrastruttali. Dawn jinvolvu fondi amministrati nazzjonalment bħal European Strategic and Investment Fund kif ukoll fondi oħra amministrati ċentralment mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea. Għal aktar informazzjoni fuq dawn, ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jitlob din l-informazzjoni mill-Ministeru tal-Affarijiet Ewropew u l-Ugwaljanza.

Fondi Ewropej allokati għal monitoraġġ marittimu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ Fondi Ewropej li kienu allokati għal monitoraġġ marittimu u x’se jkunu eżattament ir-riżultati ta’ dawn il-proġetti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programm Nazzjonali ta’ Monitoraġġ tal-Baħar beda jiġi implementat f’Ġunju ta’ din is-sena permezz tal-proġett EMFF 8.3.1, li huwa parzjalment iffinanzjat taħt il-Fond EMFF għall-2014-2020. Il-fondi eliġibbli taħt l-EMFF huma ta’ 1.6 miljun ewro, li minnhom €400,000 huma il-kontribuzzjoni nazzjonali ta’ Malta. Il-proġett innifsu se jiswa iżjed mill-fondi eliġibbli, b’total ta’ €1,774,000. Dan huwa proġett ta’ sentejn dwar monitoraġġ ambjentali tal-baħar li se jagħti aktar dejta, tagħrif u għarfien fuq il-baħar, u se jwassal għall-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali ta’ Monitoraġġ fil-Baħar u t-twettiq ta’ diversi obbligi taħt ir-Regolamenti dwar Qafas fil-Politika Ambjentali tal-Baħar u r-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. Il-proġett ħa jrendi wkoll il-produzzjoni ta’ database fejn l-informazzjoni li ser tinġabar permezz ta’ dan il-proġett, kif ukoll dejta u tagħrif ieħor relevanti, tkun tista’ tiġi miġbura b’mod ċentralizzat u tkun aktar aċċessibbli.

Intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema Business Advisory Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Advisory Services bejn is-sena 2014 u d-data sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 182 il-intrapiża bbenefikat taħt l-iskema tal-Business Advisory Services mill-2014 sa l-aħħar ta’ Settembru 2017.
Leg 13 PQ #1206 Sitting 25 2017-10-10 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għall-Finanzi

Paga medja f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-paga medja f’pajjiżna, sena b’sena, mill-2008 sal-2016?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni dwar il-paga medja fost l-impjegati qed tiġi provduta fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #1207 Sitting 25 2017-10-10 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għall-Finanzi

Malta u Għawdex – rata ta’ impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata ta’ impjieg, employment rate, maqsuma f’total, irġiel u nisa għal Malta u Għawdex, sena b’sena, mill-2008 sa Ġunju 2017?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-rata tal-impjiegi, kalkulata għal persuni ta’ bejn il-15 u 64 sena, qed tiġi provduta fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każijiet ta’ frodi mill-benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta’ frodi mill-benefiċċji soċjali fis-sena 2016? Kemm minn dawn il-każi nstab li kienu tassew qed iqarrqu bid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ l-Ministru jagħti stima ta’ kemm ġew iffrankati flus b’dawn l-investigazzjonijiet li saru matul is-sena 2016?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul is-sena 2016, id-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji irċieva 650 rapport ta’ każijiet fejn kien allegat abbuż mill-benefiċċji soċjali. Minn dawn il-każijiet, id-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji irakkomanda lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali 330 każ illi nstab li kienu bi ksur tal-provvedimenti tal-Att sabiex jiġu sospiżi jew riveduti skont il-każ. Mill-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji rċieva jew ġabar mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fuq dawn l-każijiet u fuq każijiet oħra, huwa stmat li matul is-sena 2016 ġew iffrankati €4,020,309.

Estensjoni tas-servizz offrut mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-lokalitajiet li fihom kien estiż is-servizz offrut mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali f’dawn l-aħħar xhur? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn is-servizzi jkomplu jkunu estiżi għal aktar lokalitajiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) toffri s-servizzi tagħha lil kull min jeħtieg sew mid-diversi ċentri tagħha, madwar Malta u Għawdex, kif ukoll permezz ta’ żjarat fil-familji. Matul dawn l-aħħar xhur ġew estiżi s-servizzi segwenti fil-lokalitajiet imsemmija kif indikat hawn taħt : Lokalità / Servizz Tip ta’ Servizz Faċilità Korretiva ta’ Kordin Servizzi varji: LEAP, APPOGG, sedqa kif u meta meħtieġ. Il-Fondazzjoni assenjat persuna fuq bazi 40 siegħa fil-gimgħa sabiex jassisti fl-integrazzjoni ta’ persuni li joħorgu mill-Ħabs. Ħal-Għargħur Home Based Therapeutic Service (HBTS), Tqassim tal-FEAD/SFFD. Ħal-Kirkop Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD. Kottonera Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD, Servizz tal-HBTS. Marsascala Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD. Servizz residenzjali tal-Appogg. Mosta Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD, ħwejjeg u ħtigijiet oħra. Msida Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD. Servizz għaż-żghażagh tal-Aġenzija Appoġġ Qawra Ċentru LEAP. Tqassim tal- ikel (Fund for the European Aid to the Most Deprived ) – FEAD /State Funded Food Distribution (SFFD) Ħal-Qormi Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD. Valletta Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD. Ix-Xewkija (Għawdex) Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD. Għajnsielem Servizz tal-Fostering Agenzija Appogg. Iż-Żurrieq Ċentru LEAP. Ir-Rabat Servizz residenzjali tal-Aġenzija Appoġġ Santa Venera Iċ- Children’s House li tlestiet bi tħejjija għal meta tibda topera l-liġi l-ġdida taċ-Child Protection u skont l-impenji li ħadet Maltabħala pajjiż firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Lanzarote biex proċeduri legali jsiru f’ ambjent li huwa child friendly . Ix-Xagħjra Servizz residenzjali tal-Aġenzija Appoġġ. F’dawn l-aħħar ftit xhur ġiet ukoll estiża l-ħidma f’Għawdex fejn ġew assenjati numru ta’ ħaddiema fil-qasam soċjali sabiex jilħqu l-ħtiġijiet ta’ dan ir-reġjun. Ġiet estiża wkoll il-ħidma fil-lokalità tal-Mosta permezz ta’ ċentru fejn qed jitqassmu ħtiġijiet varji għal familji fil-bżonn. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qed ikun ippjanat li s-Servizzi tal-Fondazzjoni jkunu mifruxa aktar fil-kommunità bil-għan li nrendu s-servizzi aktar aċċessibli. Għal dan il-għan il-Fondazzjoni iffirmat ftehim mal-Kunsilli Lokali tal-Fgura u l-Msida li jwaswsal biex il-Fondazzjoni tibda tikri sular sħiħ fil-binjiet ta’ dawn il-kunsilli lokali rispettivi, minn fejn ikunu jistgħu jingħataw s-servizzi tagħha fil-qalba tal-kommunità. Fuq kollox, biex tintlaħaq il-mira strateġika tal-Fondazzjoni li jkollha preżenza aktar effettiva u aktar effikaċi fil-kommunità, il-management tal-Fondazzjoni se jkun qed iwettaq pjan li jintegra flimkien is-servizzi fil-kommunità tal-Aġenzija Appoġġ u s-servizzi taċ-Ċentri LEAP f’servizz wieħed magħruf bħala SERVIZZ KOMMUNITAJIET biex b’hekk il-ħidma soċjali tkun ikkordinata aħjar u aktar iffukata biex tilħaq aktar nies bil-bżonn. Il-mira hi li fuq medda ta’ ħames snin ikollna din it-tip ta’ presenza almenu fil-lokalitajiet b’ popolazzjoni ta’ 10,000 u aktar.

Kalkulatur għall-Pensjoni tal-Irtirar

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif jaħdem il-Kalkulatur għall-Pensjoni tal-Irtirar? Jista’ l-Ministru jinforma kemm kienu dawk li s’issa għamlu użu minn dan is-servizz offrut onlajn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kalkulatur għall-Pensjoni tal-Irtirar jaħdem b`mod faċli ħafna, fejn persuna mwielda fl-1 ta’ Jannar tal-1952 jew wara, u li taspira li tirtira, tista` iddaħħal sett minimu ta` informazzjoni mandatorja bħala bażi għal stima kemm jista` jkun preċiża tal-pensjoni tal-intitolament ladarba persuna tirtira. In-numru ta’ persuni li għamlu użu minn dan is-servizz offrut online, minn Lulju 2017 sa issa kien ta’ 6133.

Persuni li jaħdmu għal rashom li bbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Maternità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li s’issa bbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Maternità? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża s’issa minn kemm ilha li ġiet introdotta din il-miżura?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u li bbenefikaw minn rata ogħla ta’ Benefiċċju għall-Maternità mis-sena 2015 ’l hawn jammonta għal 408 bi spiża ta’ €959,330.12.

Malta Enterprise – proġetti ta’ investimenti barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġett ta’ investiment barrani ġie approvat minn Malta Enterprise mis-sena 2014 sad-data li fiha li tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 66 proġett ġdid u 48 espansjoni ta’ Investiment barrani minn 2014 sa Awissu 2017.

Ħruġ ta’ Liċenzji ta’ importazzjni u esportazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni bejn is-snin 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 13 PQ #1203 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għall-Finanzi

Rata tad-defiċit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata tad-defiċit attwali rreġistrata sena b’sena mill-2006 ’il hawn? Jista’ jgħid ukoll kif din ir-rata tad-defiċit varjat tul l-istess perjodu msemmi minn dik imbassra li kienet se tkun waqt id-diskors tal-Baġit?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #1204 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għall-Finanzi

Dħul minn taxxi fuq konsum b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, mis-sena 2008 sal-2016, kemm kien id-dħul minn taxxi fuq konsum b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku u inizjattivi oħra, bħar-roħs tad-dawl u ilma, li b’riżultat ta’ hekk il-familji qed jifdlilhom aktar flus biex jonfqu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #1205 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għall-Finanzi

Accruals Accounting fis-sistema ta’ accounting tal-Gvern

Question

Issa li l-Gvern ikkonferma li s-sistema ta’ accruals accounting sa fl-aħħar se tiddaħħal, jista’ l-Ministru jfisser: (i) il-qafas ta’ din l-inizjattiva; (ii) x’se tbiddel fis-sistema tal-finanzi u l-accounting tal-Gvern; u (iii) x’vantaġġi se ġġib din is-sistema?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

3 Tweġiba Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari hija kif ġej: o IL-QAFAS TA’ DIN L-INIZJATTIVA Bl-implimentazzjoni tal- Corporate Financial Management Solution il-Gvern għandu jissostitwixxi s-Sistema ta' Departmental Accounting System (DAS) attwali u sistemi oħra f'qafas wieħed koerenti, ibbażat u mudellat fuq Standards Internazzjonali (IPSAS). a) Id-DAS u c-CFMS · Il-Konsorzju Grant Thornton/Unit 4 għandu jimplimenta l- Unit 4 Business World fil-Gvern Ċentrali, li se jissostitwixxi s-sistema kurrenti tad-DAS. · Twaqqaf CFMS Implementation Board fil-Ministeru tal-Finanzi, li jirrapporta lis-Segretarju Permanenti (MFIN). Il-membri tal-Bord jirrappreżentaw diversi stakeholders involuti f'dan il-proġett, inkluż it-Teżor, l-uffiċċju ta’ Chief Information Officer (MFIN), MITA, NSO, il- Finance and Policy Management Division (MFIN), il- Budget Office u l-uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM). L-NAO u l-IAID huma osservaturi fuq dan il-Bord. · Ir-rwol ewlieni ta’ dan il-Bord huwa li jistabbilixxi policies , li jieħu deċiżjonijiet sinifikanti u strateġiċi u jissorvelja l-implimentazzjoni tas-sistema. · Twaqqaf ukoll CFMS Implementation Coordination Team li jirrapporta lill-Bord, iffukat fuq il-progress tal-implimentazzjoni. · L-implimentazzjoni hija mqassma fuq tliet fażijiet: (i) L-ewwel fażi (fażi ta' pilotaġġ) għandha tiġi konkluża 18-il xahar mill-iffirmar tal-kuntratt. (ii) It-tieni fażi (implimentazzjoni fil-Gvern Ċentrali) għandha tiġi konkluża 30 xahar mill-iffirmar tal-kuntratt. (iii) It-tielet fażi, (implimentazzjoni ta' sistemi potenzjali oħra), għandha tiġi determinata matul l-implimentazzjoni. · Il-proġett ta' implimentazzjoni tas- CFMS huwa eliġibbli għall-fondi tal- ERDF taħt il-proġett CONvErGE. b) Mill- cash based għall- accruals based accounting u standards · Fl-2014, twaqqaf IPSAS Implementation Board fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi ffokat fuq l-implimentazzjoni tal-IPSAS (International Public Sector Accounting Standards). · L-IPSAS huma financial reporting u accounting standards ta’ kwalità għolja, maħruġa mill- International Public Sector Accounting Standards Board (IPSASB) . L- IPSASB tiżviluppa accounting standards u linji gwida għall-użu mis-settur pubbliku. · Twaqqaf ukoll IPSAS Implementation Team. Dan it-tim qed jaħdem biex jiżviluppa standards imsejħa draft IPSAS as adopted by the Maltese Government, għall-approvazzjoni tal- IPSAS Implementation Board . · Twaqqaf Financial Legislation Reform Working Group li għandu jirrakkomanda bidliet fil-leġiżlazzjoni matul l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida u l- accrual accounting. o X’SE TBIDDEL FIS-SISTEMA TAL-FINANZI U L-ACCOUNTING TAL-GVERN a) Is-sistema: Unit 4 Business World · Sistema ERP, kompletament integrata b’teknoloġija moderna. · Tipprovdi aċċess immedjat tad- data. · Tipprovdi data aktar preċiża - aktar kunfidenza fl-integrità u l-affidabilità tad- data . · Tipprovdi Accounts konsolidati tal-gvern ‘awtomatizzati’. · Tipprovdi informazzjoni aktar malajr u preċiża għal deċiżjonijiet ta' policies li għandhom impatt fuq is-servizzi pubbliċi. · Tinkludi sistema ta' preparazzjoni tal-Baġit u forecasting. · Sistema bbażata fuq l- accrual accounting u l- IPSAS. b) Ir-riżorsi umani · L-introduzzjoni tas-sistema ERP innifisha se twassal għall-bidla fil-ħiliet finanzjarji, li għandhom ikunu aktar iffokati biex jiżdied il-valur u l-interpretazzjoni tad- data finanzjarja. · Il-bidla se ġġib magħha żvilupp fil-professjoni tal- accountants u mpjegati oħra mal-gvern, li jkollhom il-ħiliet xierqa biex iħejju financial statements , u jimmaniġġjaw pjanijiet finanzjarji fuq medda twila ta' żmien. c) L-Accrual Accounting/IPSAS · L-informazzjoni finanzjarja mhux biss cash-based iżda wkoll accruals-based. · Informazzjoni accruals-based tipprovdi informazzjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja globali tal-gvern u l-istokk tal-assi u l-obbligazzjonijiet. · L- Accrual Accounting jeħtieġ li l-gvern iżomm reġistri ( records ) kompluti tal-assi u l-obbligazzjonijiet. · L- Accrual Accounting jipprovdi qafas konsistenti għall-identifikazzjoni ta' obbligazzjonijiet eżistenti u obbligazzjonijiet potenzjali jew kontinġenti. · L- Accrual Accounting jipprovdi informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż, inkluż l-impatt tat-tranżazzjonijiet fejn il-flus kontanti għadhom ma ġewx riċevuti jew imħallsa. · L-informazzjoni lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ( NSO ) tkun ibbażata fuq rapporti finanzjarji awditjati, ibbażati fuq l-IPSAS. · Ir-rapporti finanzjarji ppubblikati mill-Gvern se jinkludu stqarrija dwar il-pożizzjoni finanzjarja ( statement of financial position ), il-prestazzjoni finanzjarja ( statement of financial perfomance ) u cash flow statement . · L- Accrual Accounting u l-IPSAS se jġibu tibdil pożittiv fil- financial management tal-gvern u se jikkontribwixxu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ policies fiskali. o X’VANTAĠĠI SE ĠĠIB DIN IS-SISTEMA · Informazzjoni aktar dettaljata u trasparenti. · Tassisti fl-iżvilupp tal- financial management fis-settur pubbliku. · Taffaċilita aktar il- management tas-servizzi pubbliċi. · Tgħin fid-distribuzzjoni ta' riżorsi b’mod aktar effettiv. · Toffri l-possibilità li l- financial statements tal-Gvern jiġu użati għall-iskopijiet ta' fiscal u financial management. · Tipprovdi financial reports tal-Gvern fuq bażi kkonsolidata. · Tipprovdi livell ogħla ta' kontroll finanzjarju u valutazzjoni vera u ġusta tal-assi u l-obbligazzjonijiet. · Tipprovdi aktar accountability tal-Gvern lill-Parlament u ċ-ċittadin. · Iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni aktar siewja u ħolistika dwar il-finanzi pubbliċi, l-assi u l- obbligazzjonijiet. · Rapporti finanzjarji awditjati bbażati fuq l-IPSAS għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni finanzjarja ta' kwalità għolja lill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ( credit rating agencies ), lill-investituri u lill-banek, u hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja. · Fil-qasam tal-immaniġġjar tal-assi, il-Gvern ikun jista' jippjana aħjar għal rekwiżiti futuri tal-assi. · Il-proċessi tal-immaniġġjar tal-assi għandhom jikkontribwixxu għall-ottimizzazzjoni tal-valuri tal-assi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inaqqsu l-ispejjeż operattivi u tal-manutenzjoni kif ukoll infiq kapitali fit-tul. · Permezz tal-informazzjoni fuq l-obbligazzjonijiet kollha, inklużi l-obbligazzjonijiet fit-tul u l-obbligazzjonijiet kontinġenti, il-Gvern se jkollu aktar informazzjoni biex jevalwa safejn jista' jipprovdi s-servizzi kurrenti tiegħu u l-affordabilità ta' servizzi futuri.

Forzi Armati ta’ Malta – nefqa fuq titjieb infrastrutturali eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-FAM minn Marzu 2013 ‘il hawn biex ittejjeb l-infrastrutturi eżistenti li hi responsabbli minnhom u eventwalment biex jitjiebu l-kundizzjonijiet li jaħdem fihom kull suldat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fiż-żmien imsemmi, intefqu €9.7M fi proġetti biex jitjiebu l-infrastrutturi eżistenti tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Forzi Armati ta’ Malta – riżorsi umani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan hemm biex il-FAM tilħaq in-numru stabbilit ta’ riżorsi umani bżonnjużi ħalli taqdi r-rwoli kollha mistennija minnha bħala forza tal-ordni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-FAM tippjana li tingaġġa, kull sena, numru ta’ rekluti u uffiċjali kadetti biex tagħmel tajjeb kemm għal dawk li jitilqu mill-FAM kif ukoll biex tintlaħaq il-forza kif stabbillita fl-Establishment tal-FAM. Il-forza ta’ Riżerva ta’ Volunteri qiegħda tiġi msaħħa b’iktar ingaġġi biex tkun riżorsa addizzjonali għall-FAM kemm waqt xogħol ta’ rutina kif ukoll waqt emerġenzi.

Forzi Armati ta’ Malta – taħriġ lill-membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-FAM biex tinvesti fil-membri tagħha? X’taħriġ qed jingħata lis-suldat u jekk dan jistax b’xi mod jgħin lis-suldat għal meta jtemm il-karriera tiegħu fis-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar tliet snin il-Forzi Armati ta’ Malta għamlet avvanz kbir fejn jidħol taħriġ, żviluppar u kwalifiċi għall-membri tagħha. Bħala taħriġ il-FAM diġà żdidilha l-fond relatat b’mitejn elf ewro fis-sena u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex dan ikompli jiżdied. Il-Forza għamlet titjib sostanzjali u investiet sew fl-iskola interna tagħha u qed isir issa programm strutturat annwali ta’ taħriġ. Il-FAM rrevediet diversi programmi u kontenut ta’ programmi ta’ taħriġ ħalli dan ikun jirrifletti iktar il-bżonnijiet u ż-żminijiet tal-lum. Reġgħu bdew jintbagħtu kadetti f’akkademji navali barra l-pajjiż, ħalli tiġi riżolta l-problema ta’ nuqqas ta’ uffiċjali kwalifikati fl-imsemmi qasam. Iddaħħlu wkoll korsijiet ta’ tmexxija relatati ma’ promozzjonijiet u li jirriflettu r-responsabbiltajiet ġodda li membri tal-FAM jkunu ser jokkupaw. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalifiċi l-Forza għamlet arranġamenti u diskussjonijiet fit-tul man- National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) sabiex ċertu korsijiet li qed isiru jkunu rikonoxxuti skont il-livelli li din il-Kummissjoni tirrikonoxxi. Diġà ġie rikonoxxut it-taħriġ relalat ma’ reklutaġġ ta’ suldati ġodda u dan f’livell tlieta. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet finali sabiex jiġu rikonoxxuti wkoll korsijiet oħra bħal korsijiet ta’ kmand marbut mal-promozzjonijiet, kif ukoll korsijiet għal dawk li jkunu qed jippreparaw sabiex isiru uffiċjali bil-kummissjoni. Il-FAM bdiet ukoll tibgħat diversi membri tagħha jsegwu korsijiet f’istituzzjonijiet rikonoxxuti esterni, bħall-MCAST, Transport Malta u l-ITS f’ċertu ħiliet marbuta max-xogħol tal-FAM, u dan minflok mal-kors isir internament. Dan qed jassigura l-ogħla livelli kif ukoll kwalifika rikonoxxuta fi kwalunkwe impjieg ieħor għall-membru tal-FAM. Dan ovvjament b’investiment finanzjarju.

Forzi Armati ta’ Malta – missjonijiet ta’ tiftix ta’ salvataġġ

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru sigħat ta’ titjiriet bl-ajruplani u tbaħħir bil-laneċ fuq missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ matul l-2016? Kemm ġew salvati persuni mill-FAM?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant illi, fil-perijodu msemmi fil-mistoqsija, il-FAM wettqet 64 siegħa ta’ titjir u 1251 siegħa ta’ tbaħħir fuq missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. Ġew salvati 1276 persuna.