Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol li huma rreġistrati bħala persuni b'diżabilità, sa mis-sena 2010 sas-sena 2017, maqsuma xahar xahar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, it-tagħrif dwar kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol f’Malta u Għawdex li huma rreġistrati bħala persuni b'diżabilità, xahar b’xahar mis-sena 2010 sas-sena 2017 huwa kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri u riformi qed isiru mill-Ministeru tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-qasam tad-drittijiet tat-tfal u adoloxxenti qiegħed jingħata importanza kbira mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, fosthom billi :
· Żidna l-
In-Work Benefit
għall-koppji li wieħed mill-ġenituri jaħdem minn €350 għal €450 fis-sena għal kull wild;
· Żidna l-
Foster Care Allowance
minn €70 għal €100 fil-ġimgħa;
· Iltiema ta’ bejn 16 u 21 sena li jaħdmu, se jibdew jirċievu l-
Allowance
Speċjali għal Iltiema sħiħa u bla tnaqqis;
· Ġiet ippubblikata l-ewwel Politika Nazzjoni tat-Tfal, bl-implementazzjoni u l-monitoraġġ ta’ din il-Politika Nazzjonali jiġi fdat f’idejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal;
· Ġie ffinalizzat il-ftehim għat-twaqqif tal-‘Komunità l-Ibwar’ biex noffru servizzi terapewtiċi għall-addoloxxenti li qed jikkombattu l-problema tad-droga u sustanzi illegali;
· Qed tiġi konkluża l-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal li se tkun qed tittratta t-tfal vurnerabbli u tfal b’imġieba diffiċli li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fl-ambjent tal-familja naturali tagħhom.
· It-tfal b’imġieba kemm xejn diffiċli, ser ikunu qegħdin jirċievu servizzi terapewtiċi speċjalizzati fi ħdan post iktar sikur;
· Ser inkunu qed naraw li t-tfal kollha jingħataw iktar opportunita’ biex isemmgħu leħinhom, fil-Qorti, f’każijiet li jikkonċernaw Ordni għal Protezzjoni ta’ minuri. Għal kull każ, il-Qorti ser tinnomina Avukat tat-Tfal li jkun qiegħed jirrappreżenta l-interessi tal-minuri;
· Qed isir studju dettaljat dwar kif ninkorporaw il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal fil-liġi Maltija;
· Ġiet ikkumissjonata riċerka nazzjonali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal fuq il-benessere tat-tfal f’Malta, inkluż dawk ta’ nisel barrani u li joqgħodu f’Malta;
· Kif ukoll kampanji varji ta’ tagħrif li jippromovu kontinwament id-drittijiet tat-tfal.
Drittijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu mid-dar – tibdil fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tibdil sar fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali bil-għan li jkunu mħarsin id-drittijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu mid-dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, matul l-aħħar kwart tas-sena 2017, inħasset il-ħtieġa li tiġi introdotta definizzjoni fil-forma ta’ “persuna li taħdem għaliha nnifisha mid-dar”, bl-Ingliż definita` aħjar bħala “self-occupied home worker”. Dan sar sabiex tali persuni jiġu konformi mal-liġijiet tax-xogħol kif ukoll minħabba l-vulnerabbilità finanzjarja tagħhom.
Sabiex persuna tiġi kkunsidrata f’din id-definizzjoni, trid tissodisfa dawn il-kriterji :
· Hija persuna li taħdem għaliha nnifisha mid-dar;
· Hija ngaġġata minn individwu għal skopijiet ta’ negozju ta’ dak l-individwu;
· Unikament tagħmel xogħol manwali li ma jirrikjedi ebda sengħa partikolari bħalma hu l-immuntar ta’ prodotti ġa kompluti;
· Tali xogħol ma jkun jagħti l-ebda valur miżjud lil tali prodotti; u
· Sakemm tali persuna mhix ingaġġata minn kwalunkwe individwu ieħor.
Għaldaqstant meta persuna tissodisfa dawn il-kriterji, tali persuna:
· Tista’ tagħżel illi ma tħallasx kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali sakemm il-qliegħ nett minn dan ix-xorta ta’ xogħol ma jkunx jeċċedi l-50% tal-Paga Minima Nazzjonali; u
· Id-dħul nett li jwassal sa 35% tal-Paga Minima Nazzjonali mhux se jiġi kkunsidrat għal finijiet ta’ dħul (jiġifieri fit-test tal-mezzi) tal-Għajnuna Soċjali u l-Għajnuna Medika li jitħallsu taħt l-Att Dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ miżuri ttieħdu biex jgħinu u jiffaċilitaw ħajjet dawk li għandhom xi mard fit-tul?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, meta persuna jkollha mard fit-tul, ikollha bżonn illi tissottometti ċertifikati mediċi kull ġimgħa u dan sakemm tidher quddiem l-bord mediku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Meta isir il-bord mediku, li normalment ikun fi tmiem xahrejn minn meta l-persuna tkun bdiet tagħmel iċ-ċertifikati, jekk id-deċiżjoni tal-bord mediku tkun illi din il-persuna tkun teħtieġ aktar żmien biex tkun tista’ tirritorna lura fid-dinja tax-xogħol, sakemm ikun hemm bżonn li jerġa’ jaraha l-bord mediku, ma jkunx hemm aktar il-ħtieġa li tibqa’ tagħmel ċertifikati mediċi kull ġimgħa minn dakinhar ‘il quddiem. Dan għaliex id-deċiżjoni tal-bord mediku, isservi bħala konferma ta’ ċertifikat ta’ kontinwazzjoni sad-data tal-bord mediku li jkun imiss.
B’din il-miżura qed tkun iffaċilitata l-ħajja tal-marid fejn mhux se jkollu bżonn li jagħmel ċertifikati kull ġimgħa minn dakinhar ‘il quddiem bħalma kien isir qabel. Matul dan il-perjodu, il-pagamenti jsiru xorta waħda kull ġimgħa fejn qabel dawn kienu jsiru kull meta l-individwu jippreżenta l-imsemmija ċertifikati mediċi u li mhux dejjem kienu jintbagħtu wieħed fil-ġimgħa, bil-konsegwenza li l-persuna ddum ma titħallas.
Il-persuna tkun teħtieġ biss li tippreżenta ċertifikat mediku wieħed u finali meta tħossha, jew it-tabib tagħha jiċċertifikaha, li tkun tajba għax-xogħol jekk dan ikun qabel ma jkun imissha li jerġa’ jaraha l-bord mediku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Wara r-riżultati pożittivi li tħabbru reċentament, jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’inhuma l-inizjattivi li qed jitwettqu biex ikun eradikat il-faqar minn pajjiżna? Jaħseb li dawn l-inizjattivi u miżuri li twettqu s’issa matul dawn l-ewwel snin ta’ din l-amministrazzjoni, huma biżżejjed fil-ħidma kontra l-faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kif ġie ppublikat fl-‘Implementation and Evaluation Report 2014-2016’ dwar il-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għall- Inklużjoni Soċjali 2014-2024, bejn l-2014 u l-2016, ġew imwettqa u kienu qed jiġu mwettqa 278 miżura u inizjattiva li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Sal-aħħar tal-2017, in-numru totali ta’ miżuri u inizjattivi laħaq it-336. Dawn il-miżuri qegħdin jiġu mplimentati mhux biss mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, imma wkoll minn Ministeri u entitajiet oħra, primarjament mill-Ministeru għas-Saħħa, mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Filwaqt li dawn il-miżuri diġa’ qegħdin jagħtu riżultati pożittivi, dan ma jfissirx li l-impenn tagħna biex innaqsu l-faqar se jieqaf hawn, imma se nkomplu naħdmu biex intejjbu l-livell tal-għejxien, b’mod partikolari ta’ dawk li jgħixu f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali.
Għal aktar dettalji dwar il-miżuri li ġew introdotti u mwettqa bejn l-2014 u l-2016, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għad-dokument ‘Implementation and Evaluation Report 2014-2016’ li ġie ppubblikat f’Novembru li għadda mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li jista’ jiġi aċċessat minn;
http://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Booklet.pdf.
Lil hinn mill-Istrateġija Nazzjonali, il-ħidma kontinwa mill-Aġenziji Appoġġ, Sedqa u LEAP qed jgħinu lil persuni vulnerabli, ta’ kuljum, fosthom, persuni vittmi tal-vjolenza domestika, biex ikunu indipendenti finanzjarjament, għajnuna lil vittmi tad-droga, tax-xorb u tal-azzard, biex mhux biss joħorġu mill-vizzju imma ukoll biex jirrintegraw ruħhom fis-soċjeta’ u jiksbu lura d-dinjita` tagħhom, u ħidma favur l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjeta` permezz tat-12-il Ċentru LEAP biex ngħelbu mal-familji, l-isfidi tal-ħajja u ngħaddulhom tagħlim u taħriġ bażiku, anke permezz ta’ diversi korsijiet fuq ibbaġitjar. Il-ħidma mal-familji fil-bżonn ġiet estiża ukoll mat-tfal fejn nistiednuhom jattendu għal Home Work Clubs, biex dak li jkunu tgħallmu l-iskola, ikomplu jaħdmu fuqu wara l-ħin tal-iskola.
Aktar fid-dettal tal-ħidma li qed issir miċ-Ċentri LEAP mal-familji fil-bżonn, hija kif ġej:
· Tfittxija ta’ xogħol bi sħab u f’kollaborazzjoni attiva mal-Jobsplus;
· Tqassim ta’ ikel fejn jintlaħqu ‘l fuq minn 27,000 familja;
· Tqassim ta’ għamara u appliances, fejn diġa’ ġew iddentifikati 277 familja bl-iskop li jinbidlulhom appliances antiki b’xejn ma’ oħrajn ġodda u b’hekk il-konsum tal-elettriku ta’ dawn il-familji ikun wieħed aktar ekonomiku;
· Għajnuna sabiex jingħata self mingħajr depożitu minn Bank lokali (APS) biex tinxtara residenza flok kiri, bi sħab u f’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ tad-Djar fejn qed jintlaħqu ‘l fuq minn 240 familja;
· Għajnuna lil 772 –il tifel u tifla li ġew iddentfikati bħala f’riskju ta’ faqar u, għalhekk, qiegħda tingħata ghajnuna ta’ ikel u ħtigijiet oħra, fl-iskejjel lil dawn it-tfal, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni;
· Qiegħed jiġi ffaċilitat, fiċ-Ċentri LEAP, kull tip ta’ taħrig fil-komunita’, immirat lejn dawk f’riskju ta’ faqar, sabiex dawn jakkwistaw ħiliet u għarfien dwar suġġetti relatati ma’ għarfien finanzjarju u dieta sana. Dawn in-nies jiġu mistiedna ukoll jattendu u jipparteċipaw fil-laqgħat organizzati mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, “Għaqal id-Dar – Ħajja Aħjar”;
· Kif ukoll, finalment, ħidma fil-komunita’ sabiex kull familja li teħtieġ l-għajnuna, issib kenn u servizz minn organizzazjonijiet varji fil-lokalita’ tagħha, sabiex l-individwu jintegra soċjalment u jingħata l-għajnuna meħtieġa.
Djar Bjorn – kuntratt dwar il-finanzjament għall-kura tal-pazjenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-kuntratt li jiffinanzja l-kura tal-pazjenti f’Dar Bjorn? Jekk iva, kemm-il pazjent se jkun qed jibbenefika minn dan il-ftehim u kemm hu l-ammont involut?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, ffirma ftehim mal-Fondazzjoni ALS Malta sabiex tiġi ffinanzjata l-kura ta’ 13-il pazjent, f’Dar Bjorn. L-iffirmar tal-ftehim bejn iż-żewġ partijiet tinvolvi allokazzjoni ta’ Eur930,020 fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' persuni li jaħdmu f’pajjiżna kemm fuq bażi full-time kif ukoll fuq bażi part-time, fil-31 ta' Diċembru sa mis-sena 2010 sas-sena 2017?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, l-għadd ta’ persuni jaħdmu f’Malta u Għawdex fuq bażi full time u part time bħala xogħol ewlieni tagħhom fl-aħħar ta’ Diċembru għas-snin 2010 sal-2016 u Ġunju 2017 (l-aħħar ċifra ppubblikata), huwa kif se nsemmi:
Full Time
Part Time bħala xogħol ewlieni
Diċembru 2010
147,814
26,961
Diċembru 2011
150,809
28,400
Diċembru 2012
154,046
30,297
Diċembru 2013
159,272
31,317
Diċembru 2014
166,368
33,179
Diċembru 2015
174,967
33,263
Diċembru 2016
184,180
34,938
Ġunju 2017
191,378
35,671
Il-Gudja – Parkeġġ ta’ vetturi ta’ persuni li jkunu msiefra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu jew se jittieħdu sabiex tiġi mitigata l-problema kbira li jħabbtu wiċċhom magħha r-residenti tal-Gudja hekk kif diversi persuni jagħżlu li jħallu l-vetturi tagħhom fil-Gudja meta jkunu msiefrin, peress li hija l-lokalità l-aktar viċin tal-ajruport?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tagħmel eżerċizzju sabiex tevalwa, b’mod ħolistiku, din il-problema, u dan minħabba li kull belt jew raħal jesperjenza sfidi simili. Wieħed irid ukoll jikkunsidra l-liġijiet preżenti fejn kull min għandu liċenzja valida jista’ juża postijiet ta’ parkeġġi pubbliċi fit-toroq irrelevanti fejn jinsabu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żvilupp fuq meta mistenni jibda x-xogħol fuq triq ġdida fi Triq l-Għarnuq il-Fgura, li għadha qatt ma ġiet asfaltata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija hija mdaħħla fil-programm ta’ xogħlijiet biex issir fix-xhur li ġejjin.
Fostering u addozzjoni ta’ tfal minn barra minn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ġodda ġew introdotti mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura l-ġdida fil-qasam tal-fostering u l-addozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2018, kif imħabbar fil-baġit li għadda, żidna l-benefiċċju li jingħata lil dawk il-familji li jagħmlu fostering, biex b’hekk il-benefiċċju issa żdied minn €70 fil-ġimgħa għal €100 fil-ġimgħa, għal kull tifel u tifla li jkunu fostered.
Matul din il-leġislatura, sabiex inkomplu inħajru iktar persuni jidħlu għall-
fostering
, ingħatat bidu għal kampanja informattiva bil-għan illi nżidu l-ammont ta’ tfal li jkunu
fostered
.
Sabiex dejjem inwessgħu l-opportunitajiet għal persuni li jixtiequ jaddottaw, matul l-2017, ftaħna l-opportunitajiet għall-addozzjoni, minn pajjiżi bħall-Latvja, il-Kolombja, il-Polonja u ċ-Ċili.
Ta’ min isemmi li fil-baġit tal-2018 ġiet mħabbra wkoll il-miżura ġdida għal persuni li jixtiequ jaddottaw, fejn hekk kif din tidħol fis-seħħ, ikunu qed jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ €10,000 biex tagħmel tajjeb għal parti mill-ispejjeż illi jagħmlu l-koppji adottivi.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fit-22 ta’ Settembru tal-2017 varajna għall-konsultazzjoni pubblika, l-“Istandards Nazzjonali għall-Proċess tal-Adozzjoni tat-Tfal”, sabiex inkomplu nsaħħu l-adozzjoni f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall l-estensjoni li kien hemm fl-In-Work Benefit u t-tapering tal-benefiċċji?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-estensjoni li kien hemm fl-In-Work Benefit kienet għal koppja fejn xi ħadd minnhom biss ikun qed jaħdem jew taħdem. F’dawn il-każijiet ir-rati żdiedu kif ġej :
Dħul Nett Fis-Sena
Rati Applikabbli Fis-Sena
Minn
Sa
2017
2018
€6,600
€9,499
€350
€450
€9,500
€11,999
€300
€400
€12,000
€12,999
€250
€350
€13,000
€13,999
€150
€200
€14,000
€14,999
€100
€140
€15,000
€16,500
€52
€75
Infakkar ukoll illi, l-In-Work Benefit jingħata wkoll lil dawk il-koppji fejn it-tnejn ikunu jaħdmu kif ukoll lil persuni waħedhom. Fit-tliet kategoriji msemmija jittieħed id-dħul nett minn xogħol u li għad għandhom it-tfal jgħixu magħhom li għadhom taħt it-23 sena.
Ir-rati fis-sena tal-aħħar żewġ kategoriji huma ħafna ogħla minn dawk imsemmija hawn fuq.
Filwaqt li sas-sena l-oħra biex persuna tikkwalifika għat-tapering tal-benfiċċji, kellha tkun ilha fuq l-Għajnuna Soċjali għal sentejn fl-aħħar tliet snin qabel ma tapplika, issa dan il-perjodu tnaqqas għal sena waħda biss.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew iffrankati flus minn każijiet ta’ frodi ta’ benefiċċji soċjali matul is-sena 2017?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, huwa kkalkulat li d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji ffranka madwar €4,057,300 b’riżultat tal-ħidma tiegħu matul is-sena 2017.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati divorzji ġewwa r-Reġistru Pubbliku li ġew pronunzjati minn Qorti jew xi awtorità oħra kompetenti barranija, mis-sena 2010 sal-lum? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għal kull sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt nformat li n-numru ta’ divorzji li ġew pronunzjati minn Qorti jew xi awtorità oħra kompetenti barranija, mis-sena 2010 sal-lum li ġew reġistrati ġewwa r-Reġistru Pubbliku huma:
2010 47
2011 69
2012 66
2013 57
2014 67
2015 89
2016 124
2017 sal-11ta’ Diċembru 76
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-aktar tliet ismijiet komuni li ngħataw lil trabi li twieldu f'Malta kemm għas-subien kif ukoll għall-bniet sa mis-sena 2000 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li ġew assenjati lill-istess Kunsill li jinkludu kemm ħaddiema klerikali, segretarji eżekuttivi, kif ukoll ħaddiema tal-id li rriżenjaw jew telqu mill-irwol mal-istess Kunsill, matul din il-leġiżlatura tal-Kunsill?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma kien hemm l-ebda ħaddiem li kien assenjat lilu u li rriżenja jew telaq mill-irwol li kellu matul din il-leġiżlatura tal-Kunsill imsemmi.
Jista jkun li l-Onor. Interpellant kien qed jirreferi għall-ħatriet ta’ Segretarju Eżekuttiv (1), Deputat Segretarju Eżekuttiv (2) jew Aġent Segretarju Eżekuttiv (2), li f’dan il-każ jinħatru skont it-termini tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali u ma kienux assenjati mal-Kunsill Lokali.
Intant, kien hemm erba’ ħaddiema mpjegati, iżda mhux assenjati, li telqu jew irriżenjaw.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kien obbligat jipprovdi l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar mill-Bord ta' Governanza Lokali f'deċiżjoni datata l-14 ta' Settembru 2017 bir-referenza 001/2017? Fejn f'punt numru 7 tad-deċiżjoni, qed jintqal hekk "7. Rigward l-allegazzjoni ta’ twaħħil ta’ diversi sinjali tat-traffiku llegali b’detriment għas- sewwieqa, hawn il-Bord ma jistax ma jikkundannax lill-Kunsill Lokali li għalkemm jaf li l-liġi qed tkun miksura, qed iħalli dan l-abbuż jibqa’ jseħħ. Sabiex din is-sitwazzjoni tiġi retifikata, il-Bord qed jitlob sabiex il-Kunsill Lokali, fi żmien xahar minn din id-deċiżjoni, jagħmel audit tas-sinjali tat-traffiku li hemm f’San Pawl il-Baħar u li dawk is-sinjali li saru bla permess tal-Awtorità kompetenti, u allura b’mod illegali, jitneħħew minnufih. Il-Bord qiegħed jordna li jingħata kopja ta’ dan l-audit kif ukoll rapport tal-passi li ttieħdu sal-31 ta’ Ottubru 2017."
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li għalkemm il-Bord ta’ Governanza Lokali kien talab rapport/audit mingħand il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar is-sinjali tat-traffiku, u li dan kellu jasal għand il-Bord sal-aħħar ta’ Ottubru, sa issa dan l-audit għadu ma wasalx.
Waqt l-aħħar laqgħa tal-Bord li nżammet fl-24 ta’ Novembru 2017 ġie deċiż li s-Sindku kienet ser tkun infurmata li l-Bord kien għadu qed jistenna risposta bl-audit u ġiet mitluba li tgħaddi tali audit lill-Bord fi żmien mhux aktar tard minn xahar minn tali email, jiġifieri mill-24 ta’ Novembru u li fin-nuqqas il-Bord kien ser jieħu mizuri ulterjuri.
Fl-istess ġurnata, jiġifieri wara li kienet konkluża l-laqgħa tal-Bord ta’ Gvernanza Lokali, l-Bord irċieva email mingħand s-Sindku Galea fejn kien infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għandu Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv ġdid u li fil-jiem li ġejjin ser ikunu qegħdin jibagħtu lura t-tweġiba permezz tal-Avukat tal-Kunsill.
Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – investigazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi investigazzjonijiet dwar l-operat tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, inkluż rapporti tal-Bord ta’ Governanza, matul din il-Leġiżlatura tal-Kunsill? X’irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet? Jista’ jpoġġi kopja ta’ kull rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sar rapport mill-Bord tal-Governanza dwar il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, liema rapport kien ippublikat f’Settembru ta’ din is-sena u li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Intant il-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ukoll wettaq xi stħarriġ dwar il-ħidma tal-istess Kunsill Lokali. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dan l-istħarriġ mill-Monitoring Unit.
Attachments:PQ 2572 Paper Laid.pdf2572 Paper Laid.docx
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Kumitat Amministrattiv ta’ Burmarrad matul din il-Leġiżlatura u d-dati ta’ meta saru dawn il-laqgħat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li matul din il-leġislatura, , issejħet laqgħa waħda tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Burmarrd. Din il-laqgħa ssejħet għall-Ħamis 12 ta’ Ottubru 2017, madankollu ma saritx peress li ma ntlaħaqx quorom. Intant infurmat li ssejħet laqgħa oħra għat-Tlieta 28 ta’ Novembru 2017.
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ilu jwissi lil dan il-Kumitat Amministrattiv, tramite il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, dwar dan in-nuqqas għal xhur sħaħ sa minn meta kien kostitwit permezz tal-elezzjonijiet lokali li kienu saru fl-24 ta’ Mejju 2014.
San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali — Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għamel direct orders il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, matul is-sena 2016 u s-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti lista ta' direct orders li tinkludi l-ammonti mħallsa u min tħallas? Jista’ jagħti raġuni għalfejn saret direct order għal kull ammont li jeċċedi l-€1,164 jekk applikabli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.