Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nutara – warrant sospiż/irtirat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm persuni kellhom warrant sabiex jipprattikaw ta’ nutar sospiż/irtirat, sena b’sena, mis-sena 2000 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Nutar sospiż ma jitlifx il-warrant iżda ma jistax jippratika ta’ Nutar. Nutar irtirat jirrinunzja għall-warrant u ukoll ma jistax jippratika iktar. Qed nannetti lista b’numri li jindikaw kemm Nutara ġew inabiltati milli jeżerċitaw il-professjoni Nutarili kif ukoll dawk in-Nutara li rtiraw il-warrant wara li ġew sospiżi u għaldaqstant ma jistgħux jipprattikaw ta’ Nutar. SenaNumru ta’ Nutara 2000 2001 2002 2003 2004 20051 2006 2007 2008 2009 2010 2011 2012 2013 20141 20152 20161 20171 20181

Il-Fgura — Triq Valperga - daħla għal Wied Blandun

Question

Jista' l-Ministru jara li passaġġ li dejjem kien hemm f'Wied Blandun, li d-daħla tiegħu tinsab fi Triq Valperga faċċata ta' Triq il-Giżi, il-Fgura, li minħabba l-maltemp riċenti m'għadux aktar aċċessibli, jerġa' jsir aktar aċċessibbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li naf u nifhem li hemm diversi xogħlijiet li jridu jsiru fi-sit referut, jien tajt direzzjoni biex ix-xogħlijiet meħtieġa jitlestew sal-aħħar tas-sena.

Żgħażagħ jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni żgħażagħ jirreġistraw għax-xogħol, xahar b'xahar, minn Jannar 2012 sa Settembru 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ persuni żgħażagħ li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru xahar b’xahar minn Jannar 2012 sa Settembru 2018 hu kif muri fit-tabella hawn taħt: 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 Jannar 1,282 1,230 1,289 889 487 337 228 Frar 1,278 1,252 1,270 800 454 351 210 Marzu 1,269 1,248 1,221 721 388 341 211 April 1,191 1,198 1,083 663 353 322 176 Mejju 1,178 1,153 1,032 660 317 310 164 Ġunju 1,125 1,119 930 602 308 289 166 Lulju 1,148 1,175 1,013 604 339 285 191 Awwissu 1,189 1,245 965 572 326 291 188 Settembru 1,230 1,295 936 579 318 294 210 Ottubru 1,346 1,261 891 566 372 258 Novembru 1,324 1,383 902 491 360 226 Diċembru 1,147 1,174 809 431 340 219

Trasport Pubbliku – Tibdil fir-rotot 81, 84 u 206

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk reċentement kienx hemm tibdil fir-rotot 81, 84, u 206 tat-Trasport Pubbliku, marbut mal-passaġġ tal-istess rotot mil-lokalità tal-Fgura?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba ix-xogħlijiet li għaddejjin fil-preżent fi Triq Bormla (Ta’ Ċawsli) iż-Żejtun, ir-rotot 81, 84 u 206 fi triqthom mill-Belt Valletta jew l-Isptar Mater Dei qed jaslu sa bus stop li jġib l-isem “San Xmun” fi Triq San Anard fejn wara jiġu devjati għat-triq tal-Barrani. Il-vjaġġi fuq dawn ir-rotot fid-direzzjoni opposta m’humiex qegħdin jiġu affettwati. Dawn id-devjazzjonijiet fuq dawn ir-rotot huma temporanji u mistennija li jerġgħu jiġu għan-normal ġaladarba ix-xogħolijiet fl-inħawi msemmija jippermettu li l-karozzi tal-linja jkunu jistgħu jgħaddu.

Kalkara – local plans

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-local plans tal-Kalkara li juru kjarament it-toroq preżenti u dawk proposti?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy maps tal-Pjan Lokali tal-Kalkara li jindikaw toroq eżistenti/proposti. Dawn il- policy maps ma jurux emendi fil-linji tat-toroq li jkunu ġew proposti minn sidien privati.

Monument tal-Assedju l-Kbir — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol ta' restawr li sar fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li twettaq mid-Direttorat tar-Restawr, b’konsultazzjoni teknika ta’ Heritage Malta, kien jiffoka fuq il- bażi tal-monument u kien jinkludi: tindif ġenerali, trattament fuq il-biological soiling, tindif minn tbajja ta’ xemgħa u żejt, tikħil ta’ fili miftuħin u tiswija ta’ żoni deterjorati bil-metodu ta’ plastic repair. Dan ix-xogħol twettaq fuq perijodu ta’ tlett ġimgħat u ġie jiswa €1,600. Sar ukoll xogħol ieħor minn Heritage Malta li trattat u naddfet l-istatwa tal- bronż. Issa tidhol fis-sehh it-tieni fazi fejn, bl-ghajnuna ta' entitajiet ohra, se jkun qed isir ukoll xogħol ta’ tisbiħ li jinkludi titjib u tranġar tas-sistema tad-dawl u tal-paviment fil-madwar tal-monument.

Persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, hemm erbgħa mija u tlieta (403) persuni li qed iservu sentenza ta’ ħabs.

Persuni ta’ anqas minn 35 sena li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni taħt il-35 sena li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament fil-ħabs hemm mija wieħed u erbgħin (141) persuna taħt il-35 sena li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs.

Università, Mcast u entitajiet edukattivi – priġunieri — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri li qed isegwu kors l-Università, l-Mcast jew xi entità edukattiva oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm erba’ (4) priġunieri li qed isewgu studji.
Leg 13 PQ #6862 Sitting 140 2018-10-03 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żwiġijiet bejn persuna ta’ Nazzjonalità Maltija u oħra barranija fl-2015

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ċelebrati jew reġistrati żwiġijiet matul is-sena 2015 fejn xi wieħed jew waħda mill-partijiet kienet ta' nazzjonalità Maltija u l-parti l-oħra le? Jista’ jagħti rendikont skont in-numru ta' persuni u ta' liema nazzjonalità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fis-2015 kien hemm 324 żwieg ċelebrat bejn persuna ta' nazzjonalità Maltija u persuna ta’ nazzjonalità barranija.

MCCAA – ilmenti dwar kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-MCCAA fir-rigward tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x'tip ta' ilmenti kienu dawn u jekk instabitx soluzzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ lmenti milqugħa fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA rigward il-kumpanijia in kwistjoni sa issa telgħu għal 64. Dawn l-ilmenti jikkonċernaw kuntratti dwar prodotti ta’ btala għal perjodu fit-tul. Dawn l-ilmenti huma maqsuma fi tlett kategoriji fejn: 1. 37-il ilment huma relatati ma’ kuntratti bejn il-kumpanija u l-konsumaturi liema kuntratti issa ma jidhirx li ħa jkunu onorati; 2. 16-il ilment fejn il-konsumaturi barra li jaqgħu fl-ewwel kategorija kienu wkoll ħallsu għall-akkommodazzjoni skont kif stabbilit fil-kuntratt u meta wasslu fid-destinazzjoni sabu li ma kien sar l-ebda ħlas f’dan ir-rigward, u 3. 11-il ilment ieħor rigward konsumaturi li jaqgħu fl-ewwel kategorija u fejn ħallsu għall-akkommodazzjoni għal btala li għad iridu jmorru jew kellhom imorru u sabu li ma kien sar l-ebda ħlas għall-akkommodazzjoni mill-kumpanija. Mill-ilmenti milqugħa rri¿ulta li dawn il-kuntratti għandhom klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni esklussiva liċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ ta’ Malta u għalhekk il-konsumaturi iridu jitolbu għal rimedju quddiem dan il-forum.
Leg 13 PQ #6988 Sitting 140 2018-10-03 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistrazzjoni ta’ atti ta’ twelid

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati atti ta' twelid bħala foundlings mis-sena 1990 ‘l hawn, sena b'sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li mis-sena 1990 ‘l hawn ġew reġistrati żewġ atti ta' twelid bħala foundlings, tarbija fl-1998 u oħra fl-2012.

Programm Erasmus – Studenti li għażlu li jattendu Università barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fl-Università ta’ Malta li għażlu li jattendu Università barranija permezz tal-Programm Erasmus matul is-sena Universitarja 2017/2018? Jista’ jgħid liema pajjiżi ġew magħżula minn dawn l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' studenti li bbenefikaw s'issa mill-programm tal-Erasmus+ matul is-sena akkademika 2017-18, kien ta' 332. Il-pajjiżi li l-istudenti tal-Università ta' Malta marru fihom huma: ir-Renju Unit, l-Olanda, l-Irlanda, Franza, il-Polonja, l-Italja, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, il-Finlandja, il-Litwanja, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja, il-Ġermanja, l-Ungerija, id-Danimarka, il-Greċja u l-Iżlanda.

Università ta’ Malta – studenti li mhumiex ta’ nazzjonalita Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija li segwew kors ġewwa l-Università ta’ Malta matul is-sena Universitarja li bdiet fis-sena 2017 u ntemmet fl-2018? Jista’ jagħti lista skont in-nazzjonalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numri ta' studenti, skont in-nazzjonalità tagħhom, li mhumiex ta' nazzjonalità Maltija u li segwew kors ġewwa l-Università ta' Malta matul is-sena akkademika 2017/18.

Bajjiet dog friendly

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema bajjiet huma dog-friendlybeaches u ċjoè huma permessibbli li jgħumu l-klieb?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hawn 10 bajjiet. Dawn huma Żonqor Point, il-Bajja ta’ Wied il-Għajn, wara Splash & Fun f’Baħar iċ-Ċagħaq, il-Fortina f’Tas-Sliema, il-Bajja tar-Rinella l-Kalkara, il-Bajja ta’ Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk, Daħlet ix-Xmajjar Mellieħa, il-Bajja tat-Torri l-Abjad Mellieħa, Bajja tal-Imġiebaħ Selmun, Il-Bajja ta’ Trejqiet Imġarr ix-Xini Għawdex u Xwejni Bay, Marsalforn f’Għawdex.

Wied Blandun – tindif u rijabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fl-aħħar xhur sabiex jiġi mnaddaf u rijabilitat Wied Blandun? Hemm xi pjanijiet għal dan il-Wied?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Lulju ta' din is-sena sar intervent ta’ tindif fil-parti ta' fuq ta' Wied Blandun, min-naħa ta' Triq Wied Blandun u Triq il-Kampanella. Dan ix-xogħol sar bħala parti mit-Task Force imwaqqfa mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima sabiex jibda jitneħħa l-iskart mill-widien. Fl-2017, il- Valley Management ikkonkludiet studji preliminari sabiex jinstabu s-sorsi u ż-żoni ta’ tniġġiż ta’ dan il-wied. L-istudju ta wkoll direzzjoni fuq il-kampjuni li għandhom jittieħdu mill-wied u x’analiżi għandha titwettaq sabiex tkun magħrufa sew il-kundizzjoni ambjentali attwali tal-wied. Il-fondi tal-ewwel studji kienu mħallsa mill-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta (KKNM). Bħalissa, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima qed jagħmel eżerċizzju sabiex jinstabu opportunijiet ta’ fondi Ewropej sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni għall-fondi għat-tieni fażi tal-istudji u sabiex jitwettqu x-xogħlijiet ta' restawr ta' Wied Blandun.
Leg 13 PQ #6860 Sitting 139 2018-10-02 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żwiġijiet bejn persuna ta’ Nazzjonalità Maltija u oħra barranija fl-2017

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ċelebrati jew reġistrati żwiġijiet matul is-sena 2017 fejn xi wieħed jew waħda mill-partijiet kienet ta' nazzjonalità Maltija u l-parti l-oħra le? Jista’ jagħti rendikont skont in-numru ta' persuni u ta' liema nazzjonalità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat li fis-sena 2017 kien hemm 340 żwieg ċelebrat bejn persuna ta' nazzjonalità Maltija u persuna ta’ nazzjonalità barranija.
Leg 13 PQ #6861 Sitting 139 2018-10-02 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żwiġijiet bejn persuna ta’ Nazzjonalità Maltija u oħra barranija fl-2016

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ċelebrati jew reġistrati żwiġijiet matul is-sena 2016 fejn xi wieħed jew waħda mill-partijiet kienet ta' nazzjonalità Maltija u l-parti l-oħra le? Jista’ jagħti rendikont skont in-numru ta' persuni u ta' liema nazzjonalità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat li fis-sena 2016 kien hemm 349 żwieġ ċelebrat bejn persuna ta' nazzjonalità Maltija u persuna ta’ nazzjonalità barranija.