Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programm fuq stazzjon televiżiv — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għat-Tfal investigatx artiklu li xxandar fuq is-sit “lovinmalta.com” u sussegwentament il-programm li xxandar fuq l-istazzjon Net tv bl-isem ta' 'Akila' fejn waqt l-istess programm żewġ tfajliet minuri, li skont l-istess artiklu għandhom tlettax u ħmistax-il sena, ġew mistoqsija jekk kenux lesti jieħdu ritratti lebsin ‘lingerie’? https://lovinmalta.com/news/news-video/watch-7-total-wtf-moments-from-this-new-maltese-modelling-tv-show

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Kummissarju għat-Tfal ġiet ikkuntatjata minn individwu kif ukoll mill-Awtorità tax-Xandir dwar il-programm li qed isir aċċen għalih (il-programm Aċila). Il-Kummissarju wriet it-tħassib tagħha dwar ċerti kummenti li għamel membru tal-panel fuq dan il-programm. Il-Kummissarju ma qablitx ukoll mal-mod kif qed isir il-programm, b’mod partikolari minħabba l-firxa wiesa tal-etajiet tal-parteċipanti. L-Uffiċċju ħa jkompli jsegwi dan il-programm u jkompli jiddiskuti mal-Awtorità tax-Xandir fl-aħjar interess tat-tfal.

Programm fuq stazzjon televiżiv — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tax-Xandir investigatx artiklu li xxandar fuq is-sit “lovinmalta.com” u sussegwentament il-programm li xxandar fuq l-istazzjon Net tv bl-isem ta' 'Akila' fejn waqt l-istess programm, żewġ tfajliet minuri, li skont l-istess artiklu għandhom tlettax u ħmistax-il sena, ġew mistoqsija jekk kenux lesti jieħdu ritratti lebsin ‘lingerie’? https://lovinmalta.com/news/news-video/watch-7-total-wtf-moments-from-this-new-maltese-modelling-tv-show

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tax-Xandir qiegħda tevalwa l-każ indikat mill-Onor. Interpellant.

MCCAA – rapporti ta’ misleading advertisement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ misleading advertisements irċevuti mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul is-sena 2018? Kemm minn dawn ittieħdet azzjoni dwarhom? Jista’ jagħti elenku ta’ tipi ta’ misleading advertisement li ttieħdet deċiżjoni dwarhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul 2018 kien hemm sitt rapporti li kienu direttament relatati ma’ misleading advertisements fejn ittieħdet jew qed tittieħed azzjoni fuqhom kollha. Dawn kienu relatati ma' reklamar ta’ offerti fejn hemm żmien limitat minn meta jew sakemm konsumatur seta’ jutilizzahom liema żmien ma kienx ċar fir-reklam, reklamar fuq prodotti li ma jkollhomx l-ispeċifikazzjonijiet kollha rreklamati u offerti jew servizzi reklamati mhux onorati.

Il-Fgura — Triq Valperga - daħla għal Wied Blandun

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7795, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellenat li x-xogħlijiet ġewwa Triq il-Valpegra, fid-daħla ta’ Wied Blandun huma lesti u l-pubbliku jista’ juża l-passaġġ mill-ġdid.
Leg 13 PQ #8262 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ismijiet popolari tas-subien fl-2018

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-aktar tliet ismijiet popolari ta' subien matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li l-aktar tliet ismijiet popolari ta' subien matul is-sena 2018 kienu Noah, Luca u Liam
Leg 13 PQ #8263 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ismijiet popolari ta' bniet fl-2018

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-aktar tliet ismijiet popolari ta' bniet matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li l-aktar tliet ismijiet popolari tal-bniet matul is-sena 2018 kienu Emma, Mia u Valentina

Għajnuniet offruta bħala sussidju tal-kera

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku tad-diversi għajnuniet offruta bħala sussidju tal-kera? Min jista’ japplika/jgawdi minn dan is-sussidju? X’tip ta’ dokumentazzjoni jeħtieġ li tiġi pprovduta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fl-2017 l-Awtorità tad-Djar varat skema li permezz tagħha inkwilini f’postijiet residenzjali mikrija mill-privat jistgħu jibbenefikaw minn sussidju li jlaħħaq sa massimu ta’ €2,000 fis-sena. Meta persuna tissottometti applikazzjoni għas-sussidju tal-kera tkun mitluba dawn id-dokumenti ; · Kopja tal-Karta tal-Identità valida ta’ kull applikant u tal-ulied li jgħixu miegħu li għandhom taħt it-tmintax-il sena; · F’każ ta’ persuna separata / divorzjata / annullata, għandha tipprovdi kopja tad-deċiżjoni finali tal-Qorti kompetenti li tippronunzja l-firda jew kopja tal-att pubbliku li jagħti effett lill-firda bil-kunsens tal-miżżewġin jew żewġ persuni imsieħba f’Unjoni Ċivili bl-awtorità tal-qorti kompetenti; · F’każ ta’ applikant bona fide de facto separat għandhom jinġiebu dawk il-provi dokumentati jew provi ta’ xorta oħra li jippruvaw il-pożizzjoni tagħhom bħala persuni bona fide de facto separati. L-Awtorità jkollha d-diskrezzjoni sabiex tiddeciedi jekk il-prova ta’ separazzjoni de facto ġietx attenuta; · FS3 tal-applikant tas-sena preċedenti. F’każ ta’ applikant pensjonant, ikun mitlub jipproduċi dokument li juri l-ammont kollu ta’ pensjoni, u f’każ ta’applikant Self Employed, ikun mitlub Profit & Loss Account / Income Statement iffirmat minnu u Balance Sheet / Statement of Financial Position jekk applikabbli flimkien ma’ kopja tal-Formola tat-Taxxa tas-sena kalendarja preċendenti d-data tal-applikazzjoni jekk applikabbli; · Kuntratt tal-Kera u Ktieb tal-Kera jew kuntratt ta’ enfitewsi tar-residenza tal-applikant u kopja tal-aħħar irċevuta; · Kopja tal-Karta tal-Identità Speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, f’każ li l-applikant jew xi ħadd minn uliedu li jgħixu miegħu għandu diżabilità; · F’każ li l-applikant qiegħed jagħmel fostering tat-tfal, kien huwa/hija stess fostered, kien jgħix f’istituzzjoni, temm programm ta’ riabilitazzjoni, jew ħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, għandhom jipproduċu dokument uffiċjali li jindika dan; · Work Book Entries aġġornat maħuġ mill-Jobsplus (Sezzjoni Work Book) ta’ kull applikant; Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument illi jinkludi d-dettalji u l-kriterja tal-eliġibbiltà tas-sussidju tal-kera. Kif tħabbar fil-baġit għall-2019, is-sussidju fuq il-kera ser jkun qiegħed jinbidel sabiex ikun qiegħed jiġi kkunsidrat mhux biss id-dħul gross tal-familja iżda anke n-nefqa tagħhom fuq il-kera.

In work benefits

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ għajnuna li tingħata fil-forma ta’ in work benefits?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-benfiċċju tal-In-Work jingħata lil tlett kategoriji differenti ta’ benefiċjarji li għandhom tfal taħt it-23 sena u li għadhom jgħixu fl-istess dar. Dawn il-kategoriji huma koppji fejn it-tnejn ikunu jaħdmu, fejn xi ħadd biss mill-koppja jkun f’impjieg, kif ukoll lill-persuni waħedhom li jkunu jaħdmu. Ir-rati tal-In-Work Benefit huma mqassmin skont id-dħul nett mill-impjieg illi jkollhom il-benefiċjarji. Fil-każ ta’ koppja fejn it-tnejn jaħdmu, irid ikollhom dħul nett bejniethom ta’ bejn l-€10,000 u l-€24,630 fis-sena, fejn xi ħadd minnhom għallinqas ikollu jew ikollha dħul ta’ aktar minn €3,000 fis-sena. Ir-rata massima li tista’ titħallas hija dik ta’ €1,300 fis-sena għal kull wild għal min għandu dħul nett minn impjieg ta’ bejn €12,530 u €17,729. Din il-kategorija fejn il-koppja qegħdin it-tnejn f’impjieg, kellhom żieda massima ta’ €100 fis-sena għal kull wild. Diversi rati oħra huma applikabbli għal dħul li m’huwiex f’din il-faxxa. Fil-każ ta’ koppja fejn xi ħadd minnhom biss jaħdem, id-dħul nett irid ikun bejn €6,600 u €17,130, fejn l-ogħla rata hi ta’ €550 għal min għandu d-dħul nett ta’ bejn is-€6,600 u l-€10,130. Din il-kategorija ta’ persuni kellhom żieda massima ta’ €100 fis-sena għal kull wild. Hawnhekk ukoll hemm rati oħra applikabbli għal min għandu dħul ta’ aktar minn €10,131 iżda li ma jaċċedix is-€17,130. Fil-każ fejn persuna waħedha li hija f’imjieg u għandha dħul nett ta’ bejn €6,600 u €17,130 bi tfal taħt it-23 sena li joqogħdu fl-istess dar, din ukoll hija intitolata għall-In-Work Benefit. Ir-rata massima li tista’ titħallas hija ta’ €1,350 fis-sena għal kull wild għal min għandu dħul nett ta’ bejn €8,830 u €9,729. Din ir-rata tiżdied bi €80 oħra fis-sena għall-ewwel wild eleġibbli. Din il-kategorija ta’ benefiċjarji kellhom żieda massima ta’ €100 fis-sena għal kull wild. Diversi rati oħra huma applikabbli għal dħul li m’huwiex f’din il-faxxa. Biex persuna jew persuni jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju jridu japplikaw fuq formola apposta li tinkiseb mill-uffiċċji distrettwali jew inkella minn fuq il-website u jkunu jridu jippreżentaw dokument uffiċjali (FS3 jew Profit and Loss Account) tad-dħul li kellhom matul is-sena ta’ qabel. Il-pagamenti għal din is-sena jibdew joħorġu f’April, kull 3 xhur b’lura.

Children’s allowance

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ għajnuna li tingħata fil-forma ta’ children’s allowance?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Allowance tat-Tfal tingħata lill-ġenituri li għandhom tfal taħt is-16-il sena, u li għandhom il-kura u l-kustodja tagħhom. Sabiex wieħed ikun eleġibbli għall-allowance tat-tfal, it-twelid tal-wild irid ikun reġistrat fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta. Fejn il-familja għandha dħul nett ta’ aktar minn €25,045 fis-sena, ir-rata applikabbli hija dik minima, li hija ta’ €8.66 fil-ġimgħa, filwaqt li r-rata massima li tista’ titħallas hija dik ta’ €24.08 fil-ġimgħa għal min għandu dħul nett daqs il-Paga Minima Nazzjonali. Id-dħul li jiġi kkalkulat għall-allowance tat-tfal, mhuwiex biss d-dħul li ġej mill-impjieg biss, iżda id-dħul kollu li jista’ jkollha dik il-familja. Għal min għandu rata ta’ aktar minn dik minima, fl-2019 l-allowance tat-tfal żdiedet minn 6% għal 6.5% tad-differenza bejn id-dħul massimu applikabbli ta’ €25,045 u d-dħul nett li l-familja kellha. Bħalissa, id-dħul li jiġi kkalkulat huwa dak tas-sena 2017. Għal min, skont il-komputazzjoni li ssir, ir-rata tiġi anqas minn dik minima, ir-rata li titħallas lil individwu/familja, tkun ir-rata minima stabbilita. Ir-rata massima din is-sena żdiedet minn €22.23 għal €24.08 fil-ġimgħa. Meta tarbija tiġi reġistrata, jibda l-proċess biex isir il-pagament, fejn l-ewwel titħallas ir-rata minima applikabbli jekk il-ġenituri ma jkunux diġà qed jirċievu l-allowance tat-tfal u tintbagħat notifika biex jekk id-dħul ta’ dik il-familja jkun anqas minn €25,045, għandha issir applikazzjoni u jintbagħtu d-dokumenti meħtieġa, biex jekk ikun il-każ, tiżdied ir-rata applikabbli. Jekk il-ġenituri jkunu qegħdin diġà jirċievu rata ta’ allowance skont id-dħul nett tagħhom, allura l-pagament tal-wild il-ġdid isir skont dik ir-rata mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni. Wieħed irid ifakkar li kull tibdil fiċ-ċirkostanzi, għandu jiġi ikkomunikat lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, fi żmien 6 xhur, inkella tista’ tintilef parti mill-allowance dovuta.

Raħal il-Ġdid – Knisja ta’ Santa Ubaldesca — restawr

Question

Jista’ jgħid jekk hemmx ippjanat restawr mal-Knisja ta’ Santa Ubaldesca f’Raħal il-Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-preżent id-Direttorat tar-Restawr m’għandux ippjanat xogħol ta’ restawr mal-knisja ta’ Santa Ubaldeska. Intant nfurmat mill-Kunsill Lokali Paola li din l-Knisja mhix proprjetà tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant ma għandu l-ebda jedd fuqha.

Spiża ta' inkjesta maġisterjali u seduti tal-Qorti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7632, jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-esperti li kienu mqabbdin mill-Maġistrat fi kwalunkwe punt tal-Inkjesta Maġisterjali? Kien hemm persuni oħra, apparti dawn l-esperti, li kellhom aċċess għall-indaġni Maġisterjali in toto jew in parte? Jekk iva, min kienu u għal liema skop?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Qrati ma jkunx informati bl-esperti li jitqabbdu mill-Maġistrati fl-inkjesta u lanqas ikun nfurmat jekk ikunx hemm persuni oħra li qed jgħinu lill-Maġistrat fl-inkjesta. L-esperti li sal-lum ippreżentaw “vouchers” għal ħlas in konnessjoni mal-inkjesta jammontaw għall-29 u qiegħdin kif muri fil-lista ta' hawn taħt: Lista ta' Esperti li ġew imqabbda mill-Qorti u ppreżentaw il-kont għall-ħlas Isem tal-Espert Servizz 1 Agius Herbert Analiżi ta' data eletronika 2 Ali Sarfraz Post Mortem 3 Aquilina Richard Perit Tekniku 4 Arthur Borg - Surġent (espert tal-Qorti) Inkjesta DCG appuntat mill-Magistrat Dr Anthony Vella 5 Atanasio William Medical Lab Technician 6 Bajada Martin Tekniku 7 Bugeja Yanika Traduzzjoni 8 Buttigieg Mario Tekniku 9 Camilleri Marie Therese Post Mortem 10 Camilleri Yanika Traduzzjoni 11 Cardona Alvin Digital Forensics 12 Cassar Jesmond Ballistika 13 Cassar John Dissector 14 Critien Robert Qari u analiżi ta' data elettronika 15 Cutajar Keith Forensika Diġitali 16 Two FBI Agents Forensika Data Elettronika 17 Formosa Saviour Tekniku 18 Gera John Saħħa u Sigurtà 19 Grima David Medical Lab Technician 20 Lanfranco Reuben Espert tekniku Marittimu 21 Lietje Bonello Boissevain Traduzzjoni 22 Marco Tolli Forensika Data Elettronika 23 MLS Bio DNA Laboratorju 24 Netherlands Forensisch Xhud laboratorju forensiku 25 Portelli Catrina Dissector 26 Sant Marc Interpreter - Degiorgio et 27 Tanti Quentin Qari u analiżi ta' data elettronika 28 Vella Daniel Alfred Xjenza Forensika ( Fire & Explosions ) 29 Vella Lennox Traduzzjoni

Awtorità tax-Xandir – reklami jew filmati kummerċjali mwaqqfa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reklami jew filmati kummerċjali li ġew imwaqqfa jew mitluba li jiġu emendati mill-Awtorità tax-Xandir, mis-sena 2008 sas-sena 2018 maqsuma sena b’sena? Jista’ jagħti elenku ta’ dawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kien hemm żewġ istanzi fejn reklami jew filmati kummerċjali ġew imwaqqfa jew mitluba li jiġu emendati mill-Awtorità tax-Xandir. Hawn taħt hawn tabella b’informazzjoni dettaljata. SenaStazzjonProgramm/ReklamDeskrizzjoni 2008ONEReklam 'St Mary's Clinic'L-Awtorità tax-Xandir intervjeniet mal-istazzjon dwar dan ir-reklam li xxandar fuq One TV fit 3 ta’ Novembru, 2008, u saħansitra nħarġet akkuża, minħabba li dan kien jikser paragrafu 5.3, 6.2 u 9.1 (a) u (c) tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika fuq Programmi li Jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonijisti fil-Kura Medika, fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li Japplikaw għal Prodotti u Trattamenti Mediċinali, peress li saru referenzi għal offerti ta’ roħs mhux permess bil-liġi u ma ngħatawx dettalji tat-trattment u s-side effects tiegħu. 2009TVMReklam 'Have a Look'L-Awtorità tax-Xandir intervjeniet mal-istazzjon dwar dan ir-reklam ‘Have a Look’ tal-1 ta’ Frar 2009, u saħansitra nħarġet akkuża minħabba li kien kiser il-paragrafu 6 (b) tal-Kodiċi tax-Xandir dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (illum emendat) meta r-reklam kien jinkoraġġixxi lill-minuri jipperswadu l-ġenituri tagħhom jixtru kostumi tal-Karnival.

Infrastructure Malta – toroq għall-manutenzjoni f’Raħal il-Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li għalihom Infrastruttura Malta hija responsabbli għall-manutenzjoni ġewwa l-lokalità ta' Raħal Ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq indikati huma: Vjal Santa Luċija Vjal Sir Paul Boffa Triq Il-Perit Dom Mintoff Triq Giuseppe Garibaldi Triq Għajn Dwieli Triq Ħal Luqa Triq L-Isqof Buħagiar Triq li tagħti għal Ras Ħanżir

Kunsill Lokali tal-Fgura – Ċentru Ċiviku — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi gawda l-Kunsill Lokali tal-Fgura minbarra dawk allokati lilu kull sena finanzjarja, sabiex jinbena u jitlesta ċ-Ċentru Ċiviku fi Triq Hompesch, Fgura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura bbenefika total ta’ €300,000 mill-Iskema tal-Proġetti Kapitali mnedija mill-Ministeru de quo.Dawn ingħataw f’#ewġ għotjiet, waħda ta’ €75,000 f’Novembru 2016 u l-kumplament f’Awwissu 2018.

Kunsill Lokali tal-Fgura – laqgħat u għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm korrispondenza bejn il-Kunsill Lokali tal-Fgura, il-Gvern u l-awtoritajiet oħra fejn intalbu laqgħat u għajnuna finanzjarja sabiex jiġi ffinanzjat iċ-Ċentru Ċiviku qabel Marzu tas-sena 2013? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-korrispondenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza relatata.

Ħaż-Żabbar — Triq Hompesch - asfaltar

Question

JIsta' l-Ministru jara li jsir xogħol ta' asfaltar neċessarju viċin ir-roundabout fi Triq Hompesch, kantuniera ma' Triq is-Sur, il-Fgura, wara li parti mill-asfalt jidher li ċeda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entità kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq hija l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Infrastructure Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex iqisu dan l-ilment u jwettqu t-tiswijiet meħtieġa. Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin gradwalment tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista ta’ toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Il-Fgura — Triq il-Liedna - parti tat-triq li sfrondat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex investigat u x'passi se jittieħdu wara li jidher li sfrondat parti minn Triq il-Liedna kantuniera ma' Triq il-Ġiżi ġewwa l-Fgura, biswit sit li qed jinbena, u konsegwenza t'hekk anke intilfu diversi parkeġġi f'din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-entità kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq hija l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Infrastructure Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex iqisu dan l-ilment u jieħdu l-passi għat-tiswijiet meħtieġa. Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin gradwalment tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista ta’ toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Kunsill Lokali tas-Sliema – pjanijiet għal Triq ix-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema għal Triq ix-Xatt fil-parti ta’ bejn Triq Santa Rita u Triq Ċensu Xerri? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe pjanta relevanti li għandu fil-pussess tiegħu l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema li fl-inħawi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant il-Kunsill Lokali għandu pjanijiet li tinbena latrina pubblika moderna, li magħha, jista’ ukoll jiġi inkluz Tourist Information Office. Il-Kunsill Lokali diġa applika għal din il-latrina mal-Awtorita’ tal-Ippjanar skond PA 5017/18. Wara li jinħareg dan il-permess, jinbeda il-proċess ta’ akkwist ta’ fondi u procurement. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relevant.