Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar – Triq Villabate, Triq it-Telliera u Triq Sant’ Antnin – ‘Public Urban Open Space’

Question

Jista’ l-Ministru jindika b’mod ċar x’pjanijiet hemm għall-porzjon tal-art bejn Triq Villabate, Triq it-Telliera u Triq Sant’ Antnin ġewwa Ħaż-Żabbar, li skont l-pjanti lokali tal-Awtorità tal-Ippjanar hija indikata bħala ‘Public Urban Open Space’?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 136.

Kunsilli lokali – Attivitajiet tradizzjonali – Ħlas għas-servizz tat-tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi policy jew struzzjoni li tistabbilixxi li kunsill lokali jista’ jitlob ħlas mingħand parroċċa għas-servizz tat-tindif għall-attivitajiet tradizzjonali tal-lokal ta’ dik il-parroċċa? Jekk m’hemmx policy jew struzzjoni, tista’ tgħid ukoll jekk din hijiex fid-diskrezzjoni ta’ kull kunsill lokali individwalment?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li m'hemmx policy ċentrali dwar ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali għal servizzi ta' tindif. Il-prassi normali hija li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-parroċċa u l-għaqdiet biex f'każ ta' attivitajiet, il-Kunsill jikoordina t-tindif flimkien ma’ kuntratturi jew mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.

San Ġiljan – Pjazza Balluta – Ħajt ta’ sostenn

Question

Fid-dawl li fi Pjazza Balluta ġewwa San Ġiljan, il-ħajt ta’ sostenn jinsab fi stat ta’ deterjorament serju u f’partijiet minnu diġà ċeda u b’hekk qed joħloq riskju għas-sigurtà kemm għar-residenti, il-pedestrians kif ukoll is-sewwieqa, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se tittieħed azzjoni u jekk iva, sa meta se jitranġa?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li kellu laqgħa mal-bennej u li x-xogħol huwa previst li jibda fi żmien qrib.

Ta’ Qali – Concert Area – Avvenimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema avvenimenti saru fil-concert area l-ġdida f’Ta’ Qali minn meta nfetħet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MGA – Permess ta’ logħob – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma’ kull applikazzjoni għal permess ta’ logħob (tombla), l-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob qed titlob id-dettalji tal-membri kollha tal-kumitat u mhux biss tal-persuna li qed tapplika? Jista’ wkoll: i. jgħid x’inhu l-iskop ta’ din it-talba għall-informazzjoni; ii. jgħid għaliex mhux qed jintalbu biss id-dettalji tas-segretarju jew tal-persuna li qed tapplika f’isem il-kumitat; u iii. jagħti garanzija li tali dettalji qed jinżammu biss mill-uffiċjali inkarigati mill-ipproċessar tad-data f’dik l-awtorità, b’tali mod li ma jkollhomx aċċess għalihom terzi, inkluż impjegati oħra tal-istess awtorità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi Organizzazzjoni Volontarja (‘OV’) li tapplika għal permess ta’ logħob ta’ riskju baxx (tombla), skont l-Artikolu 44(4) tal-‘Gaming Authorisations and Compliance Directive (Directive 3 of 2018)’, hija obbligata li tissottometti lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob (‘MGA’) l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni, inkluża, iżda mhux limitata għal, dokumentazzjoni statutorja rilevanti relatata mal-istess organizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-proċess t’awtorizzazzjoni jirrikjedi lid-dipartiment rilevanti tal-MGA jiġbor informazzjoni relatata mal-membri tal-kumitat tal-OV sabiex jivverifika li l-individwu li jkun qed jissottometti l-applikazzjoni in kwistjoni, huwa awtorizzat jaġixxi f’isem l-OV kkonċernata. Għal din l-istess raġuni, ma jintalbux biss id-dettalji tas-segretarju jew tal-persuna li qed tapplika f’isem il-kumitat. Barra minn hekk, l-aċċess għal din l-informazzjoni huwa ristrett għal dawk l-impjegati tal-MGA li lir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom jeħtieġu tali aċċess għat-twettiq ta’ dmirijiethom.

Ix-Xgħajra – Bieb tal-Fortizza tal-Grazzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nqala’ l-bieb tal-Fortizza tal-Grazzja fix-Xgħajra u x’sar minnu, minn meta nqala’ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qiegħda f’diskussjonijiet rigward il-proċess tar-restawr.

Xjenza Malta – Fondi nazzjonali u Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fondi nazzjonali u fondi Ewropej disponibbli għal Xjenza Malta sal-aħħar ta’ din is-sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għall-estimi finanzjarji tal-budget, li kopja tagħhom diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra, infurmat li b’mod addizzjonali, hemm ukoll fondi attribuiti mill-Fond Ewropew għall-iżvilupp Reġjonali (ERDF), permezz tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali.

L-Imtarfa – Ground

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li ttieħed il-ground fl-Imtarfa? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-iskop ta’ din id-deċiżjoni u x’alternattivi ġew offruti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tkun iktar speċifika fil-mistoqsija tagħha, fosthom għal liema grawnd qed tirreferi.

Żoni turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liem huma l-lokalitajiet li huma identifikati bħala żoni turistiċi? Jista’ jgħid ukoll liema żoni huma kkunsidrati bħala żoni turistiċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' lokalijiet u toroq definiti bћala 'Żoni Turistiċi' għall-fini ta' S.L.623.08. Din il-lista tidher ukoll fuq is-sit elettroniku https://mta.com.mt/news/cessation-demolition-and-excavation-works-summer-tourist-zones-2026/

Ħaż-Żabbar – Misraħ San Ġakbu – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibdew u sa meta se jitlestew ix-xogħlijiet f’Misraħ San Ġakbu, f'Ħaż-Żabbar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tindika għal liema xogħlijiet qed issir referenza sabiex tkun tista’ tingħata t-tweġiba mitluba.

Ħaż-Żabbar – Misraħ San Ġakbu – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew u sa meta se jitlestew ix-xogħlijiet f’Misraħ San Ġakbu, f'Ħaż-Żabbar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastruttura Malta għadha fil-fażi ta’ disinn tal-proġett ta’ rinovar ippjanat għal Misraħ San Ġakbu. L-Aġenzija filfatt ġabet permess ta’ żvilupp għal dan is-sit mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u bħalissa qed tkompli taħdem fuq id-dettalji ta’ disinn li proġett fil-qalba ta’ raħal bħal dan jistħoqqlu.

Ħaż-Żabbar – Triq Santa Duminka – Żona pedonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-parti d-dejqa ta’ Triq Santa Duminka f'Ħaż-Żabbar, issir żona pedonali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol sabiex l-parti d-dejqa ta’ Triq Santa Duminka issir żona pedonali, jibda wara li jitlestew ix-xogħlijiet ġo Triq Lia, Żabbar.

Ħmieġ tal-annimali – Multi

Question

Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali, tgħid kemm kien hemm persuni li weħlu multi fuq ħmieġ tal-annimali, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.