Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien – Triq San Tumas — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ippjanata li ssir Triq San Tumas f’Ħal Tarxien peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż? Jekk iva, meta huwa ppjanat li jibda dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq iż-Żejtun, Triq Marjanu Gerada, Triq Santa Marija, Triq Paola, Triq Birbixkilla, Triq Ġużeppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard, Triq Xintill, Triq l-Isqajjaq, Triq it-Tabib Jimmy Farrugia u numru ta’ sqaqien, Triq Santu Wistin, Triq il-Lampuka, Triq it-Tarzna, Triq il-Knisja, Vjal Simmons, Triq Birżebbuġa u Triq Manuel Buhagiar. L-aġenzija fetħet ukollparkeġġ pubbliku ġdid bi spazju għal 128 vettura biswit il-Kulleġġ San Tumas More Skola Medja, inqas minn 200 metru mill-Knisja Parrokkjali. Dawk li jgħixu f’dawn l-inħawi, jew li jżuruhom, jistgħu jipparkjaw fih u jimxu l-bqija tat-triq lejn il-qalba tal-lokalità u b’hekk ikunu qed inaqqsu l-karozzi fit-toroq dojoq tal-madwar. Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom fi Triq Sant Antnin, f’Ħal Tarxien. It-triq indikata, Triq San Tumas, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Il-Fgura – Vjal Kottoner – stat ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq Vjal Kottoner fil-Fgura? Jaf il-Ministru li parti minn din it-triq prinċipali qed tisfronda u saret perikoluża għas-sewwieqa u anke għal dawk li jkunu għaddejjin minnha bil-mixi (il-parti li qed tisfronda hija k/m Triq Gallu u Triq Mondion)? Jaf il-Ministru li minn din it-triq jgħaddi traffiku kważi daqs kemm jgħaddi minn Triq Hompesch/Żabbar fil-Fgura?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Fgura, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso, Triq il-Kitba, Triq Giacomo Matteotti, u Triq il-Velleran waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda.

Il-Fgura — Triq l-14 ta Diċembru 1945

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq Triq l-14 ta Diċembru 1945 fil-Fgura? Jaf il-Ministru li din it-triq kienet waħda mit-toroq li l-Kunsill Lokali tal-Fgura indika fl-ewwel lista li ntalab jibgħat lill-Infrastruttura Malta meta twaqqfet din l-Aġenzija? Jista jagħti raġuni għaliex din it-triq ma saritx filwaqt li l-istess Aġenzija għamlet toroq oħrajn fil-lokalità mingħajr konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità tal-Fgura l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso, Triq il-Kitba, Triq Giacomo Matteotti, u Triq il-Velleran, fil-Fgura. It-triq indikata, Triq l-14 ta Diċembru 1945, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Il-Fgura — Ilma qiegħed fi Triq l-14 ta Dicembru 1945

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga għaliex fit-tarf ta’ Triq l-14 ta Diċembru 1945 k/m Triq is-Sur qed iżomm ħafna ilma kif tagħmel ix-xita u dan minn wara li saret ir-rikostruzzjoni ta’ Triq is-Sur minn Infrastruttura Malta? Jista’ jara li l-Aġenzija responsabbli ssib rimedju għal din il-problema peress li meta jinġemgħa l-ilma, speċjalment wara x-xita, dan jispiċċa bħala ilma qiegħed b’ħafna dud u insetti b’detriment għas-saħħa tar-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 2945.

Kunsilli Lokali — Każ quddiem il-Bord tal-Governanza

Question

B’referenza għall-każ li jinsab quddiem il-Bord tal-Governanza u li d-dettalji tiegħu qed jiġu mgħoddija b’mod separat, jista’ l-Ministru jgħid: a. Għaliex l-aħħar seduta fuq dan il-każ saret f’Diċembru 2021 u s’issa, 10 xhur wara, jidher li ma nstema' xejn iktar; b. jara li dan il-każ jingħalaq; c. jaħseb li huwa ġust u sewwa li każ quddiem bord imwaqqaf bl-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) iħalli għaxar xhur lill-partijiet ikkonċernati f’għama totali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li jien naqbel mal-massima li l-ġustizzja trid mhux biss issir imma tidher li qed issir. Għalhekk, waqt li rridu nħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu bis-serenità meħtieġa, tajjeb li nappellaw biex ikunu spediti fil-ħidma tagħhom.

Il-Kalkara — Progett tax-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta huwa pproġettat li jitlesta kompletament il-proġett li qed isir fix-Xatt tal-Kalkara? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti finali ta' kif ser jiġi l-proġett ġaladarba jkun lest?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ser jkun lest sa nofs is-sena 2023. Pjanti tal-proġett huma tekniċi u ma jgħatux indikazzjoni ċara għall-publiku tal-aspett finali tal-proġett. Wieħed jista jara dan il-proġett permezz ta’ 3D walk through li tista tiġi aċċessata fuq il-link https://youtu.be/8k31idE9nH8 jew fuq is-sit uffiċjali tal-GHRC.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1214 dwar xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consilii (fiż-żona tal-Qasam tad-Djar) fil-Fgura, peress li l-Ministru kien wiegħed lill-Parlament li x-xogħlijiet ser jitlestew f’Ġunju li għadda, jista’ jgħid jekk jafx li dan ix-xogħol għadu mhux lest? Jaf li f’Ġunju kien ingħata wiċċ proviżorju ta’ tarmak minħabba l-festa tal-lokal u ma sar xejn iktar minn Ġunju s’issa? Jista’ jgħid jekk hux ser jerġa’ jinqala’ t-tarmak sabiex isir iktar xogħol? Jikkonferma li wara li sar dan ix-xogħol qed jirriżultaw problemi taħt it-triq fosthom fis-sistema tal-culverts? Jaf li dan ix-xogħol waqaf fl-aħjar perjodu meta l-Iskola Primarja tal-Fgura kienet magħluqa u issa jekk ser terġa’ tinqala’ t-triq, ser tirriżulta f’inkonvenjent kbir għat-tfal tal-iskola u l-ġenituri? Jista’ jagħti data li tinżamm meta dan il-proġett ser jitlesta kompletament għaliex għal dawn ix-xhur kollha, ir-residenti nżammew f’għama totali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li fl-ewwel parti tat-triq indikata sar l-ewwel saff t’asfalt li ma kienx proviżorju, Infrastructure Malta ġiet infurmata minn entità oħra li rċeviet ilmenti relatati mas-sistema tad-drenaġġ, u għaldaqstant ix-xogħlijiet kellhom jieqfu sakemm isiru testijiet neċessarji biex jiġi lokalizzat u deċiż l-intervent meħtieġ biex jiġu indirizzati dawn l-ilmenti. Wara li jsir dan l-intervent ikun jista’ jingħata t-tieni saff t’asfalt u jitlesta x-xogħol f’din il-parti tat-triq.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii — xogħlijiet

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura (fiż-żona tal-Qasam tad-Djar), tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra għalfejn ix-xogħol ilu wieqaf tliet xhur? Tikkonferma li wara li sar ix-xogħol, qed jirriżulta li hemm problema taħt it-triq fosthom fis-sistema tal-culverts? Taf li r-residenti qed jinżammu f’għama totali għaliex ħadd ma jaf x’ser jiġri filwaqt li t-tarmak għadu mhux komplut b’periklu għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq? Tista’ tinforma lill-Kamra kif u meta ser ikunu ffinalizzati dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li waqt li kienu qed isiru x-xogħolijiet mill-awtorità kompetenti fuq it-triq imsemmija, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nnutat ħsarat fis-sistema tad-dranaġġ, li ser ikunu qed jiġu rranġati fil-jiem li ġejjin billi tinbidel l-medda tad-dranaġġ fejn irriżultat il-ħsara.

Il-Fgura – Triq il-Bieb – Bozza maqtugħa

Question

Tista’ l-Ministru tara li bozza fuq double arm pole li jinsab quddiem residenza ġewwa l-Fgura, u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tissewwa peress li din ilha madwar tliet xhur maqtugħa b’inkonvenjent kbir għar-residenti, speċjalment dawk anzjani, li jgħixu f’dik iż-żona? Tista’ tispjega għaliex xogħol daqshekk sempliċi jieħu dan it-tul ta’ żmien kollu sabiex jiġi rimedjat u dan wara li kemm ir-residenti kif ukoll il-Kunsill Lokali għamlu diversi rapporti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Enemalta ma kellhiex notifiki dwar din il-bozza. Ninsab infurmata li ser tittieħed azzjoni biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.

Fgura — proġett ta' Adventure Park

Question

Jista’ l-Ministru jagħti data meta ser jibda x-xogħol fuq il-Fgura Adventure Park li tħabbar mill-Gvern fid-29 ta’ Mejju 2017 bi spiża ta’ €350,000 ? Jista’ jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta’ dan il-proġett? Jista’ jikkonferma meta ġew ippreżentati l-pjanti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar meta dakinhar li tħabbar il-proġett, il-Gvern kien wiegħed li l-pjanti ser jiġu ppreżentati sa Ġunju 2017? Jista’ jikkonferma jekk il-permess ġiex approvat jew le?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Raħal Ġdid – Ħsarat fil-pjazza prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, jagħti l-aħħar tagħrif li għandu dwar il-manutenzjoni li hemm bżonn fil-pjazza prinċipali tal-lokal? Jista’ jagħti elenku tat-tiswijiet li saru s’issa? Kien hemm xi tiswijiet li saru u li dawn tħallsu mill-Kunsill Lokali? Jekk iva, liema kienu dawn it-tiswijiet u kemm swew? Skont ir-rapport li għandu l-Kunsill Lokali, kemm hija l-ispiża totali li hemm bżonn sabiex isir ix-xogħol? Jista’ jippreżenta r-rapporti li għandu l-Kunsill Lokali dwar il-ħsarat li hemm fil-pjazza?

Response (BONNICI, OWEN)

It-taghrif ghadu qed jingabar.

Raħal Ġdid – Ħsarat fil-Pjazza Prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif li għandu dwar il-manutenzjoni li hemm bżonn fil-pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid? Jista’ jagħti elenku tat-tiswijiet li saru s’issa? Kemm swew dawn it-tiswijiet s’issa? Jista’ jelenka x-xogħlijiet ta’ tiswija li għad hemm bżonn isiru u kemm hija l-ispiża totali li hemm bżonn sabiex isir ix-xogħol kollu? Jista’ jippreżenta r-rapporti li għandu dwar il-ħsarat li hemm fil-pjazza? Dan ix-xogħol kien kopert b’garanzija? Jekk iva, għaliex ma tranġax immedjatament bil-garanzija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2748 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Il-Fgura – Triq Hompesch u Triq is-Sur — Arblu mqaċċat

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra meta ser jinbidel arblu tad-dawl fi Triq Hompesch, kantuniera ma' Triq is-Sur fil-Fgura, li kien tqaċċat f'inċident minn karozza f'Marzu li għadda? Peress li l-Kunsill Lokali tal-Fgura ilu jirrapporta dan l-arblu għal dawn l-aħħar tliet xhur, inkluż permezz ta’ reminders, u r-risposta li jieħu mill-Enemalta hija biss li l-ilment tagħhom qed jiġi kkonsidrat, u peress li dan l-arblu li l-parti ta’ madwar metru għadha mwaħħla mal-bankina qed toffri periklu enomi lil kull min ikun qed juża din il-bankina li tinsab fit-triq prinċipali tal-Fgura, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux aċċettabbli li arblu li joffri dan il-periklu kollu jdum iktar minn tliet xhur sabiex jinbidel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-każ ingħalaq u l-arblu mqaċċat tneħħa. Tajt ukoll struzzjonijiet lill-Enemalta biex f’każijiet simili, l-azzjonijiet neċessarji jittieħdu fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Fgura – Triq il-Kitba — Xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq il-Kitba fil-Fgura mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, tista’ l-Ministru: a. tispjega għaliex dawn ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin f'din it-triq għal dawn l-aħħar sitt xhur; u b. meta ser jitlestew dawn ix-xogħlijiet? Apparti li f'din it-triq hemm l-entratura prinċipali tal-Iskola Primarja bl-inkonvenjenzi li din iġġib magħha għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom, ir-residenti ta’ din it-triq qed jgħaddu minn inkonvenjenti kbar ta’ trabijiet kif ukoll lanqas jistgħu jużaw il-garages tagħhom stess; u peress li din it-triq hija parti mir-rotta tal-Purċissjoni tal-festa tal-Fgura, tikkonferma li t-triq ser tkun lesta u miftuħa mill-ġdid fi żmien tajjeb sabiex tkun tista’ tintrama għall-festa u l-purċissjoni tgħaddi minnha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni miksuba, x-xogħolijiet fit-triq indikata bdew madwar tlett xhur ilu. Ix-xogħol fit-Triq il-Kitba hu mistenni li jkun komplut lejn l-aħħar ta’ Ġunju. Dan ix-xogħol jifforma parti minn proġett ikbar f’ din il-lokalitá sabiex itejjeb u jsaħħaħ l-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii — Xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru mill-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta f'parti minn Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura, jista’ l-Ministru: a. jagħti data meta ser jitlesta x-xogħol u t-triq terġa’ tinfetaħ mill-ġdid; b. jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi problemi tekniċi jew finanzjarji li permezz tagħhom ix-xogħol kellu jieqaf u dan b'iktar inkonvenjent għar-residenti ta' din it-triq u tal-madwar; u ċ. jikkonferma jekk it-triq hijiex ser tkun lesta u miftuħa sal-festa tal-Fgura peress li din it-triq tifforma parti mir-rotta tal-purċissjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fil-lokalità tal-Fgura Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso u Triq il-Kitba, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol Triq il-Kampanella, Triq Għajn Dwieli u Triq il-Velleran. Ix-xogħlijiet minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid it-triq indikata kienu jinkludu bdil ta’ servizzi tad-drenaġġ, ilma, telekomunikazzjoni, sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u bini ta’ bankini ġodda. Bħalissa qed jissaħħu l-pedamenti qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt biex titlesta dan ix-xahar.