Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex tiġi rranġata l-area fi Trejqet tal-Fata ġewwa Ħaż-Żabbar?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta tikkonferma li Trejqet tal-Fata hija nkluża fl-applikazzjoni għall-permess mill-PA, biex tinbena t-triq mill-ġdid bejn Bieb is-Sultan u ż-żona tal-Kappuċċini ġewwa Ħaż-Żabbar. Din l-applikazzjoni bħalissa tinsab fil-process għar-rakkomandazzjoni u deċizjoni mill-PA. L-irwol ta’ l-Aġenzija huwa dak relatat mal-implimentazzjoni tax-xogħol meħtieġ.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex intenzjonat li l-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala jibqa’ mingħajr ħlas għall-pubbliku jew jekk hemmx pjan biex ikun bi ħlas?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex intenzjonat li l-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala jibqa’ mingħajr ħlas għall-pubbliku jew jekk hemmx pjan biex ikun bi ħlas?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħal ma diġa għidt diversi drabi, dan il-parkeġġ għandu jkun bla ħlas.
Marsaskala – Bajja ta’ San Tumas – Parkeġġ – Ftehim/konċessjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk jeżistix xi ftehim jew konċessjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u s-sid privat tal-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li r-risposta hi fin-negattiv.
Marsaskala – Bajja ta’ San Tumas – Parkeġġ – Ftehim/konċessjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi ftehim jew konċessjoni bejn il-Gvern u s-sid privat tal-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-arbli ta’ Triq San Ġwann t’Għuxa f'Bormla, hekk kif qed jostakolaw il-bankina fid-direzzjoni lejn Għajn Dwieli?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-housing f’Bormla?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi bħalissa għaddej xogħol ta’ madum, kmamar tal-banju u kisi fuq l-appartamenti nfushom.
Għaddej ukoll xogħol fuq il-liftijiet u garaxxijiet u qegħdin isiru trinek li huma meħtieġa sabiex isir embellishment tal-pjazza.
Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ – Applikazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna applikat għall-programm ta’ taħriġ tal-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ fil-Qasam tal-Gvern Lokali li sal-ġurnata li fiha qed tingħata t-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari, ġew riċevuti 316
-il applikazzjoni għall-programm ta’ taħriġ.
Ħaż-Żabbar – Misraħ tal-Madonna Medjatriċi – Funtana
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx mod biex tissewwa u terġa’ tibda taħdem il-funtana f’Misraħ tal-Madonna Medjatriċi, f’Ħaż-Żabbar?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata li l-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar qiegħed jippjana proġett sabiex il-funtana f’Misraħ tal-Madonna Medjatriċi tiġi mibdula. Dan minħabba li l-funtana teħtieġ intervent estensiv ta’ manutenzjoni fl-infrastruttura taħt l-art u t-tiswija tagħha mhijiex waħda sempliċi.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet fil-bandli ta’ St. Peter’s, f’Ħaż-Żabbar?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar li x-xogħlijiet fil-bandli ta’ St Peter’s kellhom jitwaqqfu minħabba li l-offerent li ngħata l-kuntratt ma bediex ix-xogħlijiet kif stipulat fil-kuntratt. Konsegwentament, il-Kunsill Lokali kien obbligat isegwi l-proċeduri previsti mir-Regolamenti tal-Akkwist Pubbliku, li ma jippermettux il-kontinwazzjoni immedjata tax-xogħlijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti b’mod speċifiku t-taħriġ tal-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ fil-qasam tal-Gvern Lokali?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata li l-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ fil-qasam tal-Gvern Lokali, kif propost fl-Istrateġija Nazzjonali għat-Taħriġ tal-Gvern Lokali, huwa maħsub biex jikkoordina u jissorvelja programm nazzjonali ta’ taħriġ immirat lejn il-kunsilliera eletti, is-segretarji eżekuttivi, l-impjegati tal-kunsilli lokali u reġjonali, kif ukoll uffiċjali oħra li jaħdmu mill-qrib mas-settur tal-Gvern Lokali.
It-taħriġ propost jinkludi oqsma ewlenin bħall-leġiżlazzjoni tal-gvern lokali, it-tmexxija u l-governanza, il-ġestjoni finanzjarja, l-akkwist pubbliku, il-ġestjoni tal-proġetti, l-użu tal-fondi Ewropej, is-servizz lejn iċ-ċittadin, il-protezzjoni tad-data, l-etika u l-integrità, kif ukoll l-użu ta’ għodod diġitali u teknoloġiċi. Se tingħata wkoll importanza lill-iżvilupp ta’ programmi akkreditati fil-qasam tal-gvern lokali u għall-iżvilupp kontinwu tal-kompetenzi professjonali.
L-Istrateġija tippromwovi wkoll metodi moderni ta’ tagħlim, inkluż taħriġ online u blended learning, mentoring, skambji ta’ esperjenzi, internships u attivitajiet ta’ networking sabiex l-għarfien miksub ikun aktar prattiku u rilevanti għar-realtajiet tal-kunsilli lokali u reġjonali.
L-għan ewlieni huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni lokali, jitjiebu l-istandards tas-servizz mogħti liċ-ċittadini u tkompli tissaħħaħ il-governanza tajba fil-livell lokali u reġjonali.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li kull kunsill lokali f’Malta u Għawdex talab lill-Infrastructure Malta biex isir xogħol fihom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xoghol ta’ toroq residenzjali f’kull lokalita. Ix-xogħolijiet jikkonsistu f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa. Ix-xogħol jibda skont l-esiġenzi tat-toroq li l-Kunsill Lokali jipproponi. Dawn id-diskussjonijiet għaddejin b’mod kontinwu u għaldaqstant il-listi finali għadhom mhux definiti minħabba li l-prijoritajiet tal-kunsilli lokali kif ukoll tal-esiġenzi infrastrutturali li jinbidlu minn żmien għal żmien.