Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Hibiscus, f’San Ġwann, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma sar il-proġett ta’ Ġnien Hibiscus, dan il-post fil-qalba tal-lokalità ta’ San Ġwann kien abbandunat u b’mod abbużiv fih kien jintrema l-iskart. Minflok ħloqna spazju miftuħ li jagħti nifs lir-residenti li jgħixu f’din iż-żona urbana.
Ix-xogħlijiet tal-proġett li sar fl-2022 kienu jinkludu t-tħejjija tal-ħamrija, it-tħawwil ta’ pjanti, l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ tinda tal-injam fuq vaska tal-ħut. Ġnien il-Hibiscus huwa magħruf għad-diversi pjanti tal-Hibiscus, li matul l-istaġun tar-rebbiegħa joffru dehra mill-isbaħ. Dan il-ġnien joffri opportunità lill-viżitaturi tiegħu jesploraw passaġġi aċċessibbli li jagħtu għal żoni tematiċi b’tipi differenti ta’ din il-pjanta. F’dan il-ġnien issib ukoll bankijiet għad-dell biex b’hekk il-viżitaturi jkunu jistgħu jirrilassaw.
Gwardamanġa – Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima – Roof Garden – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fir-Roof Garden tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima, f’Gwardamanġa, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel Ambjent Malta wettqet il-proġett ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ ambjentali fuq il-bejt tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima fl-2022, is-sit ma kienx joffri spazju aħdar aċċessibbli għall-pubbliku kif jeżisti llum.
Permezz tal-proġett saru xogħlijiet ta' restawr, tisħiħ u protezzjoni tas-saqaf sabiex dan ikun adattat għall-ħolqien ta' roof garden. L-interventi inkludew ukoll l-installazzjoni ta' tankijiet għall-ġbir u l-ħażna ta' madwar 15,000 litru ilma tax-xita, sistema ta' irrigazzjoni, tagħmir tad-dawl, il-kostruzzjoni ta' planters u l-introduzzjoni ta' għamara urbana, kif ukoll it-tħawwil ta' siġar, arbuxelli u pjanti ornamentali.
Permezz ta' dawn l-interventi nħoloq spazju miftuħ u aċċessibbli għall-komunità filwaqt li ġew introdotti miżuri li jtejbu l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u l-kwalità ambjentali tal-inħawi.
Gwardamanġa – Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima – Roof Garden – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fir-Roof Garden tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima, f’Gwardamanġa, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2022?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru f’Wied Fulija, fiż-Żurrieq, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2021?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel inbidlet f’Park, Wied Fulija fiż-Żurrieq kienet miżbla. Fl-2019, WasteServ bdiet proġett ta’ riabilitazzjoni u restawr ambjentali kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea li tlesta u ġie inawgurat fl-2021. Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu l-istabbilizzazzjoni tal-iskart, siġillar ta’ dan l-iskart b’sistema adattata, passaġġi u t-tħawwil ta’ madwar 43,000 siġra u arbuxell indiġeni biex iż-żona ġiet integrata fl-ambjent naturali tagħha u l-pubbliku seta’ jibda jaċċessa u jgawdi ż-żona b’mod sigur.
Permezz ta’ dan il-proġett, flok miżbla nħoloq spazju miftuħ għall-pubbliku ta’ madwar 91,000 metru kwadru fiż-Żurrieq u l-inħawi tal-madwar. Is-sit għadu taħt ir-responsabbiltà ta’ WasteServ, li tkompli tmexxi u tieħu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu bħala spazju aħdar aċċessibbli għall-pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-Park ta’ San Klement, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2020?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Park ta’ San Klement huwa fost l-akbar spazji miftuħa naturali li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta b’40 tomna t’art. Dan kien proġett fejn żona abbandunata ġiet trasformata f’park naturali.
Ix-xogħlijiet biex is-sit sar park fl-2020 kienu jiffokaw prinċipalment fuq it-tindif tas-sit, inkluż it-tneħħija ta’ materjal veġetattiv, skart domestiku, apparat mormi u materjal tal-kostruzzjoni. Sussegwentement saru x-xogħlijiet biex iż-żona nbidlet f’park li għandu diversi partijiet li huma adattati għall-pikniks, kif ukoll għal attivitajiet rikreattivi oħra qalb numru kbir ta’ siġar taż-Żebbuġ, waqt li t-tfal jistgħu jgawdu minn spazju għal-logħob. Fil-park hemm ukoll anfiteatru li hu ideali għal taħditiet u attivitajiet ta’ divertiment.
Il-park kompla ġie estiż fl-2023 fejn żona li kienet tintuża għal rimi llegali ta’ skart inbidlet fi ġnien, kif ukoll tlestiet korsa tal-ostakli (OCR) l-ewwel tat-tip tagħha li qatt saret f'park pubbliku f'Malta. Il-korsa waħedha tkopri aktar minn 2,700 metru kwadru.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Ta’ Farsina, f’Ħal Qormi, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2020?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li qed jassumi li l-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellanta jinsabu qrib Triq ir-Rebbiegħa u Wesgħat Renald Falzon.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni li sar fl-2020 kien jinvolvi t-trasformazzjoni ta’ din iż-żona fi ġnien għall-użu tal-komunità. Qabel ma twettaq dan il-proġett, l-istess żona kienet tintuża primarjament bħala spazju għall-ipparkjar tat-trejlers.
F’dan ir-rigward, m’hemm l-ebda reġistru ta’ xogħlijiet speċifiċi ta’ manutenzjoni li saru f’dan is-sit qabel ir-riġenerazzjoni tal-2020, peress li l-inħawi ma kinux jikkostitwixxu ġnien jew spazju pubbliku rreġistrat bħala tali qabel dan l-intervent ta’ riġenerazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Laparelli, fil-Belt Valletta, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2019?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma sar il-proġett biex inħoloq dak li llum huwa magħruf bħala Ġnien Laparelli, li jinsab fil-foss taħt is-swar fid-daħla tal-Belt Valletta, iż-żona kienet mitluqa u tintuża bħala parkeġġ għall-karozzi.
B’investiment ta’ madwar €5 miljun, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) ittrasformat il-foss fi spazju pubbliku miftuħ, b’għexieren ta’ siġar u eluf ta’ pjanti indiġeni, li huwa aċċessibbli minn żewġ naħat tal-Belt Valletta.
Ħaż-Żabbar – Triq San Leonardu – Bankina u planters
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet lill-Gvern biex saret il-bankina u l-planters fi Triq San Leonardu f’Ħaż-Żabbar fis-sena 2022 u biex inqalgħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellanti li l-ispiża totali tax-xogħlijiet fi Triq San Leonardu, Ħaż-Żabbar, kienet ta’ €123,492.27, inklużi t-taxxi u dazji oħra iżda eskluża l-VAT, inkluż il-valur tax-xogħlijiet imkejla u l-varjazzjonijiet.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu, fost oħrajn, it-tneħħija u rikostruzzjoni tal-bankina eżistenti fuq naħa waħda tat-triq u bankina ġdida fuq in-naħa l-oħra tat-triq li tinkludi ukoll planters u buildouts ġodda u ħamrija.
Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Xogħlijiet pendenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi għadhom pendenti? Tista’ wkoll tipprovdi lista tax-xogħlijiet, proġetti u funzjonijiet kollha li bħalissa għadhom amministrati jew implimentati minn dan il-Ministeru?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Il-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi kontinwament jimplimenta u jissorvelja firxa ta' xogħlijiet, proġetti u inizjattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu, skont il-prijoritajiet tal-Gvern, il-programm ta' ħidma approvat u d-disponibbiltà tar-riżorsi.
Bħalissa għaddejjin diversi proġetti f'diversi stadji ta' ppjanar, akkwist, implimentazzjoni u tlestija. Għaldaqstant, il-kunċett ta' xogħlijiet "pendenti" huwa wieħed dinamiku, peress li proġetti ġodda jinbdew filwaqt li oħrajn jitlestew jew javvanzaw skont il-pjanijiet ta' implimentazzjoni.
Il-Ministeru jibqa' responsabbli mill-funzjonijiet u l-proġetti li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inklużi dawk relatati mal-Gvern Lokali, Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni u max-xogħlijiet pubbliċi u jkompli jwettaq dawn ir-responsabbiltajiet permezz tad-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet kompetenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-eżami tal-Matematika tal-Year 5, il-mistoqsijiet tal-problemi kinux kollha ta’ dan il-livell? Jekk le, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li biex jiġi żgurat li t-tfassil tal-karti tal-eżamijiet jibqa’ jissaħħaħ, se ssir analiżi nazzjonali bir‑reqqa tal‑karti tal‑eżami tal-Ħames Sena ta’ din is-sena.
Fl-istess ħin ninsab infurmat ukoll mit-tekniċi li l‑karta tal‑Matematika tal‑Ħames Sena ġiet imfassla skont is‑sillabu tal‑Ħames Sena fejn id-d‑disinn u t‑tip ta’ mistoqsijiet baqgħu konsistenti mas‑snin preċedenti, b’mistoqsijiet fuq tliet temi ewlenin.
· Għarfien, li jevalwa l‑fehim bażiku u l‑memorja (knowledge‑based questions) (25 – 30%)
· Applikazzjoni, fejn l‑istudenti japplikaw dak li jkunu tgħallmu f’kuntesti familjari (45 – 50%)
· Raġunar, li jippermetti lill‑istudenti jispjegaw, jiġġustifikaw u jaħsbu b’mod aktar fil‑fond (20 – 25%)
Marka waħda tqieset bħala mhux strettament fi ħdan is‑sillabu tal‑Ħames Sena. Speċifikament, Learning Outcome 2bi (“Round the number 8.64 to the nearest tenth”). Għaldaqstant, l‑istudenti kollha ġew ikkumpensati għal din il‑marka.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 649 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jgħid kemm kien hemm persuni li weħlu multi fuq ħmieġ tal-annimali, maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tabella t’hawn taħt:
PQ 1124 -Persuni li weħlu multa fuq ħmieġ tal-annimali
Lokalita
2024
2025
2026
Birkirkara
1
Gharghur
1
1
Kirkop
1
Marsascala
2
Naxxar
1
1
Pembroke
1
San Pawl il-Bahar
2
1
Swieqi
1
Tarxien
1
Zabbar
1
Zejtun
1
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 649 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u tgħid kemm kien hemm persuni li weħlu multi fuq ħmieġ tal-annimali, maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 638 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u jgħid x’inhu l-istat attwali tal-Kappella ta’ San Oswald fl-Imtarfa? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi pjanijiet biex din tiġi restawrata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet mhuwiex responsabbli mis-sit u għaldaqstant ma jistax jipprovdi l-informazzjoni mitluba.