Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm toroq li qed isir xogħol fihom preżentament fix-Xgħajra? Jista’ jgħid meta ser jitlestew it-toroq li nqalgħu fix-Xgħajra?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament qed isiru xogħlijiet fi Triq Elija. Ix-xogħlijiet infrastrutturali li saru f’din it-triq jinkludu skavar, tibdil ta’ servizzi, u tibdil ta’ bankini. Il-ħidma f’din it-triq tkun kompluta wara li jitlestew xogħlijiet fuq il-linji tat-triq.
Qed isir ukoll xogħol relatat ma’ trinek ta’ Enemalta, f’parti mit-Triq Torri Alof de Wignacourt u parti mit-Triq il-Fortizza, liema xogħol mistenni jkun lest fil-ġranet li ġejjin. Xogħol li se jsir mar-roundabout qabel ma tidħol ix-Xgħajra, ser jiġi ppjanat għal matul il-lejl. F’Dawret ix-Xatt, ix-xogħol kważi huwa komplut bl-asfalt, jonqos biss parti zgħira sabiex il-cable li sar, jitqabbad mas-serivce culvert li diġa hemm preżenti madwar Smart City. Ix-xogħol fi Triq San Gakbu u Parti minn Triq il-Knisja huwa komplut.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet biex jittranġa r-railing ta’ madwar ix-xatt tax-Xgħajra? Jekk iva, meta huwa ppjanat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16624.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tax-Xgħajra għandux xi pjanijiet biex jittranġa r-railing ta’ madwar ix-xatt tax-Xgħajra? Jekk iva, meta huwa ppjanat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jinfetaħ Day Centre għall-Anzjani fix-Xgħajra? Jekk iva, hemm xi post indikat u meta ser jiftaħ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex pjan biex jinfetaħ Ċentru tal-Anzjanità Attiva fix-Xgħajra.
Tista’ l-Ministru permezz tal-Enemalta tara li jitranġaw linji tad-dawl li nqalgħu minn posthom u jinstabu mdendlin mal-faċċati tad-djar fi Triq il-Pepprin il-Fgura u li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li minn spezzjoni li saret irriżulta li l-linji li qed issir referenza għalihom m’humiex tal-Enemalta.
Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Enemalta jistgħu jċemplu fuq 8000 2224 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku enemalta.com.mt
Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew suwiċidji bejn l-2013 u l-2023 sena b’sena u maqsuma bl-età (age groups) bejn 18-30 sena, bejn 31-50 sena, bejn 51-65 sena u 65 sena 'l fuq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ bejn it-18 u l-35 sena li xtraw il-proprjetà tagħhom f’dawn l-aħħar għaxar snin maqsumin snin sena b’sena u skont kull età? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn xtraw il-proprjetà waħedhom jew inkella ma’ xi ħadd?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser tinstab soluzzjoni rigward is-sistema tad-drenaġġ fl-impjant tax-Xgħajra hekk kif preżentament qed jinstab id-drenaġġ fil-baħar viċin dan l-impjant?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-iżbroff ta’ drenaġġ li qed isir aċċenn għalih irriżulta minn proċedura ta’ manutenzjoni li kienet ippjanata fuq l-impjant Ta’ Barkat. Interventi bħal dawn iseħħu wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) tkun innotifikat bil-quddiem lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), hekk kif irregolat fil-permess ambjentali maħruġ mill-istess aġenzija. Manutenzjoni fuq din l-iskala tkun meħtieġa okkażjonalment sabiex tassigura li l-impjant jopera bl-aktar mod effiċjenti mingħajr interruzzjonijiet mhux ippjanati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17156 u 17311 u jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet meħtieġa fl-Iskola Primarja tal-Kalkara, speċifikament fuq is-saqaf fejn hemm il-klassijiet tal-Kindergarten hekk kif l-istat li jinsab fih huwa ta’ periklu kbir għall-istudenti u għalliema?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejin id-diskussjonijiet bejn l-istakeholders konċernati sabiex ix-xogħlijiet neċessarji jsiru bl-aktar mod sigur.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16969 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid kemm ilu l-Kunsill tal-Fgura jitlob lill-Infrastructure Malta sabiex issir Triq il-Karmnu, fil-Fgura?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi Pjan ta’ Ħidma maqbul mal-Kunsill Lokali tal-Fgura mqassam fuq is-snin 2023-2025.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16970 li oriġianrjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid kemm ilu l-Kunsill tal-Fgura jitlob lill-Infrastructure Malta sabiex issir Triq l-14 ta Diċembru 1945, fil-Fgura?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għar-risposta li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 17309.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17156 u jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet meħtieġa fl-Iskola Primarja tal-Kalkara, speċifikament fuq is-saqaf fejn hemm il-klassijiet tal-Kindergarten hekk kif l-istat li jinsab fih huwa ta’ periklu kbir għall-istudenti u għalliema?
Response (GRIMA, CLIFTON)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tara li l-Enemalta tieħu azzjoni u ssewwi l-lampa fi Triq il-Kampanella l-Fgura proprju fuq id-dar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li l-ħsara li hemm f'din il-lampa jidher li ġej min-naħa tas-sistema tad-dawl?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li diġà kien sar rapport mill-Kunsill Lokali lill-Enemalta u l-ħsara ssewwiet.
Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Enemalta jistgħu jċemplu fuq 8000 2224 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku enemalta.com.mt