Legislature:
Category:
Reset
Active:

COLA — Prodotti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm prodotti li jaqgħu fil-basket tal-COLA sabiex iżommu l-prezzijiet stabbli?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-mekkaniżmu tal-COLA huwa bbażat fuq il-base wage u s-social wage li ġew iddeterminati fil-mekkaniżmu maqbul fl-1991. Dan jiġi miżjud bir-rata tal-inflazzjoni kif maħduma fuq l-indiċi tal-prezzijiet (RPI) li jiġi maħdum mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika.: Il-lista ta’ prodotti li jagħmlu parti min dan l-indiċi tal-prezzijiet u l-importanza tagħhom f’dan l-indiċi qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Prodotti li għandhom ‘Weight’ għoli jikkontribwixxu aktar għall-valur finali tal-indiċi tal-prezzijiet u b’konsegwenza fuq il-COLA.

FEANTSA – Nies klassifikati homeless

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20300 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-mistoqsijiet parlamentari 20497 u 20782 u jgħid kemm kien hemm nies klassifikati homeless, skont id-definizzjoni tal-FEANTSA (European Federation of National Organisations Working with the Homeless), fis-sena 2022 u fis-sena 2023 rispettivament u jipprovdi din id-data skont l-età, il-ġeneru, l-istatus u n-nazzjonalità ta' kull persuna? Jista' jipprovdi wkoll din id-data skont it-tip ta' "shelters" u ċjoè: i. Roofless/emergency; ii. Homeless (inkluż shelters għan-nisa); iii. Nies li huma f'istituzzjonijiet (tas-saħħa, penali, eċċ.); iv. Postijiet irregolari (unconventional dwellings); v. Nies li jgħixu temporanjament mal-familja u/jew mal-ħbieb?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija miġbura fir-rapport annwali ta’ l-FSWS ‘persuni homeless'. Fir-rapport annwali tagħha, bl-istatistika miġbura dwar persuni homeless, l-FSWS tibda billi tikkjarifika dwar liema kategoriji ta’ nies qed tiġbor dan it-tagħrif u d-definizzjonijiet li qed jintużaw. Ir-Rapport jgħid hekk: “The FSWS Homeless Service collects information regarding service users across all FSWS services who reported one of the following forms of homelessness: · Rooflessness (people living rough - in the streets, abandoned buildings etc); · Houselessness (people in accommodation for the homeless, in accommodation for migrants, people due to be released from institutions and people receiving long-term support due to homelessness); · Couch surfing: (people living temporarily with friends, sharing accommodation with others which is not secure); and · At risk of homelessness/Inadequate housing (people living in insecure tenancies, under threat of eviction or violence, living in unfit housing, non-conventional dwellings or in situations of extreme overcrowding.” Infakkar lill-Onor. Interpellant li dawn id-definizzjonijiet huma dawk użati mill-FEANTSA, li tfisser European Federation of National Organisations Working with the Homeless.

Il-Birgu — Proġett tal-Pjazza

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20786, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid meta l-proġett tal-Pjazza tal-Birgu se jkun kompletament lest?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fil-Pjazza tal-Birgu huma ppjanati li jitlestew għal bidu tas-sena 2025, diment li ma jkunx hemm sejbiet ta’ valur arkeoloġiku oħra li jtawlu l-proċess ta’ tlestija.

Bormla — Ġnien Kottonera

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21689 u jgħid minn meta nfetaħ Ġnien Kottonera f’Bormla f’2007, x’kienet il-manutenzjoni li saret f’dan il-ġnien u kemm intefqu flus sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat

Persuni homeless

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21905 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u jgħid kemm hawn persuni f’Malta li m’għandhomx saqaf fuq rashom (homeless)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fiċ-Ċensiment, persuni mingħajr dar (homeless) ġew ikkategorizzati f’zewġ gruppi: 1. Persuni li m'għandhomx dar fejn jgħixu (bla saqaf) – primary homeless ; u 2. Persuni li joqogħdu f'diversi akkomodazzjonijiet temporanji izda li m'għandhomx residenza fissa – secondary homeless . Oħrajn ikklassifikati bħala persuni mingħajr dar fissa kienu joqogħdu f'istituzzjoni fiz-zmien taċ-Ċensiment, u l-informazzjoni ġiet ipprovduta mill-amministrazzjoni tal-istituzzjoni partikolari. Primary homelessness: Il-ġbir taċ-Ċensiment kien b’mod tradizzjonali, fejn l-enumeraturi kienu responsabbli biex jiġbru l-informazzjoni għal zona ġeografika partikolari. L-enumeraturi rreġistraw sitt (6) individwi li ma kellhomx saqaf fuq rashom matul l-enumerazzjoni. Dawn il-figuri huma bbazati fuq dak li raw u nnutaw l-enumeraturi waqt il-ġbir tal-informazzjoni għaz-zona ġeografika assenjata lilhom Secondary homelessness: L-għadd totali ta’ persuni li rrappurtaw li ma kellhomx indirizz permanenti fiz-zmien taċ-Ċensiment, iġifieri li jalternaw minn dar għal oħra, kien ta' 366. Din l-informazzjoni ġiet mogħtija mill-persuni nfushom meta mmarkaw li m’għandhomx indirizz fiss waqt il-mili tal-kwestjonarju taċ-Ċensiment.

Persuni homeless

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21905 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u jgħid kemm hawn persuni f’Malta li m’għandhomx saqaf fuq rashom (homeless)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22551.

Aġenzija Żgħażagħ — Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ impjegati (full-time u part-time separatament) mal-Aġenzija Żgħażagħ fl-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jagħti n-nefqa f’pagi għal dan il-perjodu, maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Żgħażagħ — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-pakketti finanzjarji differenti tas-CEO tal-Aġenzija Żgħażagħ matul dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-pakkett finanzjarju tas-CEO tal-Aġenzija msemmijja hu marbut mal-Public Service Salary at Scale 3 kif speċifikat fil-Management Grading and Salary Structure 2019-2021.

Il-Fgura — Vjal Kottoner - Proġett

Question

B’referenza għall-bidu tar-rikostruzzjoni ta’ Vjal Kottoner fil-Fgura u fid-dawl tal-periklu li hemm, kemm għas-sewwieqa kif ukoll dawk li jimxu fejn f’din it-triq fejn l-istess triq dejjem qed tkompli tisfronda iktar ma jgħaddi ż-żmien, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux xi data meta dan il-proġett ser jibda?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol infrastrutturali fi Vjal Kottoner hu ppjanat li jibda fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif din tifforma parti mill-pjan ta’ ħidma miftehma mal-Kunsill Lokali. Dan filwaqt li din it-triq taghmel part mir-rotta tat-tisħieħ tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku.

Raħal Ġdid — Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti ta’ rwejjaħ li qed ikun hemm f’Raħal Ġdid għand l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) matul l-aħħar 12-il xahar u x’passi ttieħdu fuq dawn l-ilmenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22245.

Studenti b’learning disabilities

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19147, jista' l-Ministru jgħid kemm studenti b'learning disabilities komplew għal MCAST, Università jew istituzzjoni edukattiva oħra u jaqsam din l-informazzioni sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġa ġie mtenni fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19146, tali nformazzjoni hi ta’ natura sensittiva u għalhekk mhux ser tiġi ppublikata.

Studenti b’learning disabilities

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19146, jista' l-Ministru jgħid kemm studenti b'learning disabilities lestew l-iskola sekondarja u komplew għal post-secondary u jaqsam din l-informazzioni sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġa ġie mtenni fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19146, tali nformazzjoni hi ta’ natura sensittiva u għalhekk mhux ser tiġi ppublikata.

Il-Kalkara — Proġett il-ġdid tax-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni tal-għargħar li kien hemm fil-proġett il-ġdid tax-Xatt tal-Kalkara mal-ewwel xita li għamlet wara li ġie inawgurat dan il-proġett? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża sabiex ix-xogħol ħażin li sar, ġie rranġat, u min ħallas għalih? Jista’ jgħid ukoll jekk b’dawn it-tiswijiet li saru, ġietx solvuta tali problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sistema għall-ilma tax-xita li kienet parti mill-proġett saret b’mod tajjeb u mhux il-każ li sar xogħol ħażin kif qed tinsinwa l-Onor. Interpellanta. Iż-żona tal-Pjazza tal-Kalkara u x-xatt hija magħrufa li fiha jinżel ħafna ilma minn partijiet aktar għoljin fil-lokalità. Fil-ġurnata inkwistjoni għamlet xita qawwija f’daqqa kif ġara f’inħawi oħrajn madwar il-pajjiż. Għalkemm l-ilmijiet ġew assorbiti mis-sistema f’ħin qasir, madankollu ġie nnutat li l-ammont kbir ta’ ilma minn żoni oħrajn, anke minħabba li kienet l-ewwel xita qawwija wara s-sajf, ġarr miegħu ħafna ħmieġ u debris li spiċċa biex sadd partijiet mis-sistema. Bil-għan li tkun mitigata kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ sitwazzjoni simili fil-futur, ġie deċiż li jsir titjib addizzjonali. Għaldaqstant, saru xogħlijiet oħrajn mill-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) ta’ madwar €10,000 biex tkabbru l-aċċessi ta’ numru ta’ spralli ħalli f’każ li jerġa’ jkun hemm sadd ikun aktar faċli li dawn jitnaddfu minnufih. Ittieħdu wkoll miżuri biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-ilmijiet kbar li jinżlu kull darba lejn il-pjazza min-niżla li hemm fid-daħla tal-lokalità.

New Waters — Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta beda l-proġett imsejjaħ New Waters u liema lokalitajiet ibbenefikaw s’issa minn dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nippreċiża mal-Onor. Interpellanta li l-proġett li qed tirreferi għalih jismu New Water u beda fis-sena 2018. Minbarra li huwa sors ta’ ilma ta’ kwalità tajba ħafna għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’, din ir-riżorsa qed tgħin ukoll biex ittaffi l-pressjoni fuq l-ilma tal-pjan. Is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma forniet aktar minn 1.6 miljun metru kubu ta' dan l-ilma riċiklat b’benefiċċji ambjentali, li minnu diġà qed igawdu mijiet ta’ bdiewa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Il-lokalitajiet li diġà għandhom kemm is-sistema tal-pipelines kif ukoll id-dispensers installati, fejn uħud minnhom diġà qegħdin jagħmlu użu min-New Water huma: Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, Wied il-Għajn, iż-Żejtun, ix-Xgħajra, Delimara, il-Mellieħa (l-Aħrax, il-Manikata u l-Miżieb), l-Imġarr u San Pawl il-Baħar f’Malta, kif ukoll il-lokalitjiet t’Għajnsielem, ix-Xewkija u Kerċem f’Għawdex. Il-Korporazzjoni qed tkompli testendi dan il-proġett madwar il-gżejjer Maltin biex aktar bdiewa jkollhom aċċess għal din ir-riżorsa tant essenzjali. Bħalissa qed timplimenta proġett li bih qed iżżid id-disponibbiltà ta' dan l-ilma lejn diversi nħawi oħrajn li jinkludu Marsaxlokk, il-Gudja, Ħal Għaxaq, iż-Żurrieq u Ħal Safi. Se nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu biex inkomplu nilħqu aktar lokalitajiet.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Correctional Order

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ b’Correctional Order li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li li fil-jum li ngħatajt din l-informazzjoni kien hemm persuna waħda biss b’Correctional Order li tinsab fil-Faċilità tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Residenti li għandhom 35 sena jew inqas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li għandhom età ta’ 35 sena jew inqas u f’liema diviżjonijiet qegħdin? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm żgħażagħ f’kull diviżjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li bħalissa fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi hemm 307 persuna li għandhom età ta’ 35 sena jew inqas.

Raħal Ġdid — Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta’ rwejjaħ fil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul l-aħħar 12-il xahar u x’passi ħa l-Kunsill Lokali fuq dawn l-ilmenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li ma rċieva l-ebda rapport ta' rwejjaħ matul il-perjodu indikat. Għalkemm il-Kunsill ma rċieva l-ebda lment uffiċjali dwar rwejjaħ, segwa ilmenti minn residenti li saru fuq il-medja soċjali u kellu laqgħat mal-ERA, Wasteserv u l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Santa Luċija — Parkeġġ biswit il-ground tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu s’issa dwar il-parkeġġ li hemm biswit il-ground tal-futbol ta’ Santa Luċija u li fuqu qamet kontroversja minħabba l-bdil fl-użu tiegħu u x’passi iktar ser jittieħdu, jekk huwa l-każ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li SportMalta bgħatet ittra legali lill-Klabb imsemmi. Tali ittra qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fgura – Triq Mahatma Ghandi – Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18430, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħllijiet imsemmija fil-mistoqsija oriġinali humiex lesti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Blokk A5 il-Fgura jinstab fi stadju avvanzat, hekk kif kien hemm bżonn xogħlijiet ulterjuri li ma kienux previsti, fejn it-tali essiġenzi ġew biss akkonoxxuti waqt il-ħidma tax-xogħlijiet fuq l-istess blokka.