Il-Fgura — Vjal Kottoner - Xogħol ta’ rikostruzzjoni
Question
Peress li minkejja l-wegħdi li saru dwar ir-rikostruzzjoni ta’ Vjal Kottoner, fil-Fgura, bl-aħħar wegħda tkun li x-xogħol kellu jibda f'Jannar 2025, imma sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, ix-xogħlijiet għadhom ma bdewx, jista’ l-Ministru jagħti d-data li fiha ser jibda dan ix-xogħol?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol tat-tisħiħ tan-network tal-elettriku fit-toroq biswiti kif ukoll xogħlijiet infrastrutturali oħra. Hekk kif jitlestew dawn ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta tkun f’pożizzjoni li tibda Vjal Kottoner.
Wara l-inċident li seħħ fuq il-Monti ta’ Ħaż-Żabbar f’Diċembru li għadda, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu iktar milli kien hemm sa dakinhar?
Response (BONETT, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat, ninfurmaha li Transport Malta offriet li tintervjeni u tagħti l-għajnuna tagħha.
Wara l-inċident li seħħ fuq il-Monti ta’ Ħaż-Żabbar f’Diċembru li għadda, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu iktar milli kien hemm sa dakinhar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-pulizija żiedu r-rondi fil-ħinijiet li fihom jarma s-suq u nħarġu taħrikiet lil sidien ta’ vetturi li ma kinux qed isegwu d-direzzjonijiet tat-traffiku. Infurmat ukoll li hemm diskussjonijiet anke mal-Kunsill Lokali bil-għan li jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiżdied is-sigurtà b'mod permanenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti fuq każijiet ta’ cyber bullying f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena u liema età kienu jinvolvu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-2022 idaħħlet il-kategorija ta’ theddid u vjolenza privata ċibernetika fejn fost reati oħra ġie elenkat ir-reat ta’ fastidju online. It-tagħrif hu kif jidher fit-tabella.
Reat ċibernetiku ta’ fastidju online
SenaAmmont
202253
202347
202424
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-bus shelter li kien hemm fi Triq Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar tressaq minn postu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan tressaqx temporanjament jew le? U jekk le, x'inhi r-raġuni għalfejn tressaq?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuni li ħarġu mill-Faċilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu persuni mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) fl-2023, fl-2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ma kellhomx dar fejn imorru?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li mill- 1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023 ġew reġistrati 713-il rilaxx. Mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024 ġew reġistrati 931-il rilaxx. Mill- 1 ta’ Jannar 2025 sat-3 ta’ Frar 2025 ġew reġistrati 87-il rilaxx.
Infurmat li l-aġenzija għas-Servizzi Korrettivi taħdem ma’ organizzazzjonijiet varji, fosthom Mid-Dlam għad-Dawl, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores, YMCA, Dar Emmaus, FSWS u AWAS sabiex jiġu akkomodati l-persuni kollha fil-bżonn
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuni li ħarġu mill-Faċilità - Appoġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tappoġġja lill-persuni, kemm ċittadini Maltin kif ukoll barranin, qabel ma joħorġu mill-Faċilità? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' tħejjija tingħatalhom b'mod ġenerali, u speċifikament fir-rigward tal-akkomodazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li kull persuna li tkun qiegħda fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, kemm fuq sentenza jew arrest, ikollha pjan ta’ kura, sakemm il-persuna nnifisha ma tirrifjutax tali sapport, f’liema każ xorta jinżamm kuntatt mal-priġunier/a.
Dan is-sapport, jingħata primarjament minn professjonisti fit-taqsima ta’ Kura, Rintegrazzjoni u Edukazzjoni (CREU- Care, Reintegration and Education Unit) u minn professjonisti u Uffiċjala Korrettivi inkarigati minn oqsma varji ġewwa l-ħabs sabiex b’hekk il-priġuniera jkollhom pjan ħolistiku.
Ninsab infurmat li mad-dħul ta’ persuna ġewwa l-ħabs, isir assessjar minn tobba, ħaddiema soċjali u psikologi, fejn jiġu identifikati l-bżonnijiet u r-riskji li l-persuna tidħol bihom.
Il-komunikazzjoni, assessjar u interventi mal-priġuniera jibqgħu fis-seħħ sad-data tar-rilaxx mill-Faċilita’, jistgħu jinbidlu skont il-bżonn jew sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu u li ma jkunux fil-kontroll tal-priġuniera jew professjonisti li jkunu qed jaħdmu magħhom.
Dan kollu huwa proċess kontinwu li jkun rivedut matul iż-żmien li persuna tkun fil-ħabs, b’mod speċifiku fil-bidu u fl-aħħar sitt xhur mir-rilaxx jekk persuna tkun b’sentenza.
Meta persuna tkun għadha taħt arrest, l-interventi jsiru skont il-bżonn u mhux skont il-perjodu li persuna ser tkun il-ħabs peress li tali perjodu mhuwiex stipulat u jista’ jingħata l-liberta’ proviżorja mill-Qrati. Il-perjodu ta’ riferimenti lejn servizzi fil-komunita’ huwa dipendenti wkoll mill-kriterji u diskussjonijiet ma’ tali servizzi skont il-proċeduri ta’ min joffrihom. Is-servizzi kollha u oħrajn, imsemmija hawn isfel, jattendu ġewwa l-ħabs b’mod regolari u skont il-bżonn. Servizzi bħal ma huma l-Awtorita’ tad-Djar, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali; is-Sigurta’ Soċjali u Identita’ Malta jattendu minn ta’ l-inqas darba fix-xahar sabiex il-priġuniera jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ rappreżentanti minn tali entitajiet u jissotomettu mistoqsijiet li jkollhom bżonn. Servizzi oħra bħal ma huma Sedqa u Caritas iżommu kuntatt mal-priġuniera u l-professjonisti kemm b’sessjonijiet ġewwa l-ħabs, laqgħat onlajn jew bit-telefown u permezz ta’ programmi residenzjali. Servizzi tal-familji u tfal jattendu skont il-bżonn u ma hemmx limitu ta’ kemm-il darba jsir kuntatt mal-professjonisti inkarigati minn tali servizzi.
Filwaqt li hemm lista twila ta’ inizjattivi li jittieħdu waqt li persuna tkun fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin, il-finalizzazzjoni tal-pjan tar-rilaxx ikun ibbażżat fuq dawn is-suġġetti:
1. Akkomodazzjoni
2. Dokumenti – karta ta’ l-identita jew stat ta’ protezzjoni (t-talba tkun saret qabel jew waqt li persuna tkun il-ħabs); liċenzji ta’ vetturi; passaporti
3. Xogħol - kuntatt u sessjonijiet mal-
Jobsplus
4. Applikazzjonijiet mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jekk persuna ma tkunx sabet impjieg jew jekk persuna tkun penzjonanta jew ma tistax taħdem minħabba raġunijiet ta’ saħħa
5. Kuntatt ma’ Aġenziji fil-komunità (skont il-bżonn - jistgħu jkunu ġeneriċi jew speċjalizzati)
6. Ħwejjeġ
7. Appuntamenti mediċi fil-komunita’ u appuntamenti sabiex tinġabar mediċina
8. Trasport - arranġamenti sabiex persuna li tkun ħierġa mill-ħabs ikollha mezzi biex tasal id-dar jew fl-akkomodazzjoni misjuba mill-professjonisti tal-
CREU
bħal ma huma residenzi mhux governattivi għal persuni li m’għandhomx fejn joqgħodu
9. Finanzi - jekk persuna ma jkolliex flus, isiru arranġamenti sabiex ikollha ta’ l-inqas
Tal-Linja Card
sabiex tasal fl-akkomodazzjoni meħtieġa
10. Basktijiet jew bagalji sabiex persuna tkun tista’ ġġorr l-affarijiet tagħha meta toħroġ mill-ħabs
11. Kuntatt ma’ persuni ta’ sapport għall-priġuniera, sew jekk familja jew ħbieb li jistgħu joffru sapport u għajnuna ġenwina u li ma jkunux f’riskju tal-priġuniera
12. Kuntatt ma’ l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali; it-taqsima ta’ l-Immigrazzjoni tal-Pulizija kif ukoll entitajiet oħra li joffru sapport lil persuni barranin
13. Ktejjeb tar-rilaxx b’informazzjoni ġenerika u speċifika ta’ servizzi fil-komunita’ f’kull qasam
Tintbagħat korrispondenza elettronika lill-professjonisti u servizzi nvoluti li ser ikunu qegħdin ikomplu l-ħidma mal-priġuniera sabiex il-pjan ta’ kura tal-priġuniera jitkompla fil-komunita’.
Ta’ min isemmi wkoll numru ta’ servizzi oħra li huma aċċessibli għall-persuni li jkunu ħerġin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u dan bi sħab bejn il-Gvern u għaqdiet li jaħdmu fis-settur. Hawnhekk irid insemmi s-servizz ta’ after-care offrut mill-Fondazzjoni RiSe fejn eks-priġunieri jkunu jistgħu jfittxu għajnuna professjonali sabiex il-qabża lura fil-komunità tkun waħda mgħejuna. Teżisti wkoll għajnuna mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, fejn ukoll joffru assistenza lil dawk l-eks-priġunieri, fejn ġieli anke offrew post alternattiv fejn wieħed joqgħod kemm il-darba l-eks-priġunier ma jkollux fejn imur. Wieħed irid ifakkar ukoll li ż-żewġ għaqdiet inkiwtsjoni joffru wkoll programmi ta’ rijabilitazzjoni u reintegrazzjoni lura fis-soċjetà fl-aħħar sena jew 9 xhur tas-sentenza, fejn hemmhekk isegwu programm li jiggwidahom għat-triq ‘il quddiem. Il-gvern jinvesti ħafna ma’ dawn l-għaqdiet għax jemmen tabilħaqq li din l-għajnuna hija imprezzabli sabiex dak li jkun ma jerġax jaqa’ fiċ-ċirku tal-kriminalità.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24976 u tipprovdi lista tal-ġonna kollha f’Malta u Għawdex u tgħid meta nfetħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ġonna u parks li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24978 u tgħid kemm ġew allokati fondi mill-Baġit 2025 għall-manutenzjoni tal-ġonna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-Estimi Finanzjarji 2025, kif approvati minn din il-Kamra, ninfurmaha li l-fondi allokati għall-manutenzjoni tal-ġonna, parks u spazji ħodor oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika huma prinċiparjament ivvutati taħt il-vot rikorrenti 33 “Ambjent Malta” u l-Kontribuzzjoni għall-Entitajiet tal-Gvern 6047 “Project Green” (Vot Rikorrenti 32). Fost l-oħrajn, f’dawn l-allokazzjonijiiet hemm inkluża s-somma ta’ madwar €840,000 għall-manutenzjoni tal-Barrakka ta’ Fuq, il-Barrakka t’Isfel, Ġnien Herbert Ganado u Ġnien San Anton; €90,000 għall-Ġonna Botaniċi ta’ Malta; €50,000 għall-Park ta’ Xrobb l-Għaġin u madwar €700,000 li jkopru bosta siti naturali u parks oħrajn fosthom il-Buskett, il-Park tas-Salina u Kennedy Grove u Wied Inċita. Dawn minbarra l-man hours li jiġu investiti mill-ħaddiema ta’ Ambjent Malta u Project Green. Min-naħa tagħha, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed talloka madwar €80,000 fis-sena (taħt il-Kontribuzzjoni 6809) għall-manutenzjoni ta’ Ġnien Spencer.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24979 u tgħid kemm hemm impjegati għall-manutenzjoni tal-ġonna u kif inhuma allokati għal kull ġnien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-manutenzjoni tal-ġonna, parks u spazji ħodor oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika ssir jew permezz tal-kuntrattur bħalma huma l-każijiet ta’ Ġnien Spencer, tal-ġonna li jaqgħu taħt il-kuntratt tal-landscaping u tal-proġetti ġodda li qed tniedi Project Green, inkella direttament permezz tal-ħaddiema ta’ Ambjent Malta u Project Green. Fil-każ ta’ Project Green, in-numru ta’ ħaddiema li jieħdu ħsieb il-ġonna, l-ispazji miftuħa u l-widien skont skeda ta’ xogħol stabbilita jammonta għal 81 u fil-każ ta’ Ambjent Malta hemm madwar 62 ħaddiem ieħor assenjati fuq dan it-tip ta’ xogħol.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24901 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24676, jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru minn April tal-2024 sal-lum?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għaddejin id-diskussjonijiet mal-istakeholders konċernati.