Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25306 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: Wara l-inċident li seħħ fuq il-Monti ta’ Ħaż-Żabbar f’Diċembru li għadda, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu iktar milli kien hemm sa dakinhar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u Transport Malta għaddejjin b’taħditiet biex ikunu ta’ sapport għall-kunsilli li fihom jintrama s-suq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25309 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jikkonferma li l-bus shelter li kien hemm fi Triq Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar tressaq minn postu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan tressaqx temporanjament jew le? U jekk le, x'inhi r-raġuni għalfejn tressaq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar ma ressaqx Bus shelters fi Triq Wied il-Għajn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tlestew binjiet tal-Gvern mill-2014 sal-2024? Jista’ jagħti lista sit b'sit u jinkludi l-lokalità ta’ kull binja?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestew 14-il binja fil-perjodu li għalih saret referenza fil-mistoqsija parlamentari. Dawn il-binjiet huma dawn li ġejjin:
Birkirkara - Tas-Sisla
Ħ’Attard – Ħ’Attard
Ħal Kirkop – Ħal Kirkop A, Ħal Kirkop B, Ħal Kirkop C, Ħal Kirkop D
Il-Qrendi – Il-Qrendi B, il-Qrendi C
Ħaż-Żebbuġ – Ħaż-Żebbuġ B, Ħaż-Żebbuġ C
L-Imsida – L-Imsida
Is-Siġġiewi – Is-Siġġiewi
Iż-Żurrieq – Iż-Żurrieq
Ħal Luqa – Ħal Luqa B
Il-Fgura — Vjal Kottoner - Xogħol ta’ rikostruzzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25317 dwar ir-rikostruzzjoni ta’ Vjal Kottoner, fil-Fgura, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta (xahar u sena) ser jibdew u jitlestew ix-xogħlijet?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25319 u jgħid x'inhi r-raġuni li r-residenti tal-Fgura ma jistgħux jużaw il-pixxina taċ-Ċentru Sportiv tal-Kottonera?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex il-bandli li kienu tneħħew f’St Peter’s f’Ħaż-Żabbar, jerġgħu jitwaħħlu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li hemm pjanijiet u qed issir ħidma biex il-proġett tal-bandli f’St. Peter’s Area jitwettaq fl-iqsar żmien possibli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ddaħħlu fil “Young Offenders Unit” f’dawn l-aħħar għaxar snin u kemm kellhom età?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fis-sena 2015 l-ammont kien ta' 35, fis-sena 2016 l-ammont kien ta' 60, fis-sena 2017 l-ammont kien ta' 34, fis-sena 2018 l-ammont kien ta' 54, fis-sena 2019 l-ammont kien ta' 77, fis-sena 2020 l-ammont kien ta' 7, fis-sena 2021 l-ammont kien ta' 65, fis-sena 2022 l-ammont kien ta' 16, fis-sena 2023 l-ammont kien ta' 64, fis-sena 2024 l-ammont kien ta' 49. Infurmat wkoll li l-età tvarja.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefgħu fliexken tal-plastik u tal-ħġieġ fil-magni tal-BCRS minn meta ġiet imnedija din l-iskema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-14 ta’ Novembru 2022 sat-12 ta’ Frar 2025, inġabru 485,497,592 kontenitur tax-xorb. Minn dawn, 428,191,752 inġabru mir-Reverse Vending Machines (RVMs) u 57,305,840 inġabru bis-sistema manwali mill-ħwienet tal-imnut u stabbilmenti tal-catering.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ġew irraportati li l-magni tal-BCRS mhux qed jaħdmu f’kull lokalità minn meta ġiet imnedija din l-iskema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-ħsara li potenzjalment jista’ jkollhom il-magni (RVMs) hija responsabbiltà tal-Operatur Liċenzjat tal-Iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb. Ninsab infurmata li minn informazzjoni li ġabret l-aġenzija Circular Economy Malta mingħand l-operatur, bejn Lulju 2023 u Jannar 2025, dan irċieva 3,711-il
ilment relatati ma’ ħsarat tal-magni, u dawn jinkludu lmenti li setgħu saru minn sorsi differenti dwar l-istess ħsara. L-Aġenzija kienet infurmata li l-Operatur, minħabba limitazzjonijiet tekniċi ta’ natura ta’ klassifikazzjoni tal-ilmenti li kienet ġiet innutata u indirizzata sa Mejju 2023, ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni relattiva għall-perjodu Novembru 2022 u Ġunju 2023.
B'referenza għall-proġetti ta’ Vjal Kulħadd, jista’ l-Ministru jagħti lista tal-proġetti kollha li ġew sottomessi? Liema ġew approvati u liema le (jekk kien hemm), u x'kienet ir-raġuni li dawn il-proġetti ma ġewx magħżula (jekk kien il-każ)?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi b’kollox ġew sottomessi 40 applikazzjoni għal proġett Vjal Kulħadd: Ħ’Attard, Birżebbuġa, Naxxar, Santa Venera, Ħal Luqa, Gżira, San Ġwann u San Ġiljan, Ħaż-Żebbuġ (2 applikazzjonijiet) Pembroke, Bormla, Ħad Dingli, Ħal Kirkop (2 applikazzjonijiet), l-Imtarfa, Iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Gudja, Kalkara, Siġġiewi, Mosta (2 applikazzjonijiet), Msida, Ħal Għaxaq, Żurrieq (2 applikazzjonijiet), Ħal Qormi, Santa Luċija, Fgura, Tarxien, Marsaskala, Rabat, Mellieħa (2 proposti), Floriana, Swieqi, Ħal Safi, Isla, Ħal Balzan u Kunsill Reġjonali Lvant. Il-kriterja sabiex intażlu l-proġetti kienet determinata u kkomunikata, dawn inkludew aderanza mal-5 għanijiet u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-iskema (45%), profondità tal-analiżi tal-mapping tal-linja bażi u korrelazzjoni bejn l-analiżi u l-iskema proposta inklużi l-ġustifikazzjonijiet (20%), vijabilita’ tal-iskema proposta f’termini ta’ faċilita’ ta’ implimentazzjoni u kapaċita’ li tiġi mplimentata fil-miri u skadenzi stabbiliti minn qabel minn IM (15%), miżuri ta’ implimentazzjoni tal-ispiża (10%) u miżuri ta’ manutenzjoni (10%)
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25129 dwar xogħlijiet fil-Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jindika min huma l-istakeholders konċernati?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħal ma diġà ġie mtenni fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25129, għaddejin id-diskussjonijiet neċessarji ma’ entitajiet varji.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuni li ħarġu mill-Faċilità - Appoġġ
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tappoġġja lill-persuni, kemm ċittadini Maltin kif ukoll barranin, qabel ma joħorġu mill-Faċilità? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' tħejjija tingħatalhom b'mod ġenerali, u speċifikament fir-rigward tal-akkomodazzjoni?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Sptarijiet f’Malta u f’Għawdex — Persuni li qed jirċievu kura
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jirċievu kura fl-isptarijiet differenti f'Malta, inkluż l-Isptar Mater Dei, l-Isptar Karin Grech, l-Isptar Monte Karmeli, l-Isptar Ġenerali t'Għawdex, u r-Residenza San Vinċenz de Paul, minħabba li jinsabu bla dar? Jista' jipprovdi din l-informazzjoni kemm dwar is-sitwazzjoni preżenti kif ukoll għas-sena 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kien hemm każ wieħed matul l-2024 u ebda każ fil-mument.
Fl-isptar Karen Grech, kien hemm 4 matul l-2024 u 7 b’kollox fil-mument.
Għar-rigward tal-isptar Mter Dei, kull pazjent hu riferut għall-kura u ma jinżammux hemm bla bżonn.
Ġewwa r-Residenza San Vinċenz, jidħlu biss dawk l-anzjani li l-kundizzjoni tagħhom hi ta’ Kategorija 1.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega għalfejn il-Malta Crafts Foundation taqa’ taħt il-Ministeru responsabbli mill-ekonomija u mhux taħt il-Ministeru responsabbli mill-kultura?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għażla tad-dekasteri tal-Ministri taqa' fid-diskrezzjoni assoluta tal-Prim Ministru hekk kif provdut f'Kapitolu VII tal-Kostituzzjoni ta' Malta. Filwaqt li l-Gvern jemmen fil-kreattività artistika tal-artiġjani u l-valur kulturali ta' l-artiġġjanat, jagħraf ukoll li dan huwa settur ekonomiku partikolari u li minnu jiddependi l-għajxien ta' ħafna familji. Bid-deċiżjonijiet, il-politiki u l-proġetti li qed iwettaq il-Gvern f'dan is-settur qed jiġi żgurat li tingħata l-għajnuna speċifika li jixraqlu dan is-settur bl-istess mod kif jiġu megħjuna setturi oħra fl-ekonomija Maltija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tlestew binjiet tal-Gvern matul is-sena 2024 u f'Jannar 2025? Jista’ jagħti lista sit b'sit u jinkludi l-lokalità? Jista’ wkoll jindika kemm minnhom ser jingħataw/ingħataw b'kiri u kemm b'bejgħ?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestew tmien (8) binjiet matul is-sena 2024 sa Jannar 2025, li kollha ngħataw/se jingħataw b’kiri. Dawn il-binjiet huma:
Żurrieq – Binja Karmenu Mifsud Bonnici – Triq ta’ Ciantar
Msida – Binja Patrick Holland – Triq Garcin / Triq l-Għajn tal-Ħasselin
Kirkop D – Binja Charles Miceli – Triq San Remig / Triq il-Fieres
Siġġiewi – Binja Silvio Parnis – Triq l-Imdina / Triq Tabib Nikol Zammit
Kirkop A – Binja Joe Peppinu Cassar – Triq il-Lewżiet / Triq il-Ħawħ
Qrendi B – Binja Guże Cassar – Triq Nazzareno Sammut / Triq San Mattew
Luqa – Binja Joe Brincat
Żebbuġ – Binja fi Triq l-Indipendenza, Żebbuġ
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm saru laqgħat formali tal-Youth Forum minn mindu twaqqaf? Jista’ jagħti d-dati ta’ dawn il-laqgħat u kemm membri kienu preżenti f'kull laqgħa?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Youth Advisory Forum iltaqa’ tlettax-il darba minn mindu twaqqaf għall-ewwel darba. Għal kull waħda minn dawn il-laqgħat kien hemm il-membri kollha, ħlief f’każijiet ta’ mard jew safar. Il-membri tal-Forum jiddiskutu materji importanti mal-Prim Ministru u ministri differenti, kemm fuq it-temi li jkunu fuq l-aġenda tal-laqgħat u kif ukoll materji oħra li jqumu minn żmien għal żmien