Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Ground Delceppo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha għaddejja l-ħidma fuq il-proġett tal-Ground Delceppo f’Bormla? Jista’ jgħid ukoll meta se jitlesta x-xogħol fuq dan il-ground?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li l-ħidma fuq il-proġett tal-Ground Delceppo ilha għaddejja mis-sena 2020 meta nħareġ it-tender u tlestiet fis-sena 2024. Hemm xi xogħol li ma kienx parti mit-tender li għad irid isir fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-kamra li tinsab fil-ground. Kif kien indikat fit-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 21687, ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2026.

Project Green – Xiri ta’ art privata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk inxtratx art privata minn Project Green minn meta din ġiet imwaqqfa u jekk iva, tista’ tgħid f’liema lokalitajiet u kemm ġiet tiswa kull biċċa art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sa mit-twaqqif tagħha, Project Green la xtrat u lanqas daħlet fi ftehim biex tixtri art privata.

Żgħażagħ li jaħdmu Full Time u Part Time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ bejn is-16 u t-30 sena li qed jaħdmu kemm b’mod full-time kif ukoll part-time u x’inhi l-età tagħhom? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni hi kif jidher f’din it-tabella riprodotta hawn taħt. L-aħħar ċifri ppubblikati huma t’ Ottubru 2024. Età 16-30 Diċembru 2015 Full Time 51288 Part Time 11199 Diċembru 2016 Full Time 54144 Part Time 11239 Diċembru 2017 Full Time 57381 Part Time 10982 Diċembru 2018 Full Time 61507 Part Time 10548 Diċembru 2019 Full Time 64562 Part Time 10351 Diċembru 2020 Full Time 61337 Part Time 9187 Diċembru 2021 Full Time 62378 Part Time 9791 Diċembru 2022 Full Time 69026 Part Time 9813 Diċembru 2023 Full Time 74257 Part Time 10085 Ottubru 2024 Full Time 73484 Part Time 10701

Ħaż Żabbar – Housing Estate – Manutenzjoni tas-saqaf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni tas-saqaf, fil-post li l-informazzjoni dwaru qed jintbagħtu separatament qabel ma jispiċċa jiġġarraf u jweġġa’ xi ħadd?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-Onor. Interpellanta, sabiex ikun evitat kull periklu, saru xogħlijiet ta’ emerġenza biex jitneħħa l-konkos ħażin. Ninformaha wkoll li x-xogħol jirrikjedi bdil tas-saqaf tat-tromba tal-bejt. Malli jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet ikkonċernati, ikunu jistgħu jsiru l-interventi meħtieġa.

Atti kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm atti kriminali f’kull lokalità għal dawn l-aħħar ħames snin u jispeċifika x’kienu dawn l-atti kriminali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar rapport riċenti dwar ir-rata ta’ rapporti kriminali, li jagħti stampa dettaljata mhux biss tal-aħħar sena iżda tal-iżviluppi li kien hemm tul is-snin.

2025-2030 — Strateġija annwali tas-saħħa sesswali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25456 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jgħid min ġie kkonsultat rigward l-istrateġija annwali tas-saħħa sesswali 2025-2030 u kemm se jiswa biex jitwettaq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fil-fażi ta’ żvilupp tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Sesswali, ġew ikkonsultati l-entitajiet konċernati fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attivà, nklużi speċjalisti f’mard infettiv, mediċina ġenito-urinarja, uroloġija u ġinekoloġija. Kellna wkoll laqgħat ma’ partijiet interessati esterni ewlenin qabel l-abbozzi inizjali tal-Istrateġija. Riċerka nazzjonali tas-Saħħa Sesswali ġiet ikkummissjonata bħala parti mill-proġett *ESF 02.065 dwar ‘It-Twaqqif ta’ Pjattaforma Nazzjonali biex tindirizza d-Determinanti Soċjali tas-Saħħa’. Dan kien stħarriġ komprensiv u rappreżentattiv fuq bażi nazzjonali bl-għan li evalwa l-Għarfien, l-Attitudnijiet u l-Imġieba tal-popolazzjoni residenti Maltija f’termini ta’ saħħa sesswali u riproduttiva. L-abbozz inizjali tad-dokument ġie ċċirkolat lil xi entitajiet matul il-fażi tal- pre-consultation li jinkludu l-Unità SOGIGESC (Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru u Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess) u Taqsima GEMSAP (Gender Mainstreaming) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza flimkien ma’ feedback mid-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, flimkien mal-Aġenzija Sapport u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) It-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Sesswali pprovdiet opportunità għal diskussjoni waqt workshops tematiċi waqt tat-tnedija tal-Istrateġija fejn ġew mistiedna NGOs, partijiet interessati tal-gvern u speċjalisti li jaħdmu f’dan il-qasam. Dan kien ukoll il-ftuħ tat-tnedija għall-konsultazzjoni pubblika ta’ dan id-dokument għall-perjodu ta’ xahrejn fejn numru ta’ NGOs u membri tal-pubbliku pprovdew feedback. Dwar l-ispiża relatata ma’ din l-Istrateġija, kif inhi il-prassi mal-prezentazzjoni ta’ Strateġija għall approvazzjoni tal-Kabinett, ikun hemm costings indikativi ppreżentati; iżda dawn jiġu msaħħa u ffinalizzati fil-fażi tal-implimentazzjoni ta’ kull miżura.

Ħaż-Żabbar — Triq Wied il-Għajn - Bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25729 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25563, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bus shelter li kien hemm fi Triq Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar tressaqx minn postu meta saru xi xogħlijiet fiha? Jista’ jgħid ukoll jekk dan tressaqx temporanjament jew le? U jekk le, x’inhi r-raġuni għalfejn tressaq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta Infrastruttura Malta bniet mill-ġdid Triq Wied il-Għajn, tejbet l-infrastruttura għall-diversi modi ta’ ivvjaġġjar, inkluż il-mobilità attiva, il-vetturi u t-transport pubbliku. Huwa mifhum illi l-mistoqsija qed tirreferi għall-waqfa, ‘Maġġi’. Ninfurmah li x-xogħlijiet ħasbu ukoll għall-post fejn tal-linja tkun tista’ tieqaf bla ma tostakola mezzi oħra tat-transport. Dan is-sit kien diġà jippermetti l-ispazju neċessarju għal dan il-għan.

Persuni stateless

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hawn persuni li huma stateless f’Malta? Kemm minn dawn huma ġenituri ta’ tfal li joqogħdu Malta bħalissa? Jista’ jgħid ukoll il-ġenituri ta’ dawn it-tfal li huma stateless, minn liema pajjiżi ġejjin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat mill-Aġenzija Komunità Malta li l-Aġenzija tirċievi d-dikjarazzjoni tal-persuni meta ssir applikazzjoni ta' ċittadinanza. Ninsab infurmat li hekk kif provdut f'mistoqsija parlamentari 26713 kien hemm 24 persuna minuri li kienu jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 sal-lum li ġie ddikjarat fl-applikazzjoni għat-talba għaċ-ċittadinanza tagħhom li huma stateless.

Tfal stateless li ngħataw iċ-ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn tfal li kienu stateless u ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 ’l hawn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kien hemm 24 persuna minuri li kienu jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 sal-lum li ġie ddikjarat fl-applikazzjoni għat-talba għaċ-ċittadinanza tagħhom li huma stateless.

Tfal stateless — Ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern Malti biex jara li tfal li huma stateless tingħatalhom ċittadinanza u jekk jikkunsidrax li dawn it-tfal tingħatalhom iċ-ċittadinanza Maltija? Jekk iva, meta? Jekk le, għaliex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar iċ-ċittadinanza (Kap. 188) jipprovdu r-rekwiżiti għal talbiet għaċ-ċittadinanza Maltija minn persuni stateless.

Malta Eurovision Song Festival — Reklami ta' Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reklami tal-entità Transport Malta waqt il-Malta Eurovision Song Festival u kemm ġiet tiswa din l-ispiża?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25486.

Malta Eurovision Song Festival Song Festival — Reklami ta' Infrastructure Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reklami ta’ entità Infrastructure Malta waqt il-Malta Eurovision Song Festival u kemm ġiet tiswa din l-ispiża?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25486.