Infrastructure Malta – Xogħlijiet temporanji f’Raħal Ġdid – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali tax-xogħlijiet temporanji li saru minn Infrastructure Malta fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll kemm damu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet billi jindika d-data ta’ meta bdew u d-data ta’ meta tlestew?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba ta’ PQ 3090.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu ġew sottomessi proposti jew applikazzjonijiet oriġinarjament taħt l-inizjattiva Vjal Kulħadd, kemm minnhom intgħażlu u kemm ma ntgħażlux? Jista’ jgħid ukoll x’se jsir mill-proposti li ġew sottomessi iżda ma ntgħażlux, u jekk dawn humiex se jibqgħu jiġu kkunsidrati għal fażi sussegwenti tal-inizjattiva jew jekk il-Kunsilli Lokali u/jew l-entitajiet li ssottomettewhom humiex se jkollhom jissottomettu applikazzjoni ġdida? Jista’ jgħid ukoll jekk Infrastructure Malta kkomunikatx mal-applikanti li ma ntgħażlux dwar il-possibbiltà li l-proposti tagħhom jiġu kkunsidrati fi stadju jew fażi sussegwenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25318 matul il-leġiżlatura preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jkompli bl-inizjattiva Vjal Kulħadd permezz ta’ sejħa jew fażi oħra li fiha jkunu jistgħu jintgħażlu proġetti addizzjonali? Jekk iva, jista’ jgħid meta huwa ppjanat li titnieda l-fażi jew sejħa li jmiss, kemm huwa l-baġit allokat għaliha u kemm-il proġett huwa previst li jintgħażel?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-inizjattiva Vjal Kulħadd qed tkompli tiġi implimentata permezz tal-proġetti magħżula fl-ewwel fażi tagħha, li tħabbret f’Jannar 2025. Wara li kienu ġew sottomessi 40 applikazzjoni minn kunsilli lokali u NGOs ambjentali, intgħażlu 14-il proġett għall-ewwel fażi, filwaqt li 10 proġetti addizzjonali kienu għadhom taħt evalwazzjoni għat-tieni fażi.
L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li tkompli tittrasforma l-ispazji pubbliċi f’żoni aktar aċċessibbli, siguri u sostenibbli, b’enfasi fuq il-mixi, il-mobilità alternattiva u ż-żieda fl-ispazji ħodor, filwaqt li tingħata prijorità lin-nies u lill-komunitajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab kull wieħed mill-proġetti magħżula taħt l-inizjattiva Vjal Kulħadd? Jista’ jgħid ukoll liema proġetti tlestew, liema jinsabu fil-fażi ta’ implimentazzjoni, liema għadhom fi stadju ta’ pjanar jew konsultazzjoni u d-data mistennija għat-tlestija ta’ kull proġett?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġetti magħżula taħt l-inizjattiva Vjal Kulħadd jinsabu fi stadji differenti ta’ implimentazzjoni, skont in-natura tax-xogħlijiet meħtieġa u l-proċessi tekniċi u amministrattivi relatati ma’ kull proġett.
Sal-lum, tlestew il-proġetti fi Triq Ħaż-Żabbar fiż-Żejtun, fi Triq il-Gudja fil-Gudja, fil-Pjazza Tommaso Dingli, Ħ’Attard u fi Triq San Tumas f’Ħal Tarxien. Tlesta wkoll ix-xogħol ta’ riallinjament tal-bypass tas-Siġġiewi, inkluża r-rikostruzzjoni sħiħa tiegħu, il-kostruzzjoni ta’ sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita sabiex titjieb is-sitwazzjoni f’żona li tbati minn għargħar qawwi, u t-titjib tal-bankina tul il-belvedere bi tqegħid ta’ madum ġdid tal-konkos aggregat espost.
Fir-rigward ta’ Triq is-Saqqajja fir-Rabat, tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett, filwaqt li qed jiġu ffinalizzati x-xogħlijiet tat-tieni fażi u qed jitħejja l-bidu tat-tielet fażi. Din tal-aħħar tinkludi t-tħejjija tas-servizzi u l-kostruzzjoni tal-pedamenti tal-bankini u tal-parkeġġi.
Fi Triq John Ayde fin-Naxxar, inbena r-reservoir, ġew installati s-servizzi kollha u tlestew ix-xogħlijiet kollha ta’ skavar. Ix-xogħlijiet tal-bankini tlestew ukoll. Fi Triq Oscar Zammit fl-Imsida, inbena r-reservoir, ġew installati s-servizzi kollha u tlestew ix-xogħlijiet kollha ta’ skavar.
F’Xatt iċ-Ċangatura fil-Furjana, tlestiet l-ewwel fażi minn tlieta, filwaqt li għaddejjin ix-xogħlijiet fuq is-servizzi li jinsabu tul it-tieni fażi tal-proġett.
F’Ħal Kirkop, l-Aġenzija riċentament irċeviet il-ftehim iffirmat mal-Kunsill Lokali, pass meħtieġ għall-iżvilupp tal-proġett.
Fir-rigward ta’ Misraħ Santa Marija fiż-Żurrieq, ġiet sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar l-applikazzjoni relatata mad-DNO, u bħalissa qed tkun mistennija l-approvazzjoni tagħha qabel ma jkun jista’ jsir aktar progress.
Fir-rigward tal-proġetti f’Ħaż-Żebbuġ, il-Fgura, il-Mosta, il-Mellieħa u Ħal Safi, il-proċess ta’ implimentazzjoni għadu għaddej, u l-istadju rispettiv u l-iskedi ta’ żmien għat-tlestija tagħhom huma marbuta mal-iżvilupp u l-progress tal-proċessi tekniċi u amministrattivi meħtieġa.
Id-dati mistennija għat-tlestija ta’ kull proġett jiddependu mill-istadju li jkun intlaħaq, mill-ħtiġijiet tekniċi u mill-approvazzjonijiet meħtieġa. Għaldaqstant, l-iskedi ta’ żmien jiġu stabbiliti jew aġġornati skont il-progress effettiv ta’ kull proġett.
Kunsilli lokali u d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali – Studenti allokati jew ingaġġati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti ġew ingaġġati jew allokati mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u mal-kunsilli lokali matul is-sajf tal-2026, inklużi studenti permezz tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi (IPS), il-MITA u s-Summer Placement Programme, u tagħti din l-informazzjoni separata skont l-iskema jew programm rispettiv? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti ġew allokati lill-kunsilli lokali u kemm baqgħu jew ġew assenjati mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali? Tista’ tgħid ukoll fuq liema kriterji ġie stabbilit in-numru ta’ studenti mitluba jew ingaġġati, u jekk qabel ma ġie stabbilit dan in-numru sarx eżerċizzju mal-kunsilli lokali sabiex tiġi determinata d-domanda effettiva għal studenti minn kull kunsill?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Ninsab infurmata mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-lista tal-istudenti ġiet komunikata lilhom mill-entitajiet konċernati. Id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali ħadet ħsieb biex tara illi kemm jista' jkun, l-istudenti jiġu allokati f'kunsilli viċin il-post tar-residenza tagħhom.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk itteħdux jew humiex ser jittieħdu miżuri sabiex ikun hemm dawl adegwat fix-Xatt ta’ Bormla?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-maġġoranza tas-sistema tad-dawl fix-Xatt ta’ Bormla ġiet installata bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Baċir Nru. 1. Matul is-snin ġew installati aktar arbli tad-dawl, filwaqt li s-sistema baqgħet tiġi mantnuta mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Ninsab infurmata li d-dawl huwa adegwat u li jipprovdi ambjent sigur għall-pubbliku li jaċċessa din iż-żona filgħaxija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx tabib ġewwa l-Berġa tal-Fgura u, jekk iva, kemm-il darba u f’liema ġranet ikun disponibbli? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-proċess sabiex pazjent ikun jista’ jara tabib f’din il-Berġa?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li s-servizz tat-Tabib tal-Familja (GP) fil-Berġa tal-Fgura huwa disponibbli kull nhar ta’ Tlieta, bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-1:00 ta’ waranofsinhar.
Il-pazjenti jistgħu jagħmlu appuntament billi jċemplu fuq in-numru 2123 1231.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titkabbar il-Berġa ta’ Ħaż-Żabbar?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li huwa ppjanat li l’quddiem isiru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar dwar jekk hemmx spazju u possibbiltà li titkabbar il-Berġa ta’ din il-lokalità.
Fid-dawl li t-tappieri fi Ġnien Ovindoli ġewwa Ħal Tarxien fin-naħa ta’ Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija ġew magħluqa jew imblukkati, tista’ l-Ministru tgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri jitnaddfu sabiex jerġgħu jiffunzjonaw kif suppost?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.
Fid-dawl li t-tappieri fi Ġnien Ovindoli ġewwa Ħal Tarxien fin-naħa ta’ Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija ġew magħluqa jew imblukkati, tista’ l-Ministru tgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri jitnaddfu sabiex jerġgħu jiffunzjonaw kif suppost?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-bereġ u ċ-Ċentri tas-Saħħa (polyclinics) jistgħux jintużaw minn kulħadd irrispettivament mil-lokalità fejn jirrisjedu?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li fir-rigward tas-servizzi tat-Tobba tal-Familja (GPs) u tal-Professjonisti Alleati tas-Saħħa, ma japplikawx restrizzjonijiet skont il-lokalità tar-residenza. Għaldaqstant, il-pazjenti jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fi kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa jew Berġa fejn ikunu offruti, irrispettivament mil-lokalità fejn jirrisjedu.
Fir-rigward tas-servizzi tal-infermiera, il-pazjenti għandhom jirrikorru jew jiġi allokati appuntamenti fl-eqreb Ċentru tas-Saħħa jew Berġa, skont il-lokalita’ fejn jgħixu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 940, minħabba l-fatt li l-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas, Marsaskala se jkun bla ħlas, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm kumpens għas-sid ta’ din l-art?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1273 u jgħid kemm hemm kunsilli lokali li jużaw il-fondi li għandhom ġewwa l-planning fund allokat għall-kunsill lokali tagħhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 896 u 2016 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet u lill-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi u jgħid kemm-il persuna applikat għall-iskema ‘Buying Energy-Efficient Homes’ sa issa?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ħaż-Żabbar – St. Peter’s Area – Bus stop ‘Marżebb’
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35572 tal-14-il Leġiżlatura, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-bus stop ‘Marżebb’ li jinsab f’St. Peter’s Area f’Ħaż-Żabbar?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li x-xogħlijiet relatati mal-bus stop ‘Marżebb’, li jinsab f’ St. Peter’s Area f’Ħaż-Żabbar għadhom mhux konklużi, hekk kif bħalissa qed jistennew ix-xogħlijiet konnessa mal-installazzjoni min-naħa tal-kumpanija Faces Ltd.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35571 tal-14-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fix-Xatt tar-Rinella, il-Kalkara, wara l-ħsarat ikkawżati mill-maltempata ta’ Jannar li għadda?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħlijiet fil-Bajja tar-Rinella għaddejjin bħalissa, u fil-ġimgħat li ġejjin huwa mistenni li jerġa’ jinfetaħ l-ewwel nofs tal-bajja, fejn ix-xogħlijiet kienu bdew aktar kmieni din is-sena. Malli din il-parti tkun miftuħa għall-pubbliku, huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq in-nofs l-ieħor tal-bajja, bil-għan li x-xogħlijiet fuq il-ħitan tal-bajja jkunu lesti għas-sajf li ġej.
Pjazza ta’ Ħal Tarxien – Xogħlijiet – Konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta kkonsultatx mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-Pjazza ta’ Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll xi studji u riċerka saru qabel il-bidu tagħhom, u x’sehem kellu l-Kunsill Lokali fl-ippjanar u fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar dawn ix-xogħlijiet?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan kien progett li origina mil-Kunsill lokali li kien propona din it-talba ghand Infrastructure Malta sabiex isir il-progett ta’ rigenerazzjoni tal-pjazza u l-madwar.
Il-proġett tax-xogħlijiet fil-Pjazza huwa proġett imexxi u ffinanzjat minn Infrastructure Malta. Il-Kunsill Lokali jinżamm infurmat b’mod kontinwu dwar ix-xogħlijiet proposti, inkluż id-disinn tal-proġett kif ippreżentat mill-entità responsabbli u kkonsultat fuq kull tip ta’ deċiżjonijiet relatati mal-estetika fosthom madum, sistema ta’ dawl u anki disinn u traffic management u l-għamara tal-pjazza. B’koordinament mal-Kunsill Lokali saru numru ta’ konsultazzjonijiet mal-ghaqdiet ta’ Hal Tarxien, kif ukoll mar-residenti tal-madwar.
Fir-rigward tal-istudji, ir-riċerka u kwalunkwe valutazzjonijiet tekniċi jew preparatorji li setgħu saru jew kienu meħtieġa qabel il-bidu tax-xogħlijiet, infurmata mill-Kunsill Lokali li dawn kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Infrastructure Malta, bħala l-entità inkarigata mill-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proġett. Infurmata wkoll li l-Kunsill Lokali kien qiegħed ikun ikkonsultat u kien qed isegwi l-progress tal-proġett.
Pjazza ta’ Ħal Tarxien – Xogħlijiet – Konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk Infrastructure Malta kkonsultatx mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-Pjazza ta’ Ħal Tarxien? Tista’ tgħid ukoll xi studji u riċerka saru qabel il-bidu tagħhom, u x’sehem kellu l-Kunsill Lokali fl-ippjanar u fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar dawn ix-xogħlijiet?