Legislature:
Category:
Reset
Active:

Midja soċjali u sfruttament tad-data

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu protetti mill-isfruttament tad-data u l-vizzju tal-midja soċjali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali tikkontribwixxi fl-ekosistema li tħares l-u¿u ottimali u sigur tal-innovazzjoni diġitali. Għaldaqstant, qed jitwettqu numru ta’ inizjattivi li jippromovu dan l-għan. Fosthom, matul din is-sena skolastika, saru numru ta’ sessjonijiet dwar is-sigurtà online fi skejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti, bil-għan li l-istudenti jkunu aktar konxji dwar l-informazzjoni li qed jaqsmu online. B’kollox, madwar 3,500 student ibbenefika minn din l-inizjattiva. Saru wkoll diversi sessjonijiet dwar ‘cybersecurity’ mal-istudenti fl-Università ta’ Malta. Barra minn hekk, saret sessjoni ta’ informazzjoni għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni post sekondarja u ogħla, bħala taħriġ ta’ “train the trainer” fuq is-suġġett koncernat. Apparti din il-ħidma, ninforma l-Onor. Interpellant li dan huwa suġġett orizzontali li fuqu għaddejja ħidma minn diversi Ministeri u entitajiet oħra.

Programmi ta’ titjib fil-ħiliet diġitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm investiment addizzjonali fi programmi ta’ titjib fil-ħiliet diġitali biex jgħinu liż-żgħażagħ jibqgħu kompetittivi fis-suq tax-xogħol globali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li Jobsplus permezz tal-iskemi tagħha dejjem qegħda tinvesti aktar fil-ħiliet taż-żgħażagħ, bl-aktar skema ricenti mnedija kienet dik tal-Youth Guarantee. L-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ b'investiment ta' aktar minn €10 miljun minn fondi pubbliċi u oħrajn mill-Fond Soċjali Ewropew hija finanzjata mill-akbar pakkett ta' fondi Ewropej li kiseb pajjiżna fl-2020.​ L-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ qegħdin igawdu minnha żgħażagħ ta' bejn il-15 u d-29 sena. Dan ifisser li qegħdin ibbenefikaw aktar żgħażagħ hekk kif fl-iskema ta' qabel gawdew minnha dawk li kellhom sa 24 sena. B'din l-iskema, żgħażagħ li jkollhom bżonn jiksbu ħiliet u kwalifiċi biex ikunu lesti għad-dinja tax-xogħol, igawdu permezz ta' taħriġ li jingħata b'kollaborazzjoni bejn Jobsplus u istituzzjonijiet edukattivi, fost oħrajn. Fil-fatt, l-iskema preċedenti, li ħaddem il-Gvern, issarrfet minn 6,000 żagħżugħ fejn kważi 90% minnhom kisbu kwalifiċi u ħiliet jew daħlu fid-dinja tax-xogħol. Jobsplus toffri ukoll inizjattivi bħall- Investing in Skills fejn jingħata sussidju lil min iħaddem meta l-impjegati jirċievu t-taħriġ filwaqt li jiġu offruti numru ta’ korsijiet bla ħlas kemm għal dawk li jkunu qegħdin jitħarrġu biex isibu l-impjieg li jixtiequ kif ukoll dawk li huma diġa fis-suq tax-xogħol imma jixtiequ jitgħallmu jew itejjbu l-għarfien tagħhom fuq xi suġġett partikolari. Fost dawn il-korsijiet hemm dawk li huma relatati mal-ħiliet diġitali. Il-korsijiet isiru filgħaxija u l-maġġoranza offruti li jsiru onlajn. Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom l-aħjar opportunitajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol b’ħiliet adegwati u esperjenza utli.

Programmi ta’ titjib fil-ħiliet diġitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm investiment addizzjonali fi programmi ta’ titjib fil-ħiliet diġitali biex jgħinu liż-żgħażagħ jibqgħu kompetittivi fis-suq tax-xogħol globali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qed isiru diversi inizjattivi biex titqajjem kuxjenza u għarfien dwar l-importanza tal-ħiliet fil-qasam tal-ICT. Aktar kmieni din is-sena, saru 10 żjarat fl-industrija fejn attendew studenti mill-iskejjel tal-Gvern. Minn din is-sena wkoll, inbeda programm pilota li permezz tiegħu saru tliet żjarat ma’ skejjel tal-Knisja. Biex dawn iż-żjarat jiġu msaħħa u jipprovdu aktar opportunitajiet ta’ tagħlim u espożizzjoni għax-xogħol fil-qasam STEM, qed naħdmu sabiex jiġu organizzati żjarat relatati ma’ kumpaniji li jiffokaw fuq ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Sabiex inħeġġu aktar tfajliet jidħlu f’dan il-qasam, reġa’ ġie organizzat u anke mkabbar in-numru ta’ sessjonijiet speċifiċi għall-bniet biex jitrawmu nisa fl-ICT. S’issa, saru 11-il sessjoni f’din is-sena skolastika, bejn skejjel tal-Gvern u tal-Knisja. Sar ukoll avveniment biex jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għat-Tfajliet fl-ICT, li fih attendew madwar 40 studenta. Barra minn hekk, ġie organizzat avveniment ieħor relatat mal-coding bl-għan li jitrawmu tfajliet minn età żgħira f’dan il-qasam. L-MDIA, wara investiment fid-DIHubMT, ser tibda tuża dan l-ispazju biex tesponi lill-istudenti għall-opportunitajiet diġitali, u bħalissa qed tikkordina l-ewwel żjara mal-Kottonera Resource Centre. Il-pjan hu li anke jsir avveniment ieħor, dwar il-Vehicle Forensics għall-istudenti tas-Sena 11, sabiex jiġu esposti għal dan il-qasam innovattiv u jinftiehmu aħjar il-proċessi u l-impenn teknoloġiku relatat. Apparti l-ħames inizjattivi annwali li jsiru fis-sajf għaż-żgħażagħ biex jitgħallmu aktar dwar ir-robotika, AI u l-innovazzjoni diġitali, dan is-sajf ser tiġi organizzata inizjattiva oħra speċifika fuq ir-robotika b’elementi ta’ inġinerija u teknoloġija, immirata għal żgħażagħ sal-età ta’ 17-il sena. L-MDIA qed tiffinanzja wkoll numru ta’ sessjonijiet li jsiru kull sena fil-“Skola Sajf” f’kollaborazzjoni mal-FES. Minn din is-sena, hemm il-ħsieb li jiġu inklużi wkoll sessjonijiet għal tfal i¿għar fuq ‘coding unplugged’. Barra minn hekk, l-MDIA qed taħdem biex jiġi ¿viluppat kontenut speċifiku għal inizjattivi tas-sajf li jkunu jistgħu jitqassmu lil skejjel interessati li jwettqu dawn l-attivitajiet direttament. Dan biex tkompli titqajjem kuxjenza fuq l-ICT u ħiliet utli għaż-żgħażagħ fil-ħajja ta’ kuljum u fid-dinja tax-xogħol. L-MDIA qed taħdem wkoll fuq sejħa għal offerti (tender) li tippermetti inizjattivi tas-sajf għaż-żgħażagħ għas-sena d-dieħla fis-sitt regjuni, sabiex noffru opportunitajiet ta’ tagħlim u nilħqu kemm jista’ jkun żgħażagħ minn kull rokna tal-pajjiż. Fl-aħħar nett, b’investiment ta’ €500,000, qed tiġi mfassla skema li tipprovdi sussidju ta’ sa massimu ta’ €1,000 fis-sena lil individwi ta’ 16-il sena u aktar li jagħ¿lu li jagħmlu korsijiet relatati mal-coding u l-ħiliet diġitali. Apparti din il-ħidma, ninforma l-Onor. Interpellant li dan huwa suġġett orizzontali li fuqu għaddejja ħidma minn diversi Ministeri u entitajiet oħra.

Żgħażagħ — Ġlieda kontra d-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex l-abbuż u l-vizzju tad-droga fost iż-żgħażagħ, speċjalment fil-postijiet tad-divertiment, jiġi miġġieled?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-prijorità tal-Pulizija fil-ġlieda kontra d-droga, hi li primarjament tiffoka fuq operazzjonijiet, investigazzjonijiet u ġbir ta’ informazzjoni li jwasslu biex jiġu identifikati każijiet ta’ traffikar u t-traffikanti, u b’hekk jinqered it-traffikar ta’ droga biex din ma tilħaqx tasal fis-swieq lokali għal użu fost iż-żgħażagħ u kull persuna oħra. Kif jirriżulta anke minn każi li nqabdu u tressqu l-Qorti din ħidma li qed tkun effettiva, fejn il-pulizija tinvestiga u taġixxi wkoll rabtiet oħra li jkollhom dawn lil-persuni. Dan barra minn attivitajiet oħra li jinkludu rondi u spezzjonijiet f’postijiet fejn ikun hemm suspett ta’ traffikar jew użu ta’ droga anke fost iż-żgħażagħ, minn Pulizija bl-uniformi kif ukoll pajżana. Din l-attivita tiżdied fi ġranet ta’ festi, weekends u lokalitajiet oħra fejn ikun hemm attivitajiet ta’ divertiment.

Erasmus+ — Programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jespandi l-aċċess u l-għarfien tal-programmi Erasmus+ għal studenti u l-professjonisti żgħażagħ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li jiġu organizzati laqgħat u sessjonijiet ta’ taħriġ filwaqt li tintbgħat ukoll l-informazzjoni neċessarja sabiex kemm l-edukaturi u kif ukoll il-ġenituri jkollom għarfien biżejjed fuq il-programmi tal-ERASMUS+.

Studenti u ħaddiema barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi pjan ta’ motivazzjoni aħjar biex iż-żgħażagħ Maltin li jmorru jistudjaw jew jaħdmu barra minn Malta jerġgħu jiġu lura?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk l-istudenti li jingħataw scholarship, ikunu jistgħu jerġgħu jiġu lura meta l-perjodu ta’ dan l-ischolarship jispiċċa. Fl-ebda ħin il-Ministeru ma jista’ jinterferi meta student jew ħaddiem jiġi lura Malta. Ninsab infurmat li l-istatistika provduta mill-NSO turi li hemm iktar studenti li jmorru jistudjaw barra mill-pajjiż u jerġaw jiġu lura milli jmorru jistudjaw barra mill-pajjiż u ma jirritornawx lura.

Żgħażagħ li qed jitilqu minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-gvern qed jindirizza ż-żgħażagħ b’talent li qed jitilqu minn Malta għal opportunitajiet aħjar f’pajjiż ieħor? Jista’ jgħid ukoll hux qed isir xi studju dwar din il-problema?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ġonna riġenerati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew riġenerati ġonna f’dawn l-aħħar għaxar snin? Tista’ tgħid ukoll liema huma dawn il-ġonna u meta ġew riġenerati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ ġonna u siti oħrajn li ġew riġenerati fil-perjodu indikat mill-entitajiet li jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.

Żgħażagħ li jaħdmu Full-Time u Part-Time — Studenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26728, jista’ l-Ministru jgħid kemm miż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-30 sena li qed jaħdmu full-time kif ukoll part-time, huma studenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kienu 7,869, iż-żgħażagħ bejn is-16 u 30 sena li qegħdin jattendu istituzzjoni edukattiva post-sekondarja fis-sena akkademika 2024-2025 u li sal-aħħar ta’ Ottubru (l-aħħar ċifri ppubblikati) kellhom ukoll impjieg full-time jew part-time.

Istituzzjonijiet edukattivi – Aċċess għal servizzi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26736 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jgħid kif qed jiġi żgurat li s-servizzi tas-saħħa mentali jkunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ, inkluż fl-iskejjel u l-universitajiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li kull Kulleġġ għandu aċċess għal servizzi edukattivi psikosoċjali. Dawn is-servizzi huma provduti minn counsellors, psikologi, ħaddiema soċjali u professjonisti oħra. Infurmat li l-istudenti jistgħu jiġu referuti jew mis-Senior Leadership Team, jew mill-guidance teachers ta’ kull skola lill-membri tat-tim edukattiv psikosoċjali, skont l-esiġenzi tal-każ. Minbarra din il-possibbiltà l-istudenti kollha għandhom l-opportunità li minn jeddhom imorru jkellmu lill-guidance teachers tagħhom biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jipproċedu bil-każ u jirreferu jekk is-sitwazzjoni tkun tirrikjedi professjonisti aktar speċjalizzati. Apparti minn hekk, infurmat li l-istudenti tad-disa sena jiġu mħarrġa fil-Mental Health First Aid.

Istituzzjonijiet edukattivi — numru ta’ konsulenti u psikologi disponibbli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26737 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jgħid jekk hemmx pjanijiet biex in-numru ta’ konsulenti u psikologi disponibbli għaż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet edukattivi jiżdied?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din is-sena se jsir ingaġġ ta’ Psychology Practitioners, fejn bħalissa għaddej proċess ta’ għażla għall-ingaġġ ta’ prattikanti ġodda fil-psikoloġija. Seba’ persuni applikaw u l-kandidati magħżula se jiksbu l-warrant ta’ psikologu fi żmien sentejn. Infurmat li kull sejħa tinħareġ pubblikament.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26740 u jgħid kemm intefqu flus f’reklami fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27830.

Kiri ta’ karozza tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-karozza tal-linja li ġiet mikrija f’Għawdex għall-membri kollha tal-Kabinett, nhar it-Tnejn 7 ta’ April ta’ din is-sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Edukazzjoni vokazzjonali — Immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26732 u jgħid x’passi qed jittieħdu biex l-edukazzjoni vokazzjonali (MCAST, ITS) tiġi mmodernizzata biex tirrifletti industriji ġodda bħal AI?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’Settembru ta’ din is-sena mistenni li jiftaħ it-Trade Institute. Ninforma lill-Onor. Interpellanta wkoll li saru wkoll djalogi mal-istakeholders neċessarji inkluż l-MCAST u l-Ministeru, sabiex jissalvagwardjaw l-użu tal-AI.

Kuntratti prekarji u nuqqas ta’ sigurtà tax-xogħol

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26733 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid kif il-Gvern qed jittratta l-kwistjoni tal-kuntratti prekarji u n-nuqqas ta’ sigurtà tax-xogħol li jolqtu b’mod sproporzjonat lill-ħaddiema żgħażagħ?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — St. Peter’s Area – Proġett tal-bandli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25453, jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun qed jitlesta l-proġett tal-bandli f’St. Peter’s Area, Ħaż-Żabbar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li l-Proġett tal-Bandli ta’ St.Peter’s Area mistenni jitlesta sa Ottubru ta’ din is-sena.

Trabi — Twelid

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25455, jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-trabi li twieldu bejn l-2019 u l-2023 huma wlied ta’ residenti Maltin u kemm minnhom huma ta’ residenti barranin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġibiet mogħtija fil-mistoqsijiet parlamentari 15223 u 22132.