B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27875, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ manutenzjoni tas-saqaf fil-post li l-informazzjoni dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tlesta kif kien ippjanat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28754, jista’ l-Ministru jgħid kif inhuma rregolarizzati l-każini f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ikel u xorb?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fil-mument, hu d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika li jirregolarizza l-każini f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel u x-xorb.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29383 dwar kemm hemm skejjel li saret manutenzjoni fuqhom f’dawn l-aħħar ħames snin, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawn l-iskejjel?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandix xi nżid ma dak li diġà weġibt għall-mistoqsija parlamentari 29383.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel taż-żfin fil-lokalità tal-Fgura u jidentifika liema huma dawn l-iskejjel?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda entità taħt dan il-Ministeru ma tamministra jew tmexxi xi skola taż-żfin, għad li n-NAPA ttella' workshops immirati għalihom matul is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fil-Pjazza ta’ Ħal Tarxien?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru l-preparamenti biex il-mobilizzazzjoni tal-makkinarju jibda wara l-festa tal-Madonna tad-Duttrina, filwaqt li x-xogħol jibda wara shutdowns tradizzjonali li l-kuntratturi jagħmlu f' Santa Marija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25403, dwar xogħlijiet fil-Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar minn April 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27803 u 28249 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni rispettivament u jgħid jekk sarux jew hemmx xi ħsieb li jsiru kampanji nazzjonali ta’ għarfien dwar il-perikli ta’ użu eċċessiv ta’ alkoħol u droga fost iż-żgħażagħ?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif ilha tagħmel sa mit-twaqqif tagħha fl-1994, l-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), għandha bħala għan ewlieni tagħha dak li jissejjaħ teknikament il-Primary Prevention. Dan isir permezz ta’ programmi regolari fl-iskejjel li għaddejjin il-ħin kollu, it-TFAL 3 u TFAL 5 kif ukoll Teen Outside the Box (TOTB). Bħal dawn hemm ukoll il-programm SAFE li jsir fuq il-postijiet tax-xogħol.
Minbarra dawn il-programmi on going, l-FSWS għamlet ukoll kampanji ta’ għarfien fuq il-mezzi tal-media soċjali kemm permezz ta’ influencers u kemm permezz ta’ testimonjanzi fuq portals lokali li l-aktar li huma segwiti miż-żgħażagħ.
Minbarra dan, tajjeb ukoll li jingħad, li l-Gvern ilu jinvesti fil-prevenzjoni tal-użu ta’ sustanzi u dipendenzi oħra għal diversi snin. Dan jinkludi appoġġ finanzjarju lill- aġenziji rilevanti attivi fil-qasam tal-prevenzjoni u t-trattament tad-dipendenza fuq is-sustanzi.
Il-Politika Nazzjonali tad-Droga 2023-2033 tistabbilixxi l-ħolqien ta' Korp Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għall-Prevenzjoni. Diġà ttieħdu passi konkreti f'dan il-qasam. Fil-fatt, ġiet mnedija kampanja ta' għarfien nazzjonali f'Ġunju 2025, li tiffoka fuq adulti ta' bejn it-30 u l-45 sena li huma mpjegati u soċjalment integrati. Żgħażagħ u adulti żgħażagħ ġew indirizzati wkoll bħala udjenza sekondarja.
Kampanja oħra qed tiġi żviluppata għal żgħażagħ ta' bejn l-14 u l-25 sena, inklużi studenti, żgħażagħ mhux fl-edukazzjoni jew impjieg, u żgħażagħ li jaħdmu. Hu mistenni illi din l-inizjattiva se titnieda f'Ottubru 2025.
Il-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol ġiet imnedija fil-25 ta' Ġunju u tinsab fil-fażi ta' konsultazzjoni pubblika. Din il-politika tistabbilixxi appoċċ komprensiv biex tnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol permezz ta' prevenzjoni, regolamentazzjoni, u għarfien pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fil-Fgura matul ix-xahar ta’ Lulju 2025?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dan ix-xahar mistennija li jsiru xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Karmnu u Triq Kent, filwaqt li se jingħata wiċċ ta’asfalt ġdid ma’ Roundabout tal-mina ta’ Hompesch.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27874, tista’ l-Ministru tgħid meta x-xogħlijiet fuq ir-Rainwater Harvesting Park f'Għajnsielem u fuq il-ġnien f’Villa Portelli ser jitlestew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet fuq ir-Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem qed ikun immirat li jitlestew lejn it-tielet kwart tas-sena 2026, filwaqt li t-tieni fażi tal-proġett ta' Villa Portelli, li qed isir flimkien ma' Heritage Malta, għandha titlesta sal-ewwel kwart tas-sena 2027.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-fondi mogħtija lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) fil-baġit għas-Sena 2025 ma żdiedux? Jista’ jgħid ukoll jekk jaħsibx li dawn il-fondi humiex biżżejjed għal din il-Kummissjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-fondi jiġu mogħtija skont it-talba u l-konsiderazzjoni li wieħed jagħmel wara t-talba.
Fid-dawl li fis-sena 2023 intefqu €316,983 għal-Line Item 5630 Sports Scholarship Scheme u mill-2024 bdew jiġu allokati €200,000, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġewx allokati aktar fondi għas-sena 2025?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-allokazzjoni tal-fondi isiru skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi li jkun hemm.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx rapporti dwar vapuri li qed jarmu t-terrapien fil-baħar tax-Xgħajra u l-madwar?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċeviet ebda rapport dwar rimi ta’ skart illegalment fil-baħar permezz ta’ vapuri ʼl barra mix-Xgħajra. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-akkwati indikati hemm sit diżinjat għal rimi ta’ terrapien fil-baħar u fil-preżent hemm 6 permessi attivi għal dan it-tip ta’ rimi.