Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-parti ta’ Ġnien Romeo Romano, f’Santa Venera, li nfetaħ għall-pubbliku fl-2022, sa qabel ir-riġenerazzjoni ta’ dik is-sena? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ġiet riġenerata l-parti ta’ Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera li nfetħet fl-2022, din lanqas kienet aċċessibbli għall-pubbliku. Għaldaqstant, ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’din il-parti tal-ġnien kienu jinkludu xogħlijiet biex saru passaġġi siguri u aċċessibbli, sar restawr estensiv tas-sienja, tal-ġibjun, tal-kanali tal-ilma, tal-ħitan u l-funtani, bandli, kif ukoll tħawwlu aktar siġar taċ-ċitru.
Il-Ħamrun – Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919 – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru f’Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919, fil-Ħamrun, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2022? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel l-intervent ta’ riġenerazzjoni li sar fl-2022, iż-żona kienet tintuża bħala parkeġġ. WasteServ, permezz ta’ GreenServ, għamlet investiment ta’ madwar €1.5 miljun biex iż-żona ġiet trasformata fi spazju aħdar fejn minbarra li tħawwlu siġar u pjanti, kienu installati bankijiet, strutturi għad-dell b’pannelli solari, dawl u punti għall-iċċarġjar t’apparat elettroniku. Il-proġett kien jinkludi wkoll restawr ta’ ġibjun li l-ilma tiegħu qed jintuża għat-tisqija u anke faċilitajiet għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit Il-Qortin, fix-Xagħra, Għawdex, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2022? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sit tal-Qortin, fix-Xagħra, Għawdex, kien jintuża bħala miżbla mhux ikkontrollata bejn l-1968 u l-2004, fejn tul is-snin ġew depożitati madwar nofs miljun tunnellata ta’ skart. B’investiment ta’ €3.3 miljun, WasteServ trasformat dan is-sit fi spazju miftuħ u aħdar ta’ madwar 50,000 metru kwadru u fl-2022 infetaħ għall-użu rikreattiv mill-familji.
Wara l-għeluq tal-miżbla, saru diversi fażijiet ta’ riabilitazzjoni ambjentali sabiex is-sit jiġi restawrat u eventwalment ikun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku. Dawn ix-xogħlijiet inkludew l-installazzjoni ta’ sistema għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-gass, is-siġillar u l-landscaping tas-sit, it-tħawwil ta’ madwar 23,000 arbuxxell indiġenu u l-bini ta’ ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita għall-irrigazzjoni. Fl-aħħar fażi saru aktar xogħlijiet sabiex is-sit ikun sigur u aċċessibbli għall-pubbliku, fosthom l-installazzjoni ta’ lqugħ, xatbiet u rixtelli madwar il-manifolds tal-gass, kif ukoll il-ħolqien ta’ parkeġġ, mogħdijiet aċċessibbli u park għall-klieb.
Qabel it-tlestija tal-proġett, kienet issir ukoll manutenzjoni ġenerali tas-sit u tal-impjant tat-trattament tal-gass. Din kienet tinkludi, fost oħrajn, manutenzjoni tal-pompi u tal-bjar tal-gass, tal-veġetazzjoni u tal-ħitan tal-konfini tal-impjant, kif ukoll manutenzjoni tal-flare u monitoraġġ perjodiku tal-gass.
Ir-Rabat, Malta – Sit madwar iċ-Ċentru Għajn – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit madwar iċ-Ċentru Għajn, fir-Rabat, Malta sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2017? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma kien inawgurat iċ-Ċentru Nazzjonali Għajn għall-Għarfien dwar il-Konservazzjoni tal-Ilma fl-2017, fir-Rabat, is-sit fejn jinsab fl-inħawi tan-Nigret kien mitluq.
Bil-proġett imwettaq mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma dan inbidel f'faċilità edukattiva għall-għarfien dwar l-enerġija u l-ilma permezz ta’ diversi installazzjonijiet, attivitajiet u mezzi interattivi ta’ tagħlim. Is-sit jinkludi wkoll żoni rikreattivi aċċessibbli għall-pubbliku, fosthom spazju għal-logħob tat-tfal, ġonna b’passaġġi pedonali, siġar u pjanti ornamentali, gazebo, kif ukoll spazju żgħir fil-forma ta’ teatru fil-beraħ li jikkontribwixxu għall-valur edukattiv u ambjentali tal-post.
Fl-2023 wettaqna proġett ieħor li permezz tiegħu l-bejt tal-binja nbidel fi green roof
,
li huwa magħmul minn 3,000 pjanta u jintuża għal skopijiet xjentifiċi sabiex jiġbor informazzjoni li tista' tintuża fi proġetti futuri. Dan il-proġett jesplora l-potenzjal ta' din l-infrastruttura ħadra għall-prevenzjoni tal-għargħar, filwaqt li jagħmel il-bini aktar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Ftehim ġdid – Tqassim bejn kull Kunsill Lokali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif se jitqassmu, bejn il-Kunsilli Lokali, it-€12.8 miljun tal-ftehim il-ġdid mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, matul is-sentejn tal-ftehim? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-allokazzjoni massima jew indikattiva għal kull Kunsill Lokali u l-kriterji li se jintużaw biex jiġi deċiż kemm jingħata lil kull lokalità?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li rigward il-fondi allokati għal kull Kunsill Lokali, l-Ministeru għadu jrid jevalwa wara li l-Kunsilli Lokali jissottomettu l-proposti tagħhom. Għaldaqstant f’dan l-istadju għadu prematur li wieħed jgħid kemm kull kunsill se jkun allokat fondi.
Rigward il-kriterji, ser issir laqgħa li matulha dawn il-kriterji jkunu spjegati lir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali. Fost il-kriterji ta’ prijoritá tajjeb li wieħed isemmi:
a) Proposti li l-aktar li se jkun ta’ benefiċċju għal pubbliku b’mod ġenerali.
b) Tisbieħ u tħaddir ta’ żoni li llum huma abbandunati u m’humiex ffrekwentati għax huma mitluqin.
ċ) Proposti li huma mmirati għal żoni pedonali u għalhekk innaqqsu l-karozzi mil-qalba tal-lokalitajiet, u d)proġetti li jkunu aċċessibli għal kulħadd.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Ftehim ġdid
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim il-ġdid ta’ €12.8 miljun bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali, inkluż kull schedule, annex, kundizzjoni, kriterju ta’ eliġibilità u proċedura għall-approvazzjoni tal-proġetti?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lil Onorevoli Interpellanta li d-dokument tal-ftehim il-ġdid jiġi ppublikat malli l-kumitat fuq il-bord tal-evalwazzjoni jkun għalaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess evalwazzjoni tal-offerti. Madanakollu is-sejħa għall-offerti għandha referenza ta’ CT 2177/2026.
Ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Approvazzjonijiet/nefqa
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi, għal kull Kunsill Lokali, kemm mill-allokazzjoni ta’ €10 miljun tal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali ġie approvat u kemm effettivament intefaq fil-lokalità rispettiva?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
L-allokazzjoni tal-fondi taħt il-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali ġiet amministrata skont il-proġetti u l-interventi identifikati bħala meħtieġa fil-lokalitajiet differenti.
L-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet saru b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull lokalità, il-prijoritajiet stabbiliti u l-istadji differenti li jgħaddi minnhom kull proġett.
Id-Dipartiment jibqa’ jsegwi l-andament tal-proġetti u l-użu tar-riżorsi allokati, filwaqt li jiżgura li dawn jintużaw bl-aktar mod effiċjenti u fl-interess tal-komunitajiet lokali.
Ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-allokazzjoni ta’ €10 miljun tal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali ntefqu kemm fuq xogħlijiet imwettqa minn kuntratturi privati kif ukoll fuq xogħlijiet imwettqa direttament mill-istess Dipartiment? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kuntratturi li ngħataw xogħol taħt dan il-ftehim, flimkien mal-valur totali tax-xogħol mogħti lil kull kuntrattur?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
L-allokazzjoni finanzjarja marbuta mal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kienet intiża sabiex tappoġġja t-twettiq ta’ diversi interventi u proġetti ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali.
L-implimentazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet saret permezz tal-mekkaniżmi operattivi u amministrattivi applikabbli skont in-natura u l-ħtiġijiet ta’ kull intervent, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet tekniċi u r-riżorsi disponibbli.
Id-Dipartiment jibqa’ impenjat li jiżgura li l-fondi allokati jintużaw b’mod xieraq u responsabbli, u li x-xogħlijiet jitwettqu fl-interess tal-Kunsilli Lokali u tar-residenti rispettivi tagħhom.
Kunsilli Lokali – Proġetti li twettqu taħt il-ftehim preċedenti
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-123 proġett li twettqu taħt il-ftehim preċedenti mal-Kunsilli Lokali, u għal kull wieħed tagħti l-isem tal-proġett, il-lokalità, l-ispiża, id-data tat-tlestija u min wettaq ix-xogħol? Tista’ wkoll tindika liema minn dawn il-proġetti kienu mitluba mill-kunsilli lokali rispettivi?
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet pubbliċi għaddejjin bħalissa, maqsuma lokalità b’lokalità, u għal kull proġett tispeċifika meta beda, kemm ilu għaddej ix-xogħol u meta ser jitlesta?
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tax-xogħlijiet pubbliċi li twettqu matul l-aħħar tliet snin, sal-aħħar ta’ Settembru 2026, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet pubbliċi mwettqa matul l-aħħar tliet snin kienu jinkludu diversi interventi ta’ manutenzjoni, titjib, tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Dawn l-interventi saru bħala parti mill-ħidma kontinwa sabiex titjieb l-infrastruttura pubblika, l-ambjent urban u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien fil-komunitajiet differenti.
Il-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hija waħda kontinwa u tinvolvi interventi li jkunu jinsabu fi stadji differenti ta’ ppjanar u implimentazzjoni, skont in-natura, il-kumplessità u l-ħtiġijiet ta’ kull proġett. Din il-ħidma ssir ukoll b’koordinazzjoni mal-kunsilli lokali u mal-entitajiet konċernati, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet identifikati.
Il-progress tal-interventi jiġi segwit kontinwament, filwaqt li l-perjodu ta’ implimentazzjoni u t-tlestija ta’ kull proġett jiddependu minn diversi fatturi tekniċi, amministrattivi u operattivi, bl-għan ewlieni jibqa’ li x-xogħlijiet jitwettqu bl-aktar mod effiċjenti u fl-aħjar interess tal-komunitajiet konċernati.
Pjazza ta’ Ħal Tarxien – Ċerimonja tal-inawgurazzjoni – Spiża totali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3594 u jgħid kemm kienet l-ispiża totali taċ-ċerimonja uffiċjali tal-inawgurazzjoni tal-Pjazza ta’ Ħal Tarxien li saret fl-2026?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3020 u jgħid kemm ġew irreġistrati inċidenti tat-traffiku din is-sena fi Triq il-Kapuċċini, Ħaż-Żabbar, b’mod partikolari fiż-żona ta’ salib it-toroq li tgħaqqad Triq il-Kapuċċini mat-toroq tal-inħawi ta’ Sant’Andrija? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux studji jew risk assessment dwar is-sigurtà ta’ dan is-salib it-toroq, u x’miżuri konkreti ttieħdu jew qed jiġu kkunsidrati sabiex titjieb is-sigurtà f’dan il-punt, inkluż jekk hemmx pjanijiet għal tibdil fit-toroq, fis-sinjali tat-traffiku, markings, traffic calming, dawl jew miżuri oħra ta’ prevenzjoni?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-post eżatt fi Triq il-Kappuċċini li għalih qed jirreferi, billi jimmarkah fuq pjanta tas-sit (sit map)
Skema biex iċċedi l-liċenzja tas-sewqan – Applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 908 u 2020 u jgħid kemm-il-żagħżugħ u żagħżugħa applikaw għall-iskema biex iċedu l-liċenzja tas-sewqan għal €25,000?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Ħal Tarxien – Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija – Spralli magħluqa bit-tarmak
Question
Fid-dawl li l-ispralli fi Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija, Ħal Tarxien (biswit Ġnien Ovindoli) jinsabu magħluqin bit-tarmak, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-ispralli humiex se jibqgħu magħluqin jew jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu jinfetħu sabiex l-ilma tax-xita jkun jista’ jitbattal kif suppost?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema impjegati direttament mal-Gvern li jaħdmu fis-servizzi tat-tindif, inklużi dawk assenjati fid-dipartimenti, entitajiet u aġenziji governattivi?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-preżent hemm 627 ħaddiem li jaħdmu fis-servizzi tat-tindif fi ħdan id-Divizjoni għat-Tindif u Manutenzjoni assenjati skont il-ħtieġa.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm kunsilliera lokali f’Malta u Għawdex li ġew irrifjutati kopertura ta’ assigurazzjoni marbuta mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom f’din il-leġiżlatura?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma hemmx kopertura ta’ assigurazzjoni speċifika marbuta mal-qadi tad-dmirijiet tas-Sindki u l-Kunsilliera Lokali. Għaldaqstant, ma tinżammx informazzjoni dwar każijiet fejn talbiet għal tali kopertura ġew irrifjutati matul din il-leġiżlatura.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu rapporti dwar il-preżenza ta’ ġrieden fil-lokalità tax-Xgħajra matul l-aħħar sena? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri ttieħdu?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li, matul din is-sena, it-Taqsima tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċeviet erba’ lmenti relatati mal-preżenza ta’ ġrieden fil-lokalità tax-Xgħajra. Wara kull ilment, il-ħaddiema tal-Pest Control Unit ħadu l-miżuri meħtieġa billi wettqu trattament għall-kontroll tal-ġrieden fi żmien ftit jiem minn meta ġie riċevut l-ilment rispettiv. Dan apparti trattament iehor li jkun skedat matul is-sena.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti dwar il-preżenza ta’ ġrieden fil-lokalità tax-Xgħajra matul l-aħħar sena? Tista’ tgħid ukoll x’miżuri ttieħdu?