Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32019 u 32173 li oriġinarjament saru lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid jekk iż-żmien li matulu persuna tkun irċeviet il-‘Carers Allowance’ jew il-‘Carers Grant’ jgħoddx għall-finijiet tal-pensjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar snin saru diversi emendi fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali sabiex persuni li jkunu qiegħdin jirċievu xi waħda mill-Allowances għal Carers jew il-Carers Grant, ikollhom il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali akkreditati.
Sas-sena 2022, dawk il-benefiċċjarji tal-Allowances għal Carers li jissodisfaw 156 kontribuzzjoni mħallsa u kellhom medja ta 20 kontribuzzjoni imħallsa jew akkreditati minn meta l-persuna għalqet it-tmintax ‘il sena biss kienu eliġibbli għal kreditu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Iżda bis-saħħa tal-emendi tas-sena 2023, tnaqqset il-medja ta’ kontribuzzjoni mħallsa jew akkreditati minn 20 għal 15 u l-benefiċċjarji tal-Allowances għal Carers li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija aktar ‘il fuq bdew jingħataw massimu ta’ erba snin kontribuzzjonijiet akkreditati għal finijiet ta’ pensjoni kontributorja.
Barra minn hekk, permezz ta’ emendi fis-sena 2025, il-kontribuzzjonijiet akkreditati kif imfissra bdew jingħataw ukoll lill-benefiċċjarji tal-Carers Grant.
Dan sabiex dejjem jiġu mtejba l-prospetti ta’ pensjoni kontributorja aħjar lil dawn il-benefiċċjarji.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32018 u 32172 li oriġinarjament saru lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid x’inhuma eżattament il-kriterji biex persuna tidħol fl-iskema tal-‘Carers Allowance’ jew tal-‘Carers Grant’? Jekk persuna tkun diġà laħqet jew qabżet l-età tal-pensjoni, tista’ xorta tibqa’ jew tidħol f’din l-iskema?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Allowance għal Carers u l-Allowance Miżjuda għal Carers daħlu għall-ewwel darba permezz ta’ emendi fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) matul is-sena 2017. Bis-saħħa tal-emendi persuna setgħet tibda tapplika sabiex tieħu ħsieb pazjent qarib u l-iskrutinju mediku jiġi somministrat minn Bord Multi-Dixxiplinarju permezz ta’ Barthel Index jew Mini-Mental State Examination. Tajjeb jingħad illi dawn iż-żewġ allowances ma’ humiex dipendenti fuq test tal-mezzi.
Permezz ta’ emendi fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) matul is-sena 2021, iddaħlet għall-ewwel darba f’pajjiżna l-Carers Grant. Il-ħlas tal-Carers Grant huwa fl-ekwivalenti ta’ nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta u ma hijiex dipendenti fuq test tal-mezzi, titħallas lil dawk il-ġenituri li ma jkunux jistgħu jaħdmu minħabba li jkollhom wild b’diżabilità severa u dak il-wild ikun qiegħed jirċievi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa (jekk ikollu 16 ‘il sena jew aktar) jew jekk il-wild ikollu jew ikollha anqas minn 16 ‘il sena, ikun ingħata punteġġ ta’ 75% jew aktar permezz tal-assessjar fuq il-mudell tal-World Health Organisation International Classification of Functioning, Disability, and Health (ICF for Children and Youths) mill-Bord Inter-Professjonali.
Persuna li tkun laħqet l-età pensjonabbli tkun tista tibqa’ fuq dawn il-benefiċċji u tista’ tapplika għal dawn l-assistenzi wkoll.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32123, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-grawnd tal-futbol ta’ Bormla jitlesta kompletament?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li x-xogħol għandu jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla u hu maħsub li jkun lest għal madwar Ġunju jew Lulju tas-sena 2026.
Jista' l-Ministru jwieġeb i-mistoqsija parlamentari 32174 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32048, jista’ l-Ministru jagħti x-xahar meta ser jitlesta il-bieb tal-Fortizza tal-Grazzja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Bieb inqala minn kuntrattur imqabad mill-Lands Authority. Ix-xoghol kien sorveljat mis-Sovrintendenza Tal-Patrimonju Kulturali. Il-bieb inqala' minħabba l-istat li qiegħed fih u li ilu jintalab li titieħed azzjoni. Il-bieb, b'mod temporanju, qed jinżamm il-Fortizza tar-Rinella li hija mmexxija mill-Fondazzjoni Wirt Artna. Fi ftit żmien is-Sovrintendenza ħa tibda l-proċess li naraw x'hemm bżonn biex il-bieb jiġi restawrat u jitpoġġa lura għaliex jista’ jkun ikun hemm bżonn ta' xi intervent fuq il-pilastri tal-gate tal-fortizza.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32128 u jgħid kemm applikaw studenti għall-programm ISEP (International Exchange Programme) u kemm minn dawn lis-studenti ġew magħżula f’dawn l-aħħar 10 snin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
Sena akkademika
Applikanti
Studenti li studjaw barra
2015/2016
14
2
2016/2017
10
4
2017/2018
12
5
2018/2019
20
7
2019/2020
13
6
2020/2021
14
0 (Covid)
2021/2022
22
6
2022/2023
36
14
2023/2024
19
2
2024/2025
35
13
2025/2026
39
6
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32127 u jagħti lista sħiħa ta’ programmi li ż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw minnhom pereżempju dawk relatati mal-edukazzjoni, max-xogħol u l-kultura barra minn Malta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31750, 31971 u 32118 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31387, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet tal-Gvern li jservu bħala uffiċini għal skopijiet ta’ amministrazzjoni b’kollox u jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li rigward d-dekateru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru t-tagħrif mitlub huwa kif ġej :
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru
L-entitajiet u id-dipartimenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Minsitru
Servizz.gov
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-entitajiet u id-dipartimenti fi ħdanu
Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza u l-entitajiet u id-dipartimenti fi ħdanu
Total
1
14
19
4
1