Legislature:
Category:
Reset
Active:

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Bankini u żoni pedonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm metri kwadri ta’ bankini u żoni pedonali ġew mibnija jew imtejba permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll taqsam din l-informazzjoni skont il-lokalità u l-proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-sena 2026, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq diversi interventi ta’ kostruzzjoni, tisbiħ u titjib ta’ bankini u spazji pubbliċi f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu fost oħrajn, aktar minn 7 kilometri ta’ bankini, pavimentar ta’ aktar minn 6,628 metru kwadru ta’ bankini, kif ukoll aktar minn 6,500 metru kwadru ta’ pavimentar fi spazji pubbliċi miftuħa. Il-lokalitajiet fejn saru dawn ix-xogħlijiet huma indikati fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Toroq arterjali f’Għawdex – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tat-toroq arterjali f’Għawdex li sar xogħol fuqhom matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fil-kuntest tal-impenn imħabbar fil-Baġit 2025? Tista’ tgħid ukoll it-tul tat-toroq li saru, l-ispiża u jekk ix-xogħol tlestiex?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ħal Kirkop – Proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku f’Ħal Kirkop tlestiex skont il-pjan oriġinali? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm dewmien, bidliet fil-pjanijiet jew żidiet fl-ispejjeż?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ħal Qormi – Proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi msemmija fil-Baġit 2025, tlestewx? Tista’ wkoll tagħti rendikont tax-xogħlijiet li saru, l-ispiża totali u jekk għadx hemm xogħlijiet pendenti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Tal-Barrani – Proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku f’Tal-Barrani, li fil-Baġit 2025 kien previst li jitlesta, tlestiex kompletament? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm spejjeż addizzjonali fuq dawk oriġinarjament previsti, l-ispiża finali u tindika d-data tat-tlestija?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Skema Vjal Kulħadd – Proġetti li għadhom ma tlestewx

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-proġetti approvati taħt l-iskema Vjal Kulħadd għadhom ma tlestewx? Tista’ wkoll tindika r-raġuni għad-dewmien u d-data prevista għat-tlestija ta’ kull proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Skema Vjal Kulħadd – Proġetti approvati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew approvati proġetti taħt l-iskema Vjal Kulħadd, li għaliha tħabbret allokazzjoni ta’ €10 miljuni? Tista’ wkoll tagħti lista tal-proġetti maqsuma skont il-Kunsill Lokali, l-ammont approvat, l-ammont li effettivament intefaq u l-istat attwali ta’ kull proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Inizjattivi ta’ bini u kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-inizjattivi ta’ bini u kostruzzjoni ffinanzjati taħt il-vot tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar matul l-2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll liema inizjattivi twettqu, liema għadhom għaddejjin u liema ġew ikkanċellati jew posposti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tinkludi inizjattivi ta’ bini, kostruzzjoni, riġenerazzjoni u titjib ta’ infrastruttura pubblika f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat 21 inizjattiva ġew finalizzati, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq 34 inizjattiva oħra. Il-ħidma tad-Dipartiment hija waħda kontinwa, bl-inizjattivi jkunu jinsabu fi stadji differenti ta’ ppjanar u implimentazzjoni skont in-natura, il-kumplessità, il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tekniċi u operattivi ta’ kull intervent. L-inizjattivi li għadhom għaddejjin jinsabu fi stadji differenti, fosthom fl-istadju tad-disinn, fl-istadju tal-eżekuzzjoni, fil-proċess tal-kisba tal-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar, jew fil-proċess tal-akkwist pubbliku (procurement). Il-progress ta’ dawn l-inizjattivi jiġi segwit kontinwament filwaqt li l-programm ta’ ħidma jiġi aġġornat skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Funtani pubbliċi – Manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew restawr fuq funtani pubbliċi fil-perjodu bejn l-2024 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tagħti lista tal-funtani, il-lokalitajiet fejn jinsabu, it-tip ta’ xogħol li sar u l-ispiża għal kull waħda?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u miġbura mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi. It-tiswijiet u l-manutenzjoni jsiru skont il-pariri tekniċi miksuba.

Ta’ Qali – Manutenzjoni tal-Park Nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali fil-perjodu bejn l-2024 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ wkoll tagħti rendikont tal-ispejjeż, tal-kuntratti mogħtija u tal-kumpaniji jew entitajiet li wettqu dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-Park Nazzjonali Ta’ Qali huma ta’ natura rikorrenti u jitwettqu skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien bil-għan li l-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-park jinżammu f’kundizzjoni tajba. Infurmata li matul il-perjodu imsemmi x-xogħlijiet kienu jinkludu xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni fiż-żoni tal-parkeġġ, rikostruzzjoni u tiswija ta’ ħitan u strutturi, manutenzjoni ta’ passaġġi u faċilitajiet, kif ukoll interventi f’żoni rikreattivi u oħrajn ta’ servizz. Saru wkoll xogħlijiet fl-ispazju tal-arti, fil-ġonna formali, fiż-żona tal-kunċerti u f’żoni oħra tal-park. Parti sostanzjali mix-xogħlijiet kienet tinvolvi wkoll il-manutenzjoni tal-funtana ewlenija u tal-karatteristiċi tal-ilma fl-Adventure Park, inkluż tiswijiet u tibdil ta’ pompi, valvi, filtri, tagħmir mekkaniku u sistemi tad-dawl. Barra minn hekk, saru xogħlijiet relatati mal-arbli tad-dawl u s-sistema tad-dawl b’mod ġenerali, manutenzjoni kontinwa tal-landscaping u xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni ġenerali madwar il-park kollu. Dawn ix-xogħlijiet twettqu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll fornituri oħra ta’ servizzi speċjalizzati, skont in-natura u l-ħtiġijiet tax-xogħlijiet rispettivi. Dawn l-ispejjeż huma koperti minn vot apposta allokat fuq bażi annwali. Infurmata li jkunu segwiti wkoll il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Skema ‘Ixtri Proprjetà Sostenibbli’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw għall-iskema ‘Ixtri Proprjetà Sostenibbli’ sa issa?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ persuni li applikaw għall-iskema ‘Ixtri Propjeta Sostenibbli’ sa issa huma kif ġejjin:- Applikazzjonijiet li rċiviet l-Awtorita’: 293 Applikazzjonijiet approvati sa issa mill-Awtorita’: 108

Ħal Tarxien - Ġnien Ovindoli - Tappieri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3822 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenarazzjoni tal-Port il-Kbir u l-mistoqsija parlamentari 3823 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: Fid-dawl li t-tappieri fi Ġnien Ovindoli ġewwa Ħal Tarxien fin-naħa ta’ Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija ġew magħluqa jew imblukkati, jista’ l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri jitnaddfu sabiex jerġgħu jiffunzjonaw kif suppost?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Marsaskala – Bajja ta’ San Tumas – Parkeġġ – Ħlas

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3649, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli, u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 940, minħabba l-fatt li l-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas, Marsaskala se jkun bla ħlas, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm kumpens għas-sid ta’ din l-art?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsilli lokali – Planning fund

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1273 u 3648 u jgħid kemm hemm kunsilli lokali li jużaw il-fondi li għandhom ġewwa l-planning fund allokat għall-kunsill lokali tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Marsaskala – BBQ Area fil-Park tal-Inwadar – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-BBQ Area fil-Park tal-Inwadar, f’Marsaskala, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fuq talba tal-Bord tal-Park tal-Inwadar, wettaqna proġett biex pjattaforma tal-konkos, li tifforma parti minn kanal għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, ġiet trasformata f’żona rikreattiva għall-benefiċċju tal-familji u l-viżitaturi tal-inħawi. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-tħejjija taż-żona u t-tisħiħ tal-pjattaforma, l-installazzjoni ta’ poġġamani protettivi madwarha, kif ukoll it-tqegħid ta’ settijiet tal-BBQ, kontenituri għall-iskart u l-irmied, kif ukoll bankijiet madwar iż-żona. Permezz ta’ dan il-proġett, spazju eżistenti ngħata użu ġdid biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi minn aktar faċilitajiet rikreattivi f’ambjent naturali. Project Green qed tkompli tieħu ħsieb it-tindif u l-manutenzjoni kontinwa taż-żona biex din tinżamm fi stat tajjeb għall-użu mill-pubbliku.

Bormla – Sit ta’ San Ġwann t’Għuxa – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit ta’ San Ġwann t’Għuxa, f’Bormla, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2022, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla talab biex żona f’San Ġwann t’Għuxa, li kienet fi stat t’abbandun, tiġi rijabilitata u trasformata fi spazju aħdar għall-benefiċċju tar-residenti. Is-sit kien fih ammont konsiderevoli ta’ skart u siġar tal-Akaċja, li huma meqjusin bħala speċi invażivi. Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni bdew fl-2023 minn Project Green u kienu jinkludu t-tindif tas-sit, it-tneħħija tal-ispeċi invażivi, t-tħejjija tal-art u ż-żieda ta’ ħamrija ġdida, kif ukoll it-tħawwil ta’ siġar maturi. B’hekk żona oħra li qabel kienet mitluqa nbidlet fi spazju aħdar attraenti u sostenibbli, filwaqt li Project Green għadha tieħu ħsieb il-manutenzjoni tagħha biex din tibqa’ titgawda mill-komunità.

Il-Qrendi – Ġnejnet Nikol Aquilina – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnejnet Nikol Aquilina, fil-Qrendi, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sit li llum huwa magħruf bħala Ġnejnet Nikol Aquilina, fil-Qrendi, qabel kien fi stat ta’ abbandun. Fl-2022 bdew diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Qrendi biex din iż-żona tiġi riġenerata u trasformata fi spazju aħdar għall-benefiċċju tar-residenti. Sussegwentement, ix-xogħlijiet inbdew fl-2023 u kienu jinkludu t-tindif tas-sit minn skart u materjal ieħor, l-invellar tal-ħamrija u t-tħejjija tagħha għat-tħawwil. Ġew installati wkoll ċnut madwar il-konfini tal-ġnien, bankijiet għall-pikniks, kontenituri għall-iskart u kontenituri apposta għall-iskart tal-klieb. Għaldaqstant, ħloqna spazju rikreattiv f’żona oħra li qabel kienet abbandunata. Il-ġnien infetaħ għall-pubbliku f’Novembru 2023 u minn dak iż-żmien ’l hawn, Project Green kompliet b’xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwa sabiex dan il-ġnien jbqa’ fi stat tajjeb għat-tgawdija tal-komunità.

Birżebbuġa – Bengħajsa Park – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit ta’ Bengħajsa Park, f’Birżebbuġa, sa qabel ix-xogħlijiet tal-ewwel fażi tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Park ta’ Bengħajsa, f’Birżebbuġa, għadda taħt ir-responsabbiltà ta’ Project Green fl-2023 mingħand Infrastructure Malta, li kienet diġà wettqet xogħlijiet ta’ preparazzjoni tal-ħamrija u bdiet it-tħawwil tas-siġar fis-sit. Project Green kompliet bix-xogħlijiet sabiex dan l-ispazju ġie estiż b’aktar minn 2,000 metru kwadru u trasformatu f’park sigur, aċċessibbli u adattat għat-tgawdija tal-familji u r-residenti. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ ċnut madwar il-konfini tal-park, l-invellar tal-ħamrija u t-tneħħija tal-ġebel, il-ħolqien ta’ passaġġi, it-tiswija tal-bir eżistenti, ir-restawr tal-binja li tinsab fis-sit, kif ukoll l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-logħob għat-tfal. Sar ukoll aktar tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli biex kompla jittejjeb l-ambjent naturali tal-park.

Ħal Safi – Sit tal-Picnic Area/Dog Park – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-Picnic Area/Dog Park ta’ Ħal Safi sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, wara talba li kien għamel il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi, iż-żona li tinsab f’Ta’ Ġawhar ġiet trasformata fi spazju rikreattiv għall-familji, li jinkludi żona għall-pikniks u park għall-klieb. Ix-xogħlijiet fiż-żona tal-pikniks twettqu minn Ambjent Malta, filwaqt li dawk marbuta mal-iżvilupp tal-park għall-klieb inbdew minn Parks Malta u sussegwentement tkomplew minn Project Green fl-2023. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-kostruzzjoni ta’ bir, il-preparazzjoni tal-ħamrija, ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, il-ħolqien ta’ passaġġi, l-installazzjoni ta’ għamara għall-ġnien, ċnut madwar il-park għall-klieb, tagħmir tal-logħob għall-klieb, kameras tas-CCTV u sistema ta’ irrigazzjoni, kif ukoll it-tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli. Minn meta ġie inawgurat il-ġnien, Project Green ħadet ir-responsabbiltà għall-manutenzjoni kontinwa tas-sit, sabiex dan l-ispazju jibqa’ jinżamm fi stat tajjeb għall-benefiċċju tar-residenti u l-familji li jżuruh.

Ħaż-Żabbar – San Klement Picnic Area – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tas-San Klement Picnic Area, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1281.